LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w26 Marzu pp. 26-31
  • Għala Tistaʼ Tkun Ferħan Meta Oħrajn Jobogħduk?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala Tistaʼ Tkun Ferħan Meta Oħrajn Jobogħduk?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • GĦALA JOBOGĦDUNA?
  • GĦALA NISTGĦU NKUNU FERĦANIN META JOBOGĦDUNA?
  • L-​Imħabba Tgħinna Nissaportu l-​Mibegħda
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Ittra li Tistaʼ Tgħinna Nibqgħu Leali sal-Aħħar
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Kif Ġeħova Jgħinek Tissaporti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • “Agħżlu Għalikom Infuskom Illum lil Min Se Taqdu”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
w26 Marzu pp. 26-31

1-7 TAʼ ĠUNJU 2026

GĦANJA 111 Ir-raġunijiet tagħna għall-ferħ

Għala Tistaʼ Tkun Ferħan Meta Oħrajn Jobogħduk?

“Ferħanin intom meta n-nies jobogħdukom.”—LUQA 6:22.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Għala nistgħu nkunu ferħanin meta n-nies jobogħduna għax naqdu lil Ġeħova.

1. Ġesù x’qal, u għala hu taʼ sorpriża għalina?

FIL-PRIETKA li għamel fuq il-Muntanja, Ġesù qal: “Ferħanin intom meta n-nies jobogħdukom.” (Luqa 6:22) Dawk li kienu qed jisimgħuh żgur li baqgħu sorpriżi b’dan il-kliem. Fuq kollox, ħadd ma jrid li oħrajn jobogħduh. Ġesù għala qal hekk? Din hija mistoqsija taʼ min jaħseb dwarha għax ħafna nies illum jobogħdu lid-dixxipli taʼ Ġesù. F’dan l-artiklu se niddiskutu għala n-nies jobogħduna u għala nistgħu nkunu ferħanin.

GĦALA JOBOGĦDUNA?

2-3. (a) X’inhi raġuni waħda għala l-Kristjani vera jiġu persegwitati? (Ġwanni 16:​2, 3) (b) Kif nistgħu nħossuna dwar dawk li jippersegwitawna?

2 In-nies jobogħduna għax naqdu lil Ġeħova. Dwar dawk li kienu se jippersegwitaw u anki joqtlu li xi wħud mid-dixxipli tiegħu, Ġesù qal: “La jafu l-Missier u lanqas lili.” (Aqra Ġwanni 16:​2, 3.) Min qed iġiegħel lil xi wħud biex jobogħdu lill-qaddejja t’Alla? Satana, li hu “l-alla taʼ din id-dinja.” (2 Kor. 4:​3, 4) Hu jipprova jwaqqaf lin-nies milli jitgħallmu l-verità dwar Ġeħova u jġegħelhom jiħduha kontra dawk li jafu u jħobbu lil Alla. (Ġw. 8:​42-44) Il-fatt li nafu dan, kif nistgħu nħossuna dwar dawk li jiħduha kontrina? Peress li nifhmu li Satana qarraq bihom, se jgħinna biex ma nobogħduhomx.

3 Aħseb dwar l-eżempju taʼ Pavel,a li jgħix f’pajjiż fejn ix-xogħol tagħna ma jistax isir. Minħabba li kien leali lejn Ġeħova u baqaʼ jaqdih, hu ġie arrestat, sawtuh bl-aħrax, u tefgħuh f’ċella waħdu maqtugħ minn oħrajn għal xhur sħaħ. Issa Pavel jgħid: “Bla dubju, huma Satana u d-demonji tiegħu li qed jipprovaw iwaqqfuna milli naqdu lil Ġeħova. Milli jidher, ħafna minn dawk li jaħdmu fil-ħabsijiet ma jobogħduniex. Huma sempliċement qed jagħmlu x-xogħol tagħhom.” Ħu mill-Kroazja li esperjenza persekuzzjoni kbira mill-ġenituri tiegħu li mhumiex xhieda, jgħid: “Jien ma narax lill-ġenituri tiegħi bħala l-għedewwa tiegħi, imma lil Satana.”—Efes. 6:12.

4. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempji taʼ Ġesù u tad-dixxiplu Stiefnu? (Ara wkoll l-istampa.)

4 Aħna ma nobogħdux lil dawk li jiħduha kontrina. Fil-fatt, aħna għandna nitolbu għalihom. (Mat. 5:44) Aħna nistgħu nitgħallmu dan minn Ġesù u d-dixxiplu Stiefnu. Wara li s-suldati Rumani sammru lil Ġesù maz-zokk tat-tortura, Ġesù talab: “Missier, aħfrilhom.” (Luqa 23:34) Ġesù kien qed jitlob lil Ġeħova biex jaħfer lil dawk is-suldati li kienu mġiegħla joqtluh. Hu jaf kellu f’moħħu wkoll lil dawk li kienu fil-folla u li bdew jgħajtu biex jinqatel minħabba li ġew influwenzati mill-għedewwa tiegħu. Ġesù nduna li huma ma kinux jafu x’qed jagħmlu. Stiefnu wkoll talab lil Alla biex jaħfer lil dawk l-irġiel li kienu se joqtluh. (Atti 7:​58-60) Ġeħova wieġeb it-talb taʼ Ġesù u Stiefnu? Iva. Ħafna nies li riedu li Ġesù jiġi maqtul, inbidlu, bdew jemmnu fih, u tgħammdu. (Atti 2:​36-41) U Sawl, li appoġġa lil dawk li qatlu lil Stiefnu, iktar tard sar Kristjan u ddispjaċieh ħafna għal dak li għamel.—1 Tim. 1:13.

Ħu b’wiċċu mbenġel qed jitlob fiċ-ċella u ħdejh hemm gwardjan.

Bħalma Ġesù u d-dixxiplu Stiefnu talbu għal dawk li kienu qed jippersegwitawhom, aħna nistgħu nitolbu għal dawk li jippersegwitawna (Ara paragrafu 4)


5. X’titgħallem mill-esperjenza taʼ César?

5 Ġeħova jismaʼ lilna wkoll meta nitolbuh għal dawk li jiħduha kontrina. Aħseb fl-eżempju taʼ César, li jgħix il-Venezwela. Missieru kien jopponi ħafna l-verità. César jgħid: “Ommi kienet mara u omm tajba. Għalkemm dejjem poġġiet l-affarijiet spiritwali l-ewwel, hi qatt ma ttraskurat lil missieri. Lili u lil ħuti għallmitna nirrispettaw lil missieri. Hi għallmitna wkoll li għandna dejjem nobduh, sakemm ma jgħidilniex biex nagħmlu xi ħaġa li ma jridx Ġeħova.” Maż-żmien, missieru beda jinbidel. Hu jkompli jgħid: “Darba waħda, wara li għedt talba mill-qalb, saqsejt lil missieri jekk jixtieqx jistudja l-Bibbja miegħi. Meta qalli iva, ħassejtni ħa ntir bil-ferħ.” Maż-żmien, missier César tgħammed. Mhux kull min jiħodha kontrina se jagħmel bidliet bħal dawn, imma xi wħud ibiddlu l-attitudni tagħhom meta jarawna nitkellmu u naġixxu b’rispett. Kemm nieħdu pjaċir meta jagħmlu hekk! Kemm inħarsu ’l quddiem biex naraw kif Ġeħova, “l-Imħallef tal-art kollha” li dejjem juri ħniena, jistaʼ jgħin lil dawn l-uħud jitgħallmu dwaru.—Ġen. 18:25.

6. Skont Marku 13:​13, x’inhi raġuni oħra għala n-nies jobogħduna?

6 Jobogħduna għax nirrispettaw lil Ġesù. Ġesù qal li n-nies kollha se jobogħdu lill-Kristjani veri ‘minħabba li huma dixxipli tiegħu,’ jiġifieri jirrispettaw l-awtorità tiegħu bħala Re fis-Saltna t’Alla. (Aqra Marku 13:13.) Dan għax huma jagħżlu lin-nies biex imexxu fuqhom, minflok il-mexxej li għażel Ġeħova, Ġesù Kristu. Però, din is-sitwazzjoni mhux se ddum ħafna. Ġesù ilu jmexxi bħala Re fis-Saltna t’Alla mill-1914. Dalwaqt, hu se jeqred il-gvernijiet kollha li m’aċċettawx l-awtorità tiegħu.

7-8. X’inhi raġuni oħra għala n-nies jobogħduna? (Ġwanni 15:​18-20) (Ara wkoll l-istampi.)

7 Jobogħduna għax aħna nagħżlu li ma nkunux bħan-nies fid-dinja taʼ Satana. Ġesù spjega li se jkun hemm min jobgħod lid-dixxipli tiegħu minħabba li mhumiex “parti mid-dinja.” (Aqra Ġwanni 15:​18-20.) Bħall-Kristjani tal-bidu, l-attitudni, l-imġiba, u l-kliem tagħna mhumiex bħal tan-nies tad-dinja. Minħabba f’hekk, ħafna aħwa ġew trattati ħażin fuq ix-xogħol jew l-iskola. (1 Pt. 4:​3, 4) Aħna nieħdu pjaċir meta xi wħud li jiħduha kontrina jbiddlu l-mod kif iħossuhom dwarna u jibdew jirrispettawna.

8 Aħseb dwar l-esperjenza taʼ Ignacio, li jgħix fl-Amerika Ċentrali. Fl-iskola fejn kien imur kien hemm għalliem li għal snin sħaħ kien iwaqqgħu għaċ-ċajt minħabba li kien jgħix skont il-livelli t’Alla. Imma qabel Ignacio ggradwa, dan l-għalliem saqsieh kif irnexxielu jgħix skont il-prinċipji tal-Bibbja minkejja li ħafna nies ma kinux jirrispettawh minħabba f’hekk. Hu spjegalu li għalih il-liġijiet t’Alla huma taʼ protezzjoni. Imbagħad Ignacio stiednu biex imur laqgħa tal-kongregazzjoni u meta rah fis-Sala, baqaʼ mistagħġeb! L-għalliem tant kien impressjonat bl-imħabba li wrewh l-aħwa li baqaʼ jattendi l-laqgħat. Iktar tard, minħabba li beda jistudja l-Bibbja, hu wkoll esperjenza l-oppożizzjoni. Imma l-ħbiberija tiegħu ma’ Ġeħova kompliet tikber u maż-żmien tgħammed.

Grupp taʼ stampi: Stampa taʼ x’ġara fl-esperjenza taʼ Ignacio meta kien l-iskola. 1. Hu qiegħed bilqiegħda kwiet fil-klassi waqt li l-għalliem qed iwaqqgħu għaċ-ċajt quddiem l-istudenti l-oħra. 2. Iktar tard, l-għalliem qed jismaʼ sew lil Ignacio waqt li qed ikellmu.

Hi x’inhi l-età li għandna, aħna nistgħu nkunu kuraġġużi u niddefendu l-fidi tagħna (Ara paragrafu 8)b


9-10. (a) Il-Kristjani kif inhuma differenti wkoll min-nies fid-dinja taʼ Satana? (b) X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju tal-appostlu Pawlu?

9 Aħna differenti wkoll min-nies fid-dinja taʼ Satana għax nagħżlu li ma niħdux sehem fil-politika u l-gwerer. (Ġw. 18:36) Aħna nobdu l-kmand li nsibu f’​Rumani 13:​1, u għalhekk nobdu l-liġijiet tal-pajjiż. Bħala Kristjani, aħna ma nżommu mal-ebda partit fil-politika. Għalhekk, ma noħorġux għall-politika jew nivvotaw. Għala? Għax aħna leali lejn Ġeħova u s-Saltna tiegħu, li hi mmexxija minn Kristu. Ħafna mix-Xhieda taʼ Ġeħova ġew mitfugħin il-ħabs minħabba l-fidi tagħhom. Imma għalkemm qegħdin fil-ħabs, huma xorta jibqgħu jippritkaw. Huma qed jimitaw lill-appostlu Pawlu, li għamel snin il-ħabs u arrestat fid-dar tiegħu. (Atti 24:27; 28:​16, 30) Hu baqaʼ jaqsam l-aħbar tajba maʼ dawk kollha li kienu lesti li jisimgħu, inkluż gwardjani tal-ħabs, uffiċjali tal-qrati, gvernaturi, rejiet, u forsi anki ma’ uffiċjali tal-Imperatur Ruman Neruni.—Atti 9:15.

10 Bl-istess mod, l-aħwa li qegħdin fil-ħabs qed ikomplu jippritkaw lil dawk li huma lesti li jisimgħu, inkluż imħallfin, uffiċjali tal-gvern, u gwardjani. Ħu li qattaʼ iktar minn sitt snin fil-ħabs minħabba li ma riedx jieħu sehem fil-politika qal li hu qies dak iż-żmien fil-ħabs bħala inkarigu mingħand Ġeħova biex isib lil dawk li huma sinċiera, u mhux bħala kastig. Kemm għandna għalfejn inkunu ferħanin jekk Ġeħova juża lilna biex nippritkaw lil uħud bħal dawn! (Kol. 4:3) Ejja naraw raġunijiet oħra għala għandna nkunu ferħanin anki meta n-nies jobogħduna għax naqdu lil Ġeħova.

GĦALA NISTGĦU NKUNU FERĦANIN META JOBOGĦDUNA?

11. Il-persekuzzjoni kif issaħħaħ il-fidi tagħna? Agħti eżempju.

11 Aħna nafu li meta n-nies jobogħduna tkun qed tiġri profezija tal-Bibbja. Fl-ewwel profezija li nsibu fil-Bibbja, Ġeħova qal minn qabel li Satana u dawk li jżommu miegħu se jobogħdu lil dawk li jħobbu u jaqdu lil Ġeħova. (Ġen. 3:15) Ġesù spiss qal li n-nies se jobogħdu lil dawk li jaqdu lil Ġeħova. (Mat. 10:22; Mrk. 13:​9-12; Luqa 6:​22, 23; Ġw. 15:20) U xi rġiel li kitbu fil-Bibbja kitbu dwar dan ukoll. (2 Tim. 3:12; Ġak. 1:2; 1 Pt. 4:​12-14; Ġuda 3, 17-19) Għalhekk, meta n-nies jiħduha kontrina mhix ħa tkun taʼ sorpriża għalina. Minflok, inħossuna ferħanin għax nafu li qed tiġri profezija tal-Bibbja. Dan jagħtina garanzija li aħna qed naqdu lill-Alla l-veru. Oħt li tgħix f’pajjiż fejn ix-xogħol tagħna ma jistax isir bil-libertà tgħid: “Meta ddedikajt ħajti lil Ġeħova, kont naf li xi darba jew oħra se niffaċċja l-persekuzzjoni. Għalhekk, meta jkolli xi prova ma nibżax jew niħodha bi kbira.” Ir-raġel tagħha kien wieħed minn ħafna li ħaduha kontriha. Hu kien jittrattaha ħażin u ħarqilha l-Bibbja u l-letteratura bbażata fuq il-Bibbja. Imma minflok ma beżgħet u ħalliet il-fidi tagħha tiddgħajjef, il-ħbiberija tagħha ma’ Ġeħova saret iktar b’saħħitha. (Lhud 10:39) Hi tgħid: “Il-Bibbja qalet minn qabel li kien se jkollna l-persekuzzjoni. Għalhekk, kont naf li din kellha tiġri. Il-fatt li għaddejt minnha kkonvinċieni li din hija r-reliġjon il-vera.”

12. X’għen lil ħu jissaporti l-persekuzzjoni?

12 Għalkemm nafu li se jkollna l-persekuzzjoni, xorta waħda nistgħu nsibuha diffiċli biex nissaportuha. Ħu kiteb hekk dwar iż-żmien li qattaʼ fil-ħabs: “Xi kultant kont inħossni dipress jew inkwetat, u kont nibki ħafna.” X’għen lil dan il-ħu biex ikampa? Hu qal: “Kont nitlob il-ħin kollu. Kont nibda l-ġurnata b’talba. Matul il-ġurnata, meta kont niffaċċja sitwazzjoni diffiċli, kont nitlob ukoll. U meta oħrajn kienu jittrattawni ħażin u jirrabjawni, kont immur nissakkar fejn kien hemm it-tojlits u nitlob.” Dan il-ħu ħaseb ukoll dwar il-ħafna eżempji taʼ wħud li ssaportew il-persekuzzjoni kemm fil-passat kif ukoll illum. Dan għenu biex jissaporti l-persekuzzjoni u jħoss il-paċi li Ġesù wiegħed lid-dixxipli tiegħu.—Ġw. 14:27; 16:33.

13. X’jistaʼ jgħinna nissaportu l-mibegħda?

13 L-imħabba tagħna għal Ġeħova u għal xulxin tgħinna nissaportu l-mibegħda. Ġesù baqaʼ jħobb lil Missieru b’qalbu kollha sal-aħħar nifs taʼ ħajtu. Ġesù kien iħobb ukoll lill-ħbieb tiegħu. (Ġw. 13:1; 15:13) Meta jkollna mħabba bħal din kemm għal Ġeħova kif ukoll għal ħutna, aħna wkoll se nkunu nistgħu nissaportu l-mibegħda. Kif nistgħu nagħmlu dan? Ejja naraw l-eżempju tal-appostlu Pawlu.

14. X’għen lil Pawlu jibqaʼ leali lejn Ġeħova anki meta kien se jiġi maqtul?

14 Qabel ma l-appostlu Pawlu ġie maqtul, hu kiteb lill-ħabib tiegħu Timotju: “L-ispirtu qaddis li Alla tana ma jagħmilniex beżgħanin, imma jagħtina l-qawwa [u] l-imħabba.” (2 Tim. 1:7) Pawlu x’ried ifisser? Hu kien qed jgħid li l-imħabba b’saħħitha għal Ġeħova tistaʼ tgħin biex Kristjan ikun jistaʼ jissaporti sitwazzjonijiet diffiċli ħafna. (2 Tim. 1:8) U għalkemm l-appostlu Pawlu kien jaf li se jiġi maqtul għax kien jaqdi lil Ġeħova, l-imħabba tiegħu għal Ġeħova għenitu biex ikun kuraġġuż u jibqaʼ leali lejh.—Atti 20:​22-24.

15. Illum l-aħwa kif juru mħabba kbira bejniethom? (Ara wkoll l-istampa.)

15 Bla dubju, aħna nħobbuhom ħafna lil dawk l-aħwa li jibqgħu sodi meta jiffaċċjaw il-persekuzzjoni. Illum, xi wħud ikunu lesti li jirriskjaw ħajjithom għall-aħwa, bħalma Akwila u Prixilla rriskjaw ħajjithom għal Pawlu. (Rum. 16:​3, 4) Pereżempju, fir-Russja, ħafna aħwa marru fil-qrati biex jinkuraġġixxu lil dawk li ġew arrestati. Meta oħt li kienet arrestata rat grupp kbir t’aħwa l-qorti, tant ħassitha emozzjonata li ma felħitx titkellem. L-imħabba kbira tal-aħwa saħħitha meta hi vera kellha bżonn. Iva, aħna nistgħu nkunu vera ferħanin għax l-imħabba tagħna hi iktar b’saħħitha mill-mibegħda!

Żewġ pulizija nisa qed idaħħlu lil oħt ġo vann waqt li grupp t’aħwa qed iċapċpu.

Anki fejn ix-xogħol tagħna ma jistax isir jew ma jistax isir bil-libertà, l-aħwa wrew imħabba kbira għal ħuthom (Ara paragrafu 15)c


16. L-appostlu Pietru qal li l-aħwa jistgħu jkunu ferħanin minkejja li jkunu trattati ħażin għax jaqdu lil Alla. Għala? (1 Pietru 4:14)

16 Aħna nafu li Alla jkun ferħan bina meta nissaportu l-mibegħda. (Aqra 1 Pietru 4:14.) L-appostlu Pietru qal li l-aħwa jistgħu jkunu ferħanin meta jibqgħu jissaportu minkejja li jkunu trattati ħażin għax jaqdu lil Alla. Għala? Għax dan jagħti prova li ‘għandna l-ispirtu’ t’Alla. Pietru kien jaf x’jiġifieri li tissaporti l-persekuzzjoni u li Alla jkun ferħan bik. Ftit wara Pentekoste tas-sena 33, il-gwardjani tat-tempju ntbagħtu biex jarrestaw lil Pietru u appostli oħrajn għax kienu qed jippritkaw. Imma Pietru b’kuraġġ iddefenda l-fidi tiegħu. (Atti 5:​24-29) Hu u l-appostli sħabu baqgħu jippritkaw anki wara li ġew imsawtin bil-frosta. Huma kienu ferħanin għax “kellhom l-unur li jbatu minħabba isem Ġesù.” Aħna wkoll nistgħu nkunu ferħanin meta nissaportu l-provi.—Atti 5:​40-42.

17. Fil-lejl qabel miet, Ġesù x’qalilhom lid-dixxipli tiegħu?

17 Fil-lejl qabel miet, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Min iħobb lili, Missieri se jħobbu. Jien ukoll se nħobbu.” (Ġw. 14:21) Kemm inħarsu ’l quddiem għal dak iż-żmien meta n-nies se jħobbuna għax naqdu lil Ġeħova, u mhux jobogħduna! (2 Tes. 1:​6-8) Imma sa ma jasal dak iż-żmien, jalla nħossuna inkuraġġiti u nibqgħu sodi minħabba l-ħafna raġunijiet li għandna biex inkunu ferħanin meta n-nies jobogħduna.

INT KIF TWIEĠEB?

  • In-nies għala jobogħdu lid-dixxipli taʼ Ġesù?

  • L-imħabba tagħna kif inhi b’saħħitha iktar mill-mibegħda?

  • Għala nistgħu nkunu ferħanin meta jobogħduna?

GĦANJA 149 Għanja tar-rebħa

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

b X’JURUNA L-ISTAMPI: Stampa taʼ x’ġara fl-esperjenza taʼ Ignacio. Hu qed jagħti xhieda lill-għalliem.

c X’TURINA L-ISTAMPA: Stampa taʼ x’ġara fl-esperjenza taʼ oħt. L-aħwa qed jissapportjawha waqt li qed tittieħed il-ħabs minħabba l-fidi tagħha.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja