LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w26 Marzu pp. 20-25
  • Uri l-Għaqal u ‘Tirnexxi’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Uri l-Għaqal u ‘Tirnexxi’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • KUN UMLI U MHUX KBURI
  • IBQAʼ KALM U TIRRABJAX
  • AFDA F’ĠEĦOVA META TIBŻAʼ
  • KUN GĦAQLI BILLI TITGĦALLEM TAĦSEB BĦAL ĠEĦOVA
  • Raġel gwerrier u tifla żgħira
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Hi Riedet Tgħin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Kellu Rasu Iebsa Imma fl-Aħħar Obda
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Tifla Tgħin lil Raġel Setgħan
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
w26 Marzu pp. 20-25

25-31 TA’ MEJJU 2026

GĦANJA 135 L-appell mill-qalb taʼ Ġeħova: “Ibni, kun għaref”

Uri l-Għaqal u ‘Tirnexxi’

“Min juri l-għaqal f’sitwazzjoni se jirnexxi.”—PROV. 16:20.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Kif meta nuru l-għaqal se jgħinna biex naġixxu b’mod tajjeb f’sitwazzjonijiet diffiċli.

1-2. X’inhu l-għaqal, u kif jistaʼ jgħinna?

ĠIELI ħassejt li xi ħadd ma ttrattakx b’rispett? Ġieli xi ħadd iġġudikak ħażin jew weġġgħek? Jew ġieli kont f’sitwazzjoni li fiha bdejt tibżaʼ? Jekk iva, mela taf kemm hu diffiċli biex tgħid jew tagħmel dak li hu sewwa. X’jistaʼ jgħinna f’dawn is-sitwazzjonijiet? Il-Bibbja tagħtina pariri tajbin biex inkunu nafu x’nistgħu nagħmlu f’dawn iċ-ċirkustanzi u f’oħrajn.

2 Meta jkollna l-għaqal, aħna ma niħdux deċiżjoni biss fuq dak li naraw, imma jgħinna wkoll insiru nafu iktar dwar is-sitwazzjoni. Dan jgħinna nifhmu għala tkun ġrat xi ħaġa jew għala xi ħadd jaġixxi b’ċertu mod. Minħabba f’hekk, ħa nkunu nistgħu naġixxu b’mod għaqli. Pereżempju, ħa nkunu nistgħu ‘nikkontrollaw dak li ngħidu’ u nkunu nafu meta jkun ‘iż-żmien li noqogħdu kwieti.’ (Prov. 10:19; Ekk. 3:7) Meta naġixxu b’mod għaqli, se nkunu nistgħu nikkontrollaw ir-rabja tagħna u naħfru. Jgħinna wkoll biex naċċettaw il-pariri u l-korrezzjoni. (Prov. 19:20) B’hekk, dak li ngħidu u nagħmlu mhux biss se jogħġob lil Ġeħova imma se jgħin lill-oħrajn u anki lilna nfusna. Dan hu speċjalment minnu meta nkunu f’sitwazzjonijiet diffiċli li fihom nitħajru nwieġbu b’mod aħrax jew nirrabjaw. Issa ejja naraw tliet rakkonti mill-Bibbja li juru li meta nuru l-għaqal, billi naħsbu qabel naġixxu, se jgħinna biex nibqgħu umli, kalmi, u nafdaw għalkollox f’Ġeħova.

KUN UMLI U MHUX KBURI

3. Min kien Nagħman?

3 Biex nagħmlu dak li hu sewwa, ma rridux inkunu kburin. (1 Pt. 5:5) L-għaqal se jgħinna nagħmlu dan. B’liema mod? Ejja naraw l-eżempju taʼ Nagħman. Hu kien jgħix is-Sirja, pajjiż qrib Iżrael. Nagħman kien raġel importanti, il-kap tal-armata Sirjana. Imma hu kellu l-ġdiem, marda fil-ġilda.—2 Slat. 5:1.

4. Nagħman kif wera li kien għaqli?

4 Il-mara taʼ Nagħman kellha tifla żgħira bħala lsira minn Iżrael. Din it-tifla qaltilha li f’Iżrael kien hemm profeta li setaʼ jfejjaq lir-raġel tagħha. (2 Slat. 5:​2, 3) Nagħman setaʼ ħaseb, ‘Tistaʼ tifla żgħira minn poplu li hu l-għadu tagħna tgħidli xi ħaġa li tistaʼ tgħinni?’ Imma hu ħaseb dwar dak li qalet. Minflok ma qabad u injora dak li qalet, bħalma forsi jagħmel xi ħadd kburi, hu kien umli u semaʼ minn dak li qaltlu. Hu ħa permess mingħand ir-re tas-Sirja biex imur Iżrael ħalli jfiq.—2 Slat. 5:​4, 5.

5. Xi ġralu Nagħman meta mar Iżrael?

5 Nagħman mar għand ir-Re Ġeħoram t’Iżrael bit-tama li jiġi mfejjaq mill-marda tiegħu. Imma Ġeħoram ħaseb li r-re tas-Sirja kien qed jipprova jiġġieled miegħu. Meta l-profeta Eliżew semaʼ dwar dan, hu qal lil Ġeħoram biex jibgħat lil Nagħman għandu. (2 Slat. 5:​6-9) Però, l-affarijiet ma ġrawx kif kien qed jistenna Nagħman. Eliżew lanqas biss mar jiltaqaʼ miegħu jew ikellmu. Minflok, hu bagħat messaġġier għand Nagħman biex jgħidlu x’kellu jagħmel biex ifiq.—2 Slat. 5:10.

6. (a) X’setaʼ ġiegħel lil Nagħman jissuppervja għal dak li qallu l-messaġġier? (b) Il-qaddejja taʼ Nagħman kif urew l-għaqal, u b’liema riżultat? (2 Slaten 5:​13, 14)

6 Għall-ewwel, Nagħman ma tantx laqaʼ tajjeb dak li qallu l-messaġġier. Hu “rrabja ħafna” u “telaq irrabjat.” (2 Slat. 5:11, 12) Għala? Hu forsi ħass li ma ġiex trattat bir-rispett li kien ħaqqu bħala uffiċjal tal-armata taʼ pożizzjoni għolja. Barra minn hekk, setaʼ ħass li dak li qallu biex jagħmel Eliżew kien qed juri nuqqas taʼ rispett lejn is-Sirja. Kien x’kien il-każ, Nagħman iddeċieda li jitlaq id-dar mingħajr ma jiġi mfejjaq. Madankollu, il-qaddejja tiegħu wrew l-għaqal għax fehmu li Eliżew vera ried jgħinu. Għalhekk talbu lil Nagħman biex jerġaʼ jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu. Nagħman kien lest li jismaʼ minnhom u ma jibqax supperv. Hu b’umiltà għamel dak li qallu Eliżew u fieq.—Aqra 2 Slaten 5:​13, 14.

7. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Nagħman? (Proverbji 22:4) (Ara wkoll l-istampi.)

7 X’nitgħallmu minn dan ir-rakkont? Hemm bżonn li naħsbuha sew qabel nagħmlu xi ħaġa, għax dak li nħossu jew il-mod kif naraw l-affarijiet mhux dejjem ikun tajjeb. Hemm bżonn ukoll nuru l-għaqal biex ma niħdux deċiżjonijiet fuq kif inkunu qed inħossuna, u rridu nkunu umli. Infatti, irridu nammettu li aħna ma nafux kollox. Aħna jaf ikollna bżonn l-għajnuna mingħand oħrajn, speċjalment mingħand Ġeħova. Għalkemm Nagħman kien għadu ma jqimx lil Ġeħova, hu wera l-għaqal billi kien umli u semaʼ mit-tifla Iżraelija, mill-qaddejja tiegħu stess, u l-iktar importanti minn Eliżew, li kien qed jitkellem għal Ġeħova. Nagħman kien lest li jbiddel l-attitudni tiegħu. Minħabba f’hekk, hu ħa deċiżjoni għaqlija u fieq. Għalhekk, jekk xi ħadd jagħtina parir mill-Bibbja li ma naqblux miegħu jew nirċievu xi direzzjoni li ma nifhmux għala, aħna x’nagħmlu? Se nieqfu u naħsbu dwar kif ħa naġixxu biex naraw jekk hux se nkunu umli jew kburin?—Aqra Proverbji 22:4.

Grupp taʼ stampi: Ħu qed juri l-għaqal hekk kif b’umiltà qed jismaʼ lil oħrajn. 1. Hu qed jismaʼ minn ħu żagħżugħ li qed jagħtih parir mill-browxer “Irsisti fil-qari u t-tagħlim.” 2. Hu qed jismaʼ lil oħt kbira fl-età li qed titkellem miegħu dwar l-arranġament tas-service bit-trolley. 3. Hu qed jara l-JW Broadcasting fuq it-tablet tiegħu.

Bħalma Nagħman kien umli u semaʼ minn oħrajn, aħna rridu nisimgħu meta ningħataw parir, meta oħrajn jgħidulna bi problema, u meta nirċievu direzzjoni mill-organizzazzjoni t’Alla (Ara paragrafu 7)


IBQAʼ KALM U TIRRABJAX

8. Meta jistaʼ jkun diffiċli biex nibqgħu kalmi?

8 Xi kultant jistgħu jiġru affarijiet li jdejquna, imma jekk nieqfu u naħsbu qabel ngħidu jew nagħmlu xi ħaġa, se jgħinna biex nibqgħu kalmi. Irridu nammettu li jistaʼ jkun diffiċli li nagħmlu dan, speċjalment jekk xi ħadd jgħid jew jagħmel xi ħaġa li biha jweġġagħna. (Efes. 4:26 u n-nota taʼ studju bl-Ingliż “Be wrathful”) Ejja naraw kif David u Abigajl urew l-għaqal meta kienu f’sitwazzjoni diffiċli.

9. Nabal kif tratta lil David?

9 Immaġina dan: David u l-irġiel li kien hemm miegħu kienu qed jgħixu fid-deżert taʼ Faran għax kienu ħarbu minħabba Sawl. (1 Sam. 25:1) Waqt li kienu hemm, huma pproteġew lir-ragħajja u lill-merħliet taʼ raġel sinjur jismu Nabal. (1 Sam. 25:​15, 16) Meta kien wasal iż-żmien li jinqataʼ s-suf tan-nagħaġ, David bagħat xi messaġġiera għand Nabal u talbu biex jagħtih xi ikel. Hu għamel dan b’rispett. (1 Sam. 25:​6-8) Imma Nabal ma kienx grat għal dak kollu li David u l-irġiel tiegħu għamlu miegħu. Infatti, hu kien arroganti u qal affarijiet li jweġġgħu dwar David u l-irġiel tiegħu.—1 Sam. 25:​10, 11.

10. David u Abigajl kif urew l-għaqal? (1 Samwel 25:​32, 33) (Ara wkoll l-istampa.)

10 Li kont minflok David, kif kont tħossok? Mhuwiex diffiċli biex timmaġina għala rrabja ħafna. Infatti, hu tant kien irrabjat li ried joqtol lil Nabal! (1 Sam. 25:​13, 21, 22) Fil-fatt, David kien fi triqtu biex imur joqtlu meta marret tiltaqaʼ miegħu l-mara taʼ Nabal, Abigajl. Abigajl għala għamlet hekk? Hi kienet taf li David kien raġel sew, imma fehmet għala kien tant irrabjat. Għalhekk, għamlet kulma setgħet biex tikkalmah u biex jaġixxi b’mod sew. Hi tagħtu ħafna affarijiet kif ukoll parir għaqli. (1 Sam. 25:​18, 23-31) David wera li kien għaqli għax hu semaʼ minn Abigajl u fehem li dak li qaltlu kien il-mod kif Ġeħova jaħsibha dwar is-sitwazzjoni. B’hekk, David ikkalma u evita li jagħmel dan l-iżball kbir.—Aqra 1 Samwel 25:​32, 33.

David qiegħed attent għal dak li qed tgħid Abigajl waqt li qiegħda għarkupptejha mal-art biex tikkonvinċih ma jagħmilx dak li għandu f’moħħu. L-irġiel taʼ David qed jisimgħu. Il-qaddejja t’Abigajl qed jistennew warajha u għandhom ħafna rigali.

Peress li Abigajl aġixxiet bil-għaqal u David semaʼ minnha, ġiet evitata traġedja (Ara paragrafu 10)


11. L-għaqal kif jgħinna meta xi ħadd jirrabjana? (Proverbji 19:11)

11 X’nistgħu nitgħallmu minn dan ir-rakkont? Meta nieqfu u naħsbu, se jgħinna biex nibqgħu kalmi, anki meta jkollna għal xiex nirrabjaw. Dan se jgħinna biex naraw x’jistgħu jkunu l-konsegwenzi taʼ dak li ngħidu jew nagħmlu. (Aqra Proverbji 19:11.) David setaʼ jikkalma meta Abigajl fakkritu x’jaħseb Ġeħova dwar is-sitwazzjoni. Jekk ikun hemm min jirrabjak jew idejqek, tkunx iblah u taġixxi bir-rabja. (Ġak. 1:19) Mur għand Ġeħova fit-talb u aħseb dwar kif Ġeħova jħossu dwar is-sitwazzjoni. Aktarx se jgħinek biex tikkalma.

12. Oħrajn kif jistgħu jgħinuna nifhmu kif jaħsibha Ġeħova u nibqgħu kalmi?

12 Bħalma Ġeħova uża lil Abigajl biex tgħin lil David jara s-sitwazzjoni mill-ħarsa tiegħu, hu jistaʼ juża lill-aħwa biex jgħinuna nifhmu kif jaħsibha hu. Għalhekk, jekk ikun hemm xi ħaġa li se tirrabjak, ipprova tkellem maʼ xi ħadd matur li jara s-sitwazzjoni kif jaraha Ġeħova ħalli jgħinek biex int tagħmel l-istess. (Prov. 12:15; 20:18) Mill-banda l-oħra, tistaʼ int timita lil Abigajl jekk ikollok iċ-ċans li tgħin ħabib li jkun f’sitwazzjoni simili? Tistaʼ tgħinu jara l-affarijiet kif jarahom Ġeħova? Ġeħova żgur li se jbierek l-isforzi tiegħek biex tgħin lill-oħrajn juru l-għaqal u jibqgħu kalmi.

AFDA F’ĠEĦOVA META TIBŻAʼ

13. L-għaqal kif jistaʼ jgħinna meta nibżgħu?

13 Xi kultant, inkunu f’sitwazzjonijiet li nibdew nibżgħu. Imma jekk naħsbu dwar kemm Ġeħova hu iktar b’saħħtu minn kull ħaġa oħra, dan se jgħinna biex nafdawh, anki meta nkunu qed nibżgħu. (Slm. 27:1) Ġeħova jistaʼ jgħinna fi kwalunkwe sitwazzjoni, anki f’dawk li naħsbu li m’hemmx soluzzjoni. Hekk ġara fil-każ taʼ Ġona. Hu kien iħobb ħafna lil Ġeħova, imma beżaʼ meta Ġeħova tah inkarigu diffiċli.

14. Ġona għala forsi beżaʼ jaċċetta l-inkarigu li tah Ġeħova?

14 Ġeħova ta lil Ġona inkarigu diffiċli: hu kellu jmur Ninwe u jgħid lin-nies tagħha li Ġeħova se jeqridhom. (Ġona 1:​1, 2) Int kif kont tħossok li kieku ngħatajt dan l-inkarigu? Biss biss kellu jagħmel vjaġġ diffiċli bil-mixi. Biex minn Iżrael jasal fil-belt Assirjana taʼ Ninwe, kien se jiħodlu madwar xahar. L-Assirjani kienu magħrufin li huma ħorox u vjolenti. Ninwe saħansitra kienet tissejjaħ “il-belt li xxerred id-demm.” (Naħ. 3:​1, 7) Minflok m’aċċetta l-inkarigu, Ġona ħarab.—Ġona 1:3.

15. X’għen lil Ġona jafda iktar f’Ġeħova? (Ġona 2:​6-9)

15 Ġona kien qed jaħrab meta Ġeħova fakkru kemm hu b’saħħtu billi salvah b’miraklu tal-għaġeb. (Ġona 1:​15, 17) Ġona tgħallem lezzjoni. Hu fehem li ma kellux għalfejn jibżaʼ jmur Ninwe, għax Ġeħova kien se jipproteġih minn kull periklu. (Aqra Ġona 2:​6-9.) Meta Ġeħova tah opportunità oħra biex jaċċetta l-inkarigu, Ġona ma żammx lura. Hu mar Ninwe, u n-nies taw kasu u ġew salvati.—Ġona 3:5.

16. X’jistaʼ jgħinna meta nibżgħu? (Proverbji 29:25) (Ara wkoll l-istampi.)

16 X’nistgħu nitgħallmu minn dan ir-rakkont? Aħna ma rridu nħallu xejn iżommna lura milli nqimu lil Ġeħova, lanqas il-biżaʼ mill-bniedem. (Aqra Proverbji 29:25.) Meta Ġona ħaseb dwar dak kollu li ġralu, hu nduna li minflok ma kellu joqgħod jinkwieta dwar x’jistaʼ jiġrilu, kellu jiftakar li Ġeħova kien se jgħinu. Bl-istess mod, aħna wkoll nistgħu ma nibqgħux nibżgħu dwar x’jistaʼ jiġrilna, jekk naħsbu dwar kif Ġeħova dejjem għenna u pproteġina fil-passat. Nistgħu nimmeditaw ukoll dwar kif Ġeħova għen lil ħutna jiffaċċjaw sitwazzjonijiet tal-biżaʼ u jagħmlu inkarigi diffiċli għax fdaw kompletament fih.a (Lhud 13:6) Jalla nuru li aħna għaqlin billi nafdaw għalkollox f’Ġeħova u ngħinu lill-oħrajn biex jagħmlu l-istess.

Grupp taʼ stampi: 1. Il-profeta Ġona miexi lejn il-bieb tal-belt taʼ Ninwe. 2. Ħu żagħżugħ qed jimxi fil-kurutur tal-iskola fejn hemm ħafna affarijiet li Ġeħova jobgħod. Fil-kurutur hemm ħafna bnadar bil-kuluri tar-rainbow. Tifel qed jiġi bullied minn tifel ieħor.

Mill-eżempju taʼ Ġona nitgħallmu li jekk nafdaw għalkollox f’Ġeħova, se nkunu nistgħu nagħmlu dak kollu li Ġeħova jikkmandana (Ara paragrafu 16)


KUN GĦAQLI BILLI TITGĦALLEM TAĦSEB BĦAL ĠEĦOVA

17. X’se jgħinna nkomplu nitgħallmu naħsbu bħal Ġeħova?

17 Bħalma rajna, jekk nipprovaw nifhmu sitwazzjoni sew, se jgħinna biex naġixxu b’mod għaqli. X’se jgħinna nagħmlu dan? Ġeħova hu l-iktar persuna li għandha għerf, u allura l-iktar wieħed li jistaʼ jgħinna. Hu jagħmel dan permezz tal-Bibbja u l-ispirtu qaddis tiegħu. (Neħ. 9:20; Slm. 32:8) Hu jagħtina pariri li jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet għaqlin u nikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħna. (Slm. 119:​97-101) Aħna nistgħu nkunu għaqlin billi naħsbu sew dwar dak li tgħid il-Bibbja u nitolbu lil Ġeħova għall-ispirtu qaddis tiegħu li hu b’saħħtu. Dan se jgħinna nifhmu s-sitwazzjoni aħjar u nkunu nafu x’għandna nagħmlu ħalli naraw l-affarijiet bil-mod kif jarahom Ġeħova u nagħmlu dak li jrid hu.—Prov. 21:11.

18. X’int determinat li tagħmel?

18 Aħna rridu nibqgħu nitolbu lil Ġeħova biex itina l-għerf tiegħu. (Slm. 14:2) Jekk nagħmlu hekk, se nuru “l-għaqal.” (Prov. 21:16) U dan irridu nagħmluh f’kull sitwazzjoni. B’hekk, se ‘nirnexxu’ f’kulma nagħmlu.

KIF NISTGĦU NURU L-GĦAQAL BĦAL . . .

  • Nagħman?

  • David u Abigajl?

  • Ġona?

GĦANJA 42 It-talba tal-qaddej t’Alla

a Pereżempju, ara l-esperjenza taʼ Georgiy Porchulyan fis-serje t’artikli “Life Stories of Jehovah’s Witnesses” fil-JW Library® jew fuq jw.org.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja