Il-Ġimgħa, 16 taʼ Ottubru
“Tħallihiex twaqqgħek fit-tentazzjoni. Tmurx warajha.”—Prov. 7:25.
Dan ir-rakkont juri x’jistaʼ jiġri lil kull wieħed u waħda minna. Xi ħadd jistaʼ jagħmel dnub u wara jħoss li ġara kollox “f’daqqa waħda.” Jew forsi jgħid li mingħajr ma kien qed jistennieha ġiet tentazzjoni u waqaʼ. Imma jekk joqgħod jaħseb dwar x’ġara, wisq probabbli jinduna li kien għamel xi affarijiet jew ħa ċertu deċiżjonijiet li wassluh għad-dnub. Forsi jistaʼ jkun li kellu ħbieb li ma jħobbux lil Ġeħova jew mar f’xi postijiet jew f’xi websites li mhumiex tajbin għall-Kristjani. Jistaʼ jkun ukoll li waqaf jitlob, jaqra l-Bibbja, jattendi l-laqgħat, u jitkellem m’oħrajn dwar Ġeħova. Allura meta jagħmel dnub, forsi ma jkunx ġara f’daqqa waħda imma minħabba ħafna deċiżjonijiet ħżiena li jkun ħa. X’nistgħu nitgħallmu? Aħna ma rridux nevitaw id-dnub biss, imma rridu nevitaw li nagħmlu affarijiet li jistgħu jwassluna biex nagħmlu d-dnub.—Mt. 5:29, 30. w24.07 16 ¶10-11
Is-Sibt, 17 taʼ Ottubru
“Għalkemm aħna sempliċement bħal ġarar tal-fuħħar, għandna dan it-teżor.”—2 Kor. 4:7.
X’inhu t-teżor? Dan hu x-xogħol li nistgħu nsalvaw lin-nies bih billi ngħidulhom il-messaġġ tas-Saltna. (2 Kor. 4:1) X’inhuma r-reċipjenti tal-fuħħar? Dawn jirrappreżentaw lin-nies t’Alla li jgħidu l-aħbar tajba lill-oħrajn. Fi żmien Pawlu, kienu jġorru l-ikel, il-flus, u l-inbid f’ġarar tal-fuħħar. Bl-istess mod, Ġeħova jafdana b’xi ħaġa taʼ valur kbir, jiġifieri l-aħbar tajba li naqsmu man-nies. Aħna nistgħu nibqgħu ngħidu dan il-messaġġ lin-nies bl-għajnuna li jtina Ġeħova. Xi kultant forsi nibżgħu minn x’jistgħu jgħidulna jew jagħmlulna n-nies. Kif nistgħu negħlbu din il-biżaʼ? Aħseb dwar x’talbu l-appostli meta ordnawlhom biex ma jippritkawx. Minflok ma waqfu jippritkaw minħabba l-biżaʼ, huma talbu lil Ġeħova biex jgħinhom ‘jibqgħu jippritkaw bil-kuraġġ.’ Ġeħova mill-ewwel wieġeb it-talba tagħhom. (Atti 4:18, 29, 31) Jekk tibżaʼ, itlob lil Ġeħova jgħinek tħobb iktar lin-nies ħalli ma tibżax tgħidilhom l-aħbar tajba. w24.04 16 ¶8-9
Il-Ħadd, 18 taʼ Ottubru
“Missierna tas-sema, ħa jitqaddes ismek.”—Mat. 6:9.
L-imħabba li għandna għal Ġeħova timmotivana biex nirrispettaw lil ismu. Aħna nixtiequ ngħidu lil kulħadd li l-affarijiet ħżiena li Satana jgħid dwar Ġeħova huma gideb. (Ġen. 3:1-5; Ġob 2:4; Ġw. 8:44) Meta mmorru service, inkunu nixtiequ ngħidu lin-nies min hu Ġeħova u dwar il-kwalitajiet sbieħ tiegħu. Aħna nixtiequ ngħidu lil kulħadd li l-ikbar kwalità tiegħu hi l-imħabba. Nixtiequ ngħidulhom ukoll li Ġeħova jmexxi b’mod ġust, u kif is-Saltna tiegħu dalwaqt se tneħħi t-tbatija kollha u ġġib il-paċi. (Salm 37:10, 11, 29; 1 Ġw. 4:8) Meta nitkellmu man-nies dwar dawn l-affarijiet, inkunu qegħdin inqaddsu, jiġifieri nirrispettaw lil ismu. Aħna nkunu ferħanin ukoll għax inkunu nafu li qed nagħmlu x-xogħol li qabbadna nagħmlu bħala Xhieda taʼ Ġeħova. w24.05 18 ¶12