11-17 TAʼ MEJJU 2026
GĦANJA 7 Ġeħova, is-saħħa tagħna
Afda f’Ġeħova l-Alla l-Iktar Għoli
“Ġeħova, int biss l-Iktar Għoli fuq l-art kollha.”—SLM. 83:18.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Se naraw li nistgħu nafdaw għalkollox lil Ġeħova bħala l-Mexxej tal-univers u li hu se jgħinna f’kull problema li niffaċċjaw.
1. X’inhuma xi affarijiet terribbli li esperjenza Ġob?
ĠOB kien tilef kważi kollox: it-tfal tiegħu, il-ġid li kellu, u s-saħħa tiegħu. Barra minn hekk, hu tilef ir-reputazzjoni tajba li kellu. U t-taparsi ħbieb li marru jarawh, qalu ħafna affarijiet ħżiena dwaru, u dan ġiegħlu jħossu agħar. Anki l-mara tiegħu, li kien iħobb, tant ħassitha mfixkla li qaltlu: “Isħet lil Alla u mut.” (Ġob 2:9; 15:4, 5; 19:1-3) Dawn l-affarijiet terribbli setgħu kissru l-fiduċja li Ġob kellu fl-Alla l-veru u setgħu ġegħluh jiddubita jekk Ġeħova jipproteġix lil dawk li jħobbuh u jaqduh.
2-3. Meta nkunu għaddejjin minn żmien diffiċli, x’nistgħu naħsbu, u x’se nitgħallmu mill-ktieb taʼ Ġob?
2 Xi kultant, aħna wkoll nesperjenzaw sfidi li jistgħu jittestjaw bil-kbir il-fiduċja tagħna f’Ġeħova. Bħalissa qed ngħixu fi żmien fejn ‘is-sitwazzjoni hi diffiċli u perikoluża.’ (2 Tim. 3:1) Meta niffaċċjaw problema wara oħra, nistgħu nħossuna għajjenin u li ma nifilħux nissaportu. Meta jiġri hekk, xi wħud jistgħu jibdew jaħsbu li Ġeħova mhux vera jħobbhom u ma jridx jgħinhom.
3 Jekk ġieli ħassejtek hekk, taqtax qalbek. Ġob tgħallem li Ġeħova qatt ma jabbanduna lil dawk li huma leali lejh. Aħna wkoll nistgħu nitgħallmu nafdaw għalkollox lil Missierna Ġeħova u nkunu ċerti li se jgħinna u jippremjana. Issa se nitgħallmu kif il-ktieb taʼ Ġob jgħallimna li nistgħu dejjem nafdaw f’Ġeħova għax hu l-Alla l-Iktar Għoli. Se naraw ukoll li Ġeħova għandu l-qawwa li dak li jgħid jiġri. Hu jipproteġina billi jagħtina dak li għandna bżonn biex ikollna ħbiberija tajba miegħu.
SATANA MAR QUDDIEM ĠEĦOVA U L-ANĠLI
4. Min attenda l-laqgħa fis-sema li tissemma fil-ktieb taʼ Ġob?
4 Darba waħda, “l-anġli” marru quddiem Ġeħova fis-sema. Imbagħad il-Bibbja tgħid: “Satana mar ukoll.” (Ġob 1:6) Din hi l-ewwel darba li fil-Bibbja nsibu l-isem “Satana.” Hu jissejjaħ hekk minħabba li ħadha kontra Ġeħova. Ġeħova ppermetta li Satana jmur quddiemu minkejja li ma kienx għadu leali lejh. Hu sar l-għadu taʼ Ġeħova, tal-anġli leali, u anki tan-nies leali lejn Ġeħova. Minħabba dak li qal Alla f’Ġenesi 3:15, aħna nafu li Satana ma baqax jagħmel parti mill-familja taʼ Ġeħova. Għalhekk, Satana mhuwiex parti mill-“mara,” jiġifieri l-familja taʼ Ġeħova taʼ ħlejjaq spirti li minnha kellu jiġi “d-dixxendent.”
5. Minn dik il-laqgħa, x’nitgħallmu dwar Satana u Ġeħova?
5 Ġeħova niżżel fil-Bibbja xi ntqal fil-laqgħa dakinhar. Dak li qal Satana juri b’mod ċar li hu ħażin u jobgħod lil dawk li jaqdu lil Ġeħova. (Ġob 1:9; ara l-prinċipju f’Rivelazzjoni 12:10.) Nitgħallmu wkoll xi ħaġa inkuraġġanti ħafna: Li meta Ġeħova juża l-qawwa bla limitu tiegħu, hu dejjem jagħmel dak li hu tajjeb u ġust. Dan jurina li bħala l-Alla li Jistaʼ Kollox, Ġeħova jagħmel limitu taʼ x’jistgħu jagħmlu u ma jagħmlux oħrajn.
ĠEĦOVA MA JĦALLIX LIL SATANA JAGĦMEL KULMA JRID
6. Ġeħova kif wera li kellu l-kontroll taʼ kollox f’dik il-laqgħa fis-sema? (Ġob 1:7, 8)
6 Aqra Ġob 1:7, 8. Ġeħova kellu l-kontroll taʼ kollox f’dik il-laqgħa. Hu staqsa lil Satana: “Rajtu l-qaddej tiegħi Ġob?” Ġeħova kien jaf li Satana ried jattakka lil Ġob. Ejja naraw kif Ġeħova uża l-qawwa tiegħu biex jgħin lil Ġob.
7. Skont Ġob 1:10, 11, Satana x’qal dwar in-nies li jaqdu lil Ġeħova?
7 Aqra Ġob 1:10, 11. Ġeħova hu l-Alla li Jistaʼ Kollox. Hu l-Mexxej tal-univers, u hu juża l-awtorità u l-qawwa tiegħu bl-aħjar mod. (Ġer. 32:17; Dan. 4:35) Minkejja dan, Satana qal li Ġeħova m’użax il-qawwa tiegħu b’mod tajjeb. Fil-fatt, hu qal li Alla jagħti lill-bnedmin ħafna affarijiet tajba biex huma jaqduh, bħalma għamel ma’ Ġob. Satana kien qed jgħid ukoll li n-nies huma egoisti u li jaqdu lil Ġeħova għax jagħtihom l-affarijiet tajbin. Allura Ġeħova xi ddeċieda li jagħmel?
8-9. Ġeħova lil Satana x’qallu li setaʼ jagħmel, u Satana x’ma setax jagħmel, u għala? (Ġob 1:12) (Ara wkoll l-istampa.)
8 Aqra Ġob 1:12. Ġeħova ħalla lil Satana jipprova juri li Ġob ma kienx vera jħobb lil Ġeħova, imma Ġeħova tah kmand u kellu jobdih. Alla qal lil Satana: “Lilu tagħmillu xejn!” Dakinhar, l-anġli kollha f’dik il-laqgħa semgħu lil Ġeħova jagħti dan il-kmand lil Satana, u Satana kellu jobdi. Hu ma kellux il-qawwa biex jagħmel iktar milli ħallieh Ġeħova. U anki llum, Satana jistaʼ jagħmel biss dak li jħallih Ġeħova. Ġeħova uża l-awtorità u l-qawwa tiegħu biex jipproteġi lil Ġob u biex juri li hu Alla ġust u li jħobb.
9 L-attakk taʼ Satana falla bil-kbir. Ġob baqaʼ leali lejn Missieru tas-sema. (Ġob 1:22) Imma Satana kien se jkompli jittestja lil Ġob.
Ġeħova ħalla lil Satana jisfidah quddiem oħrajn (Ara paragrafi 8-9)
10. Ġeħova għala ħalla lil Satana jerġaʼ jattakka lil Ġob? (Ġob 2:2-6)
10 Aqra Ġob 2:2-6. Issa Satana ried jagħmel xi ħaġa agħar minn qabel biex iġiegħel lil Ġob jieqaf jaqdi lil Ġeħova. Satana qal li Ġob żgur kien se jisħet lil Alla biex isalva ħajtu. Biex juri li Satana hu giddieb, Ġeħova ħallieh jattakka lil dan ir-raġel leali. Imma għal darb’oħra, Ġeħova ta kmand lil Satana. Ġeħova qallu: “Toqtlux!” Satana ma kellux il-qawwa biex joqtol lil Ġob, għax Alla ma ħalliehx. Għal darb’oħra naraw li l-Alla l-Iktar Għoli kellu l-kontroll matul il-provi taʼ Ġob minħabba li Satana ma setax jagħmel iktar milli ħallieh Ġeħova.
ĠEĦOVA JTEMM IT-TBATIJA TAʼ ĠOB
11. Wara li Ġeħova temm il-provi li kien qed jiffaċċja Ġob, kif ippremjah? (Ġob 42:10-13)
11 Aqra Ġob 42:10-13. Meta Ġob ta prova li hu ħa jibqaʼ leali, Ġeħova ma ħalliex lil Satana jkompli jattakkah. Hu ħa azzjoni biex itemm it-tbatija tal-qaddej leali tiegħu. Għal darb’oħra, Satana ma kellux il-qawwa jwaqqaf lil Ġeħova milli jipproteġi u jbierek lil Ġob.
12. Agħti eżempju taʼ dak li għamel Ġeħova għal xi wħud li fdaw fil-qawwa tiegħu biex isalvahom.
12 Matul dawn iż-żminijiet diffiċli, Ġeħova uża l-qawwa tiegħu biex jgħin lil ħafna mill-qaddejja tiegħu. Pereżempju, fl-1945, xi suldati ġiegħlu lill-230 Xhud taʼ Ġeħova jagħmlu vjaġġ twil u perikoluż bil-mixi minn kamp tal-konċentrament fil-Ġermanja sal-baħar biex joqtluhom. Imma x-Xhieda kollha baqgħu ħajjin. Huma kitbu dwar l-esperjenza tagħhom u qalu li Ġeħova salvahom bħalma kien salva lit-tliet Ebrej mill-forn tan-nar u li meta ħarġu lanqas biss kellhom riħa taʼ ħruq. Bl-istess mod, dawn ix-Xhieda għaddew minn prova terribbli, imma l-fidi tagħhom saret iktar b’saħħitha minn qatt qabel. Ġeħova tahom il-qawwa li kellhom bżonn. Huma ħassew li ġew salvati bħalma kien ġie salvat Danjel mill-ħofra tal-iljuni. Minn dakinhar, huma kienu determinati li jaqdu lil Ġeħova għal dejjem. Għalihom, li setgħu jkomplu jaqdu lil Ġeħova għal dejjem, kien l-aqwa premju li setgħu jirċievu.—Ara l-prinċipju f’Danjel 3:27; 6:22.
13. Meta tiffaċċja l-problemi, minn xiex tistaʼ tkun ċert? (Ara wkoll l-istampi.)
13 Kultant, aħna wkoll nesperjenzaw problemi fil-ħajja tagħna u nħossuna bħallikieku ġejna mitfugħin ġol-ħofra tal-iljuni. (1 Pt. 5:8-10) Nistgħu nħossuna skuraġġiti ħafna għax forsi naħsbu li l-problemi tagħna mhu se jispiċċaw qatt. Meta tħossok hekk, ftakar fl-esperjenza taʼ Ġob, għax tistaʼ tgħinek. Aħna nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova għandu l-qawwa biex itemm it-tbatija tagħna, u hu jistaʼ jagħmel dan issa jew fid-dinja l-ġdida. Hu mhux se jħalli l-ħażen li hawn jibqaʼ ġurnata iktar miż-żmien li għażel biex ineħħih!
Ġeħova se jtemm it-tbatija tal-qaddejja leali tiegħu (Ara paragrafu 13)
ĠEĦOVA JĦOBB LILL-QADDEJJA LEALI TIEGĦU
14-15. Ġeħova xi jrid jagħmel għall-qaddejja leali tiegħu, u għala? (Ġob 14:15) (Ara wkoll l-istampa.)
14 Aqra Ġob 14:15. Missierna tas-sema hu leali lejn dawk li huma leali lejh. Hu tant iħobbhom li jekk imutu se jerġaʼ jagħtihom il-ħajja. B’hekk, hu se jneħħi t-tbatija li tiġi minħabba l-mewt u kulħadd se jkun ferħan.—Isa. 65:17.
15 Għalkemm it-tbatija li kien għaddej minnha Ġob kienet spiċċat, hu baqaʼ jgħix fid-dinja ħażina taʼ Satana. Imma l-Bibbja tgħidilna li Ġeħova ppremja lil Ġob b’mod tal-għaġeb. Hu fejqu u bierku iktar minn qabel. Imma Ġeħova se jagħmel ħafna iktar għal Ġob fil-futur. Hu wera li lill-qaddejja leali tiegħu jridhom ikunu ferħanin ħafna u jgawdu l-ħajja. Fil-fatt, Ġeħova se jagħti l-opportunità lil dawk li jibqgħu leali lejh biex igawdu ħajja perfetta f’ġenna tal-art. (Riv. 21:3, 4) Bħala l-Mexxej tal-univers, hu għandu x-xewqa li jagħmel dan. Dan il-ħsieb żgur jinkuraġġina ħafna meta nkunu qed nissaportu l-provi!
Wara l-provi li kellu, Ġob u l-mara tiegħu gawdew ħafna barkiet mingħand Ġeħova (Ara paragrafi 14-15)
16. X’raġuni oħra għandna biex nafdaw f’Ġeħova bħala l-Mexxej tal-univers?
16 Għalkemm Ġeħova ppremja lil Ġob b’ħajja twila, hu xorta miet. Imma peress li Ġeħova hu l-Mexxej tal-univers u Dak li Jistaʼ Kollox, hu għandu l-qawwa anki fuq il-mewt. (Dewt. 32:39) Għalhekk, ħadd ma jistaʼ jwaqqfu milli jirxoxta lil dawk li jħobb fiż-żmien meta jagħżel hu.—Rum. 8:38, 39.
AFDA GĦALKOLLOX F’ĠEĦOVA
17. Kif nafu li Satana ma jistax jeqred il-poplu taʼ Ġeħova?
17 Mill-ktieb taʼ Ġob tgħallimna li hemm ħafna raġunijiet għala għandna nafdaw kompletament f’Ġeħova. Aħna nirringrazzjaw ħafna lil Ġeħova għax hu ma ħalliex lil Satana jeqred lix-xhieda tiegħu! Illum, madwar disaʼ miljun qaddej leali taʼ Ġeħova qed jagħtu prova tal-qawwa li għandu l-Mexxej tal-univers. Għal darba wara l-oħra, ħafna gvernijiet b’saħħithom u mexxejja reliġjużi pprovaw iwaqqfu lill-poplu taʼ Ġeħova milli jaqduh u jippritkaw l-aħbar tajba. (Isa. 54:17) Imma huma ma rnexxilhomx għax Ġeħova għenna. Ħadd ma jistaʼ jwaqqafna milli ngħidu lil oħrajn li Ġeħova huwa l-Alla l-veru u li Satana hu giddieb u qattiel. Lanqas il-mewt ma tistaʼ twaqqafna, għax Ġeħova se jerġaʼ jagħti l-ħajja lil dawk li huma leali lejh.—Ħos. 13:14.
18. Għala m’għandniex għalfejn nibżgħu minn dak li se jiġri fil-futur?
18 Meta nimmeditaw fuq ir-rakkont taʼ Ġob, aħna se nsaħħu l-fidi u nkunu ċerti li m’għandniex għalfejn nibżgħu mill-futur. Matul iż-żmien taʼ tbatija kbira, Satana u dawk li jappoġġjawh se jaħsbu li l-poplu t’Alla hu dgħajjef u se jattakkawh. Imma bħalma ġara fi żmien Ġob, Ġeħova se jkollu kontroll taʼ kollox u mhux se jħalli lil Satana jeqred lill-poplu tiegħu għal dejjem. Iż-żmien fejn Ġeħova se jneħħi t-tbatija kollha li kkaġuna Satana hu viċin ħafna. Ix-Xitan u d-demonji tiegħu se jiġu mitfugħin fl-abbiss għal 1,000 sena. (Luqa 8:31; Riv. 20:1-3) Wara l-1,000 sena, Satana u dawk kollha li jiħduha kontra Ġeħova se jiġu meqrudin għal dejjem bħalma wiegħed Ġeħova.—Ġen. 3:15; Rum. 16:20; Riv. 20:10.
19. Ġeħova kif se jippremja lil dawk li jafdaw fih għalkollox? (Ara wkoll l-istampa.)
19 Aħna nħarsu ’l quddiem għad-dinja ġdida meta se nkunu perfetti u vera ferħanin. Il-ħajja se tkun aħjar milli nistgħu nimmaġinaw. Ġeħova jwiegħed: “Jien qed nagħmel kollox ġdid.” (Riv. 21:5) Dan xi jfisser? Għall-ewwel darba wara eluf taʼ snin, Satana u d-demonji tiegħu mhux se jkunu jistgħu jagħmlu ħsara lin-nies jew iġiegħlu n-nies jagħmlu affarijiet ħżiena. Fl-aħħar, se nħossuna meħlusin minn dak kollu li jġegħelna nbatu! Int qatt mhu se tesperjenza ljieli fejn meta ma tkunx tistaʼ torqod minħabba l-affarijiet kollha li ġegħluk tinkwieta. Dawk li se jsalvaw f’Armageddon se jaraw ħafna mirakli. Dawk li jkunu morda se jsiru b’saħħithom. Barra minn hekk, il-maħbubin tagħna li tlifna fil-mewt fl-aħħar se jiġu rxoxtati. Matul dak iż-żmien, se ngħixu ħajja sabiħa u se nkunu ferħanin bħalma Missierna Ġeħova dejjem xtaq li nkunu!
Qaddejja leali li fil-passat issaportew il-provi se jgawdu ħafna barkiet mingħand Ġeħova (Ara paragrafu 19)
20. X’int determinat li tagħmel?
20 Matul dawn l-aħħar jiem, x’aktarx se niffaċċjaw iktar provi, u biex nibqgħu leali għandna bżonn il-kuraġġ. Għalhekk, irridu nkomplu nafdaw għalkollox f’Ġeħova u nobduh bħala l-Mexxej tagħna. Aħna rridu nkomplu nuru li nħobbu lil Missierna Ġeħova u nagħtu prova li dak li jgħid Satana dwar Ġeħova mhux vera. Nistgħu nkunu ċerti li jekk nibqgħu leali lejn Ġeħova, l-Iktar Għoli, aħna se ngawdu futur tal-għaġeb, għax Ġeħova jixtieq jippremja lill-qaddejja leali tiegħu, u hekk se jagħmel!
GĦANJA 153 Agħtini l-Kuraġġ