4-10 TAʼ MEJJU 2026
GĦANJA 53 Nippreparaw biex nippritkaw
Tejjeb il-Mod Kif Tgħallem fil-Ministeru
“Ipprietka l-kelma t’Alla . . . b’ħafna paċenzja u billi tgħallem sew.”—2 TIM. 4:2.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Tliet modi kif nistgħu ngħallmu aħjar fil-ministeru.
1. F’liema sengħa nixtiequ nsiru aħjar, u għala? (2 Timotju 4:2) (Ara wkoll l-istampa.)
ĠESÙ qal lid-dixxipli tiegħu: ‘Morru u għallmu n-nies biex isiru dixxipli tiegħi. U għallmuhom jobdu dak kollu li kkmandajtkom.’ (Mat. 28:19, 20) Dan juri li l-Kristjani kollha għandhom ikunu għalliema. Veru, huwa Ġeħova li jiġbed lil dawk li jkunu “lesti li jaċċettaw il-verità,” u l-anġli jgħinuna biex insibu wħud bħal dawn. (Atti 13:48; Ġw. 6:44; Riv. 14:6) Imma aħna xorta rridu nagħmlu dak li nistgħu. Aħseb dwar l-eżempji li ħallewlna l-appostlu Pawlu u Barnaba. Il-Bibbja tgħid li meta huma kienu qed jippritkaw f’sinagoga f’Ikonju, huma “tkellmu b’tali mod li folla kbira taʼ Lhud kif ukoll Griegi saru dixxipli.” (Atti 14:1) Żgur li Pawlu u Barnaba kienu tgħallmu kif ‘jgħallmu sew.’ (Aqra 2 Timotju 4:2.) Il-Kristjani kollha hemm bżonn li jagħmlu bħalhom.
Nistgħu nitgħallmu kif ngħallmu lill-oħrajn mill-eżempji li ħallewlna Ġesù u d-dixxipli tiegħu, bħall-appostlu Pawlu u Barnaba (Ara paragrafu 1)
2. Għala xi Kristjani jaħsbu li ma jistgħux itejbu l-mod kif jgħallmu?
2 Xi wħud jaħsbu li ma jistgħux itejbu l-mod kif jgħallmu għax ma tantx huma taʼ skola jew iħossu li ma jafux jispjegaw sew. (Eżo. 4:10; Ġer. 1:6) Xi rġiel li jissemmew fil-Bibbja wkoll ħassew li ma kinux kapaċi. Oħrajn forsi jaqtgħu qalbhom u jaħsbu li mhux kapaċi jgħallmu għax ma jkollhomx studji tal-Bibbja jew esperjenzi tajbin daqs oħrajn fil-ministeru. Ovvjament, mhux maʼ kull min se niltaqgħu u nitkellmu ħa jkun irid isir jaf dwar il-verità. Jekk in-nies jisimgħu jew le, ma jiddependix għalkollox mill-isforzi tagħna. Bħalma semmejna, Ġeħova u l-anġli jagħmlu ċert li jinsabu dawk li għandhom qalb onesta. Xorta waħda, aħna rridu nagħmlu l-aħjar tagħna biex nippreżentaw il-messaġġ b’mod li n-nies jieħdu pjaċir bih. Biex jgħinna, dan l-artiklu se jiddiskuti tliet modi kif nistgħu ntejbu l-mod kif ngħallmu fil-ministeru.
URI LI JIMPURTAK MIN-NIES
3. Għala ħafna nies kienu jieħdu pjaċir jisimgħu lil Ġesù?
3 Il-Bibbja tgħid li Ġesù “kien jaf x’hemm f’qalb il-bniedem.” (Ġw. 2:25) Dan juri li Ġesù kien jaf x’jaħsbu n-nies u għala kienu jħossuhom b’ċertu mod. Ġesù setaʼ jmiss il-qalb taʼ dawk li kienu qed jisimgħuh għax hu kien jifhem x’kellhom bżonn in-nies. Hu setaʼ jara li n-nies kellhom bżonn il-gwida u l-faraġ. Barra minn hekk, il-mexxejja reliġjużi kienu qed jagħmlulhom il-ħajja diffiċli b’ħafna tradizzjonijiet u regoli tal-bniedem. (Mat. 9:36; 23:4) Infatti, fil-Prietka tiegħu taʼ Fuq il-Muntanja, Ġesù għallimhom kif jistaʼ jkollhom ħajja aħjar. Ħafna nies kienu jieħdu pjaċir jisimgħu lil Ġesù għax hu kien jitkellem dwar affarijiet li kienu jeffettwawhom personalment.
4. Kif nistgħu nuru li jimpurtana min-nies? (Ara wkoll l-istampi.)
4 Aħna nuru li jimpurtana min-nies li niltaqgħu magħhom billi nippruvaw nifhmu dak li qed jinkwetahom. B’xi mod jew ieħor, kull persuna li nkellmu hi affettwata minn dak li qed jiġri f’din id-dinja ħażina taʼ Satana. Li nżommu dan f’moħħna, se jgħinna biex nifhmu s-sitwazzjoni tan-nies fit-territorju tagħna, u b’hekk inkunu rridu ngħinuhom. Pereżempju, nistgħu nsaqsu lilna nfusna: Dan l-aħħar ġrat xi ħaġa li tinkwieta lil dawk li jgħixu fit-territorju tiegħek? Il-ġenituri qed jinkwetaw li t-tfal tistaʼ tiġrilhom xi ħaġa l-iskola? Hemm ħafna nies li qed ifittxu xogħol? Prova immaġina kif inhi l-ħajja tan-nies li qed jgħixu f’dawn iż-żminijiet vera diffiċli mingħajr it-tama li toffri l-Bibbja.—2 Tim. 3:1; Isa. 65:13, 14.
Ipprova ifhem x’inhu jinkwieta lin-nies u tgħallem kif turihom li jimpurtak minnhom (Ara paragrafu 4)
5. Ġesù kif kien differenti mill-Fariżej? (Mattew 11:28-30)
5 Ġesù kien jimpurtah minn dawk li kienu jisimgħuh, u huma setgħu jindunaw b’dan bil-mod kif kien jittrattahom. Kemm kien differenti mill-Fariżej li kienu jaħsbu li huma ħafna aħjar min-nies u li spiss kienu jittrattawhom ħażin. (Mat. 23:13; Ġw. 7:49) Għall-kuntrarju, Ġesù tratta lin-nies b’qalb tajba u b’rispett. Hu kien “kalm u umli,” u dan għen biex ikun għalliem effettiv. (Aqra Mattew 11:28-30.) Anki aħna rridu nittrattaw lin-nies b’qalb tajba u b’rispett.
6. Kif nistgħu nuru qalb tajba u rispett maʼ dawk li ma jaċċettawx il-messaġġ tagħna jew jiħduha kontrina?
6 Xi wħud ma jaċċettawx il-messaġġ tagħna jew saħansitra jiħduha kontrina. X’għandna nagħmlu f’dan il-każ? Ġesù għallimna li għandna nissaportu l-oppożizzjoni. Imma qalilna: “Agħmlu t-tajjeb maʼ dawk li jobogħdukom,” “bierku lil dawk li jisħtukom,” u saħansitra “itolbu għal dawk li jittrattawkom ħażin.” (Luqa 6:27, 28) Se jkun iktar faċli nagħmlu dan jekk niftakru li n-nies li mhux jaċċettaw il-messaġġ tagħna jaf għandhom raġuni għala. Hu veru li hemm xi nies li se jippruvaw iwaqqfuna milli nippritkaw. Madankollu, jaf ikun hemm min ikun inkwetat minħabba li jkollu xi problema fil-familja. Jew ikun hemm min ikun ansjuż minħabba xi ħaġa li lanqas għandha x’taqsam magħna. Forsi sempliċiment inkunu morna f’ħin ħażin. Ikun xi jkun il-każ, kliemna għandu jkun ‘dejjem kollu ħlewwa, bħal ikel imħawwar bil-melħ, ħalli nkunu nafu kif għandna nwieġbu lil kull persuna.’ (Kol. 4:6) Meta jimpurtana min-nies u nippruvaw nifhmu dak li għandhom bżonn, mhux se nieħdu għalina malajr u se nippruvaw ngħallmuhom xi ħaġa li tgħinhom.
UŻA L-BIBBJA META TGĦALLEM
7. Ġesù kif wera li kien jistrieħ fuq il-Kelma t’Alla meta għallem? (Ġwanni 7:14-16)
7 Ġesù ma kienx jistrieħ fuq l-għarfien tiegħu stess. It-tagħlim tiegħu kien ibbażat fuq il-Kelma t’Alla. Hu kien jgħallem b’mod sempliċi li n-nies setgħu jifhmuh u jibqgħu jiftakruh. Il-Bibbja tgħidilna li Ġesù kien jgħallem “bħal wieħed li għandu l-awtorità biex jagħmel dan, u mhux bħall-iskribi.” U n-nies “baqgħu mbellhin” b’dan. (Mrk. 1:22) L-iskribi taʼ żmien Ġesù kienu jibbażaw it-tagħlim tagħhom fuq dak li għallmu mexxejja reliġjużi famużi. Għall-kuntrarju, Ġesù spiss kien jirreferi għall-Kelma t’Alla meta jitkellem man-nies. Bħala l-Iben t’Alla li qabel kien għex fis-sema, Ġesù setaʼ juża l-għerf kbir li kellu biex jimpressjona lin-nies jew saħansitra jġegħelhom iħossuhom li ma jafu xejn. Imma hu m’għamilx hekk. Minflok, hu ffoka t-tagħlim tiegħu fuq dak li jrid Alla u fuq il-Kelma tiegħu. (Aqra Ġwanni 7:14-16.) Ġesù ħalla eżempju mill-aqwa għall-Kristjani kollha.
8. L-appostlu Pietru kif imita l-eżempju taʼ Ġesù?
8 Anki d-dixxipli taʼ Ġesù kienu jużaw il-Kelma t’Alla biex jgħallmu lin-nies. Pereżempju, ikkunsidra dak li qal l-appostlu Pietru f’Pentekoste tas-sena 33. Pietru ma kienx raġel taʼ ħafna skola. Imma hu mess qalb in-nies billi uża ħafna versi mill-Bibbja biex jispjega l-profeziji li wettaq Ġesù. (Atti 2:14-37) X’kien ir-riżultat? “Dawk li aċċettaw mill-qalb dak li qal, tgħammdu. U dakinhar madwar 3,000 ruħ saru dixxipli.”—Atti 2:41.
9. Meta ngħallmu għala għandna nużaw il-Kelma t’Alla?
9 Il-Bibbja biss tistaʼ tilħaq qalb in-nies u għandha l-qawwa biex tgħinhom jagħmlu l-bidliet biex jogħġbu lil Alla. (Lhud 4:12) Għalhekk, hemm bżonn niffokaw it-tagħlim tagħna fuq il-Bibbja. Aħna rridu ‘nippritkaw l-kelma’ u mhux dak li naħsbu aħna stess. (2 Tim. 4:2) Proverbji 2:6 jgħid: “Ġeħova stess jagħti l-għerf; u dak li jgħid jgħin lin-nies ikollhom l-għarfien u jagħrfu x’inhu tajjeb u ħażin.” Għalhekk, f’ċertu sens, meta ngħallmu mill-Bibbja aħna nkunu qed inħallu lil Ġeħova jitkellem. (Mal. 2:7) Aħna rridu li n-nies ikunu jafu li dak li fiha l-Bibbja huwa bil-wisq aħjar minn kull parir li jistgħu jagħtu n-nies. Dak li l-Bibbja tgħallem ġej mill-Ħallieq tagħna. Dan se jgħinna biex nogħġbuh u biex ikollna ħajja ferħana.—2 Tim. 3:16, 17.
10. X’nistgħu nagħmlu biex l-istudent tal-Bibbja jifhem li dak li qed jitgħallem ġej mill-Bibbja?
10 Hekk kif tipprepara biex tagħmel studju tal-Bibbja, aħseb dwar liema skritturi se turi lill-istudent biex jara x’tgħallem il-Bibbja. L-istudent tiegħek għandu jifhem li għalkemm l-istampi u l-vidjows jistgħu jgħinuna biex nitgħallmu, dak li tgħid il-Bibbja huwa l-iktar importanti. Aqraw il-versi prinċipali u għin lill-istudent jirraġuna fuqhom. Meta tirreferi għall-istampi u għall-vidjows, agħmel ċert li l-istudent jifhem il-lezzjonijiet mill-Bibbja. M’għandekx għalfejn titkellem wisq jew taqra ħafna skritturi biex tagħmel dan. Minflok, agħti ċans lill-istudent biex jaħseb fuq dak li qara u biex jifhem, u jekk ikun hemm bżonn anki jerġaʼ jinqara l-vers. Meta nagħmlu hekk, ma nkunux qed ngħallmu lill-istudent x’jgħid ktieb, stampa, jew vidjow, imma nkunu verament qed nagħmlu studju tal-Bibbja.—1 Kor. 2:13.
11-12. (a) Kif nistgħu nuru paċenzja mal-istudenti tal-Bibbja tagħna? (Atti 17:1-4) (Ara wkoll l-istampa.) (b) Xi wħud x’hemm bżonn li jitgħallmu dwar il-Bibbja u kif nistgħu ngħinuhom?
11 Jekk l-istudent tiegħek isibha diffiċli biex jemmen jew jifhem xi ħaġa, ftakar li trid ‘tipprietka l-kelma t’Alla b’ħafna paċenzja.’ Mhux kulħadd jagħmel l-istess progress. Xi studenti jaf ikollhom bżonn iktar żmien biex jifhmu veritajiet li għalina huma faċli. Meta Pawlu kien qed jagħti xhieda f’Tessalonika, huma ma fehmux mill-ewwel dak li ried jgħid. Infatti, biex xi wħud fehmu dak li kien qed jgħid, hu kellu bżonn jibqaʼ jispjegalhom mill-Bibbja.—Aqra Atti 17:1-4.
12 Mod ieħor kif nuru paċenzja mal-istudenti tagħna hu billi nsaqsuhom mistoqsijiet ħa nkunu nafu x’qed jaħsbu u nagħtuhom ċans iwieġbu. Prova ismaʼ sew u ifhem għala jaħsbuha b’ċertu mod. Imbagħad aqra u ddiskuti xi versi speċifiċi biex tgħinhom jifhmu kif jaħsibha Alla dwar is-suġġett. Ukoll, aħseb dwar dan: Xi nies ma jafux li l-Bibbja fiha ħafna informazzjoni li tistaʼ tgħinhom, għax m’għandhomx idea x’tgħid. Ukoll, tistaʼ tuża l-ktejjeb Introduzzjoni għall-Kelma t’Alla biex tispjegalhom kemm hemm suġġetti importanti fil-Bibbja. Imbagħad tistaʼ tgħinhom jifhmu kif il-Bibbja tistaʼ tkun t’għajnuna f’ħajjithom billi turihom vers jew tnejn milli hemm taħt il-mistoqsija 15 tal-ktejjeb. Din turi kif il-Bibbja tistaʼ tgħinhom biex jgħixu ferħanin. Mela jekk l-istudenti tal-Bibbja tiegħek jifhmu kemm għandha qawwa l-Kelma t’Alla, it-tagħlim tiegħek se jkun iktar effettiv.
Għalliem tajjeb jismaʼ iktar milli jitkellem (Ara paragrafi 11-12)
GĦINHOM ISIRU JAFU LIL ĠEĦOVA
13. Meta ngħallmu, fuq min għandna nitfgħu l-attenzjoni? Agħti eżempju.
13 Il-mira tagħna hi li ngħinu lil dawk li qed jisimgħuna biex isiru jafu lil Ġeħova u jersqu qrib tiegħu. (Ġak. 4:8) Din il-ħaġa nistgħu nqabbluha max-xogħol li jagħmel xi ħadd li jieħu ħsieb id-dwal f’teatru. Matul ix-show, hu ma jitfax id-dawl fuqu nnifsu. Minflok, hu jitfaʼ d-dawl fuq il-karattri prinċipali u jagħmel ċert li l-attenzjoni tkun fuqhom. Meta ngħallmu, aħna rridu nagħmlu l-istess. Irridu nitfgħu l-attenzjoni fuq Ġeħova u mhux fuqna nfusna.
14. Kif nistgħu ngħinu lill-istudent tagħna jogħġob lil Ġeħova?
14 Meta tagħmel studju tal-Bibbja, għin lill-istudent tiegħek isir iħobb lil Ġeħova ħalli b’hekk ikun jixtieq jagħmel lil Ġeħova ferħan. (Prov. 27:11) Aħna rridu li l-istudent jagħmel il-bidliet billi jagħmel dak li hu tajjeb u jevita li jagħmel dak li hu ħażin biex jogħġob lil Ġeħova, u mhux sempliċiment biex isir wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Pereżempju, jekk l-istudent tiegħek qed isibha diffiċli biex jegħleb vizzju ħażin, staqsih mistoqsijiet bħal: Ġeħova għala jobgħod din il-ħaġa? Ġeħova għala ma jridekx tibqaʼ tagħmel xi ħaġa li tieħu pjaċir tagħmel? Il-fatt li ma jridekx tagħmel din il-ħaġa kif juri li Ġeħova jħobbok? Iktar ma tinkuraġġixxi lill-istudent biex jaħseb dwar Ġeħova u l-kwalitajiet tiegħu, iktar se jara kemm Ġeħova jħobbu. Imbagħad, min-naħa tiegħu l-istudent se jkun jixtieq jogħġob lil Ġeħova.
KOMPLI TEJJEB IL-MOD KIF TGĦALLEM
15. X’tistaʼ tagħmel biex ittejjeb il-mod kif tgħallem?
15 Int tistaʼ titlob lil Ġeħova biex jgħinek tara x’tistaʼ tagħmel biex ittejjeb il-mod kif tgħallem lill-oħrajn. (1 Ġw. 5:14) Imbagħad, trid taġixxi fi qbil mat-talb tiegħek billi fil-laqgħat toqgħod attent għat-trejning li jagħti Ġeħova u tapplikah. Tistaʼ tistieden lil xi aħwa li huma kapaċi jgħallmu l-Bibbja b’mod ċar u sempliċi biex jiġu miegħek fuq l-istudju tal-Bibbja. Imbagħad staqsihom x’tistaʼ tagħmel biex ittejjeb il-mod kif tgħallem. Ukoll, tinsiex li l-istudent jaf mhux familjari mas-suġġett bħalek. Allura, ipprova aħseb dwar kif iħossu l-istudent dwar is-suġġett li se tiddiskutu. Imbagħad ipprova għinu jifhem li l-messaġġ tagħna hu vera aħbar tajba. Dan jistaʼ jgħinu biex ikollu ħbiberija tajba maʼ Ġeħova u biex ikun vera ferħan.—Slm. 1:1-3.
16. Kif se nibbenefikaw jekk nibqgħu ntejbu l-mod kif ngħallmu?
16 Li tgħallem lil xi ħadd dwar Ġeħova hu wieħed mill-affarijiet li jagħtik l-iktar ferħ. Barra minn hekk, fid-dinja l-ġdida se jkun hemm ħafna nies li se jkollna ngħallmuhom il-verità. Hekk kif nippritkaw l-aħbar tajba, ejja nkomplu nuru lin-nies li jimpurtana minnhom, nużaw il-Bibbja, u ngħinuhom isiru jafu lil Ġeħova. Billi nagħmlu hekk, aħna nistgħu ntejbu l-mod kif ngħallmu fil-ministeru.
GĦANJA 65 Imxi ’l quddiem!