LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w25 Diċembru pp. 2-7
  • X’Tistaʼ Titgħallem mill-Ktieb taʼ Ġob Meta Tkun Qed Tbati

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’Tistaʼ Titgħallem mill-Ktieb taʼ Ġob Meta Tkun Qed Tbati
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ALLA PPERMETTA LI ĠOB IBATI
  • KIF IR-RAKKONT TAʼ ĠOB JISTAʼ JGĦINNA NISSAPORTU
  • UŻA L-KTIEB TAʼ ĠOB BIEX TGĦIN LIL OĦRAJN
  • Ġob Onora l-Isem taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • “Ittama f’Ġeħova”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Ġob
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Ġob Issaporta—Hekk Ukoll Nistgħu Aħna!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
w25 Diċembru pp. 2-7

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 48

GĦANJA 129 Aħna se nibqgħu nissaportu

X’Tistaʼ Titgħallem mill-Ktieb taʼ Ġob Meta Tkun Qed Tbati

“Alla żgur li ma jaġixxix bil-ħażen.”—ĠOB 34:12.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Għala Alla jippermetti li nbatu u kif il-ktieb taʼ Ġob jgħinna nissaportu.

1-2. X’inhuma xi raġunijiet għala jkun tajjeb li naqraw il-ktieb taʼ Ġob?

ILEK ma taqrah il-ktieb taʼ Ġob? Għalkemm ilu miktub madwar 3,500 sena, ħafna nies illum xorta jqisuh bħala wieħed mill-aqwa kotba li qatt inkitbu. Referenza waħda faħħret lill-kittieb taʼ dan il-ktieb għax uża kliem li hu faċli biex tifhmu imma fl-istess ħin sabiħ u jħalli effett fuq dak li jkun qed jaqrah. Għalkemm Mosè kien il-wieħed li kiteb il-kliem taʼ dan il-ktieb, kien Alla Ġeħova li qallu x’għandu jikteb.—2 Tim. 3:16.

2 Il-ktieb taʼ Ġob hu parti importanti ħafna mill-Bibbja. Għala? L-ewwel nett, dan il-ktieb juri b’mod ċar l-ikbar kwistjoni li teżisti fl-univers u li taffettwa lil kulħadd, kemm lin-nies u anki lill-anġli. Din hi li jitqaddes isem Ġeħova. Barra minn hekk, dan il-ktieb jgħallimna dwar il-kwalitajiet sbieħ li għandu Ġeħova, bħall-imħabba, l-għerf, il-ġustizzja, u l-qawwa. Pereżempju, il-ktieb taʼ Ġob jirreferi għal Ġeħova bħala “Dak li Jistaʼ Kollox” 28 darba, iktar mill-kumplament tal-Iskrittura kollha. U l-ktieb taʼ Ġob jispjega ċar għala Alla jippermetti t-tbatija u jwieġeb mistoqsijiet importanti oħra li ħafna nies isaqsu.

3. X’nistgħu nitgħallmu mill-ktieb taʼ Ġob?

3 Nistgħu nqabblu li naqraw il-ktieb taʼ Ġob ma’ li nitilgħu muntanja. Iktar ma nitilgħu ’l fuq, iktar se nkunu nistgħu naraw ċar x’hemm madwarna. Bl-istess mod, billi taqra l-ktieb taʼ Ġob se tkun tistaʼ tara ċar x’jaħseb Ġeħova dwar it-tbatija li tgħaddi minnha. F’dan l-artiklu se nitgħallmu kif dak li għadda minnu Ġob setaʼ għen lill-Iżraelin u kif jistaʼ jgħin lilna llum. Se nitgħallmu wkoll kif nistgħu nużaw il-ktieb taʼ Ġob biex ngħinu lil oħrajn.

ALLA PPERMETTA LI ĠOB IBATI

4. Ġob kif kien differenti minn xi wħud mill-Iżraelin li kienu fl-Eġittu?

4 Ġob kien jgħix f’art jisimha Uż matul iż-żmien li l-Iżraelin kienu lsiera fl-Eġittu. Probabbilment Uż kien xi mkien in-naħa taʼ fuq tal-Arabja. Meta l-Iżraelin kienu fl-Eġittu, xi wħud minnhom qdew lill-idoli, imma Ġob m’għamilx hekk. Hu kien leali lejn Ġeħova. (Ġoż. 24:14; Eżek. 20:8) Fil-fatt, Ġeħova qal hekk dwaru: “M’hemm ħadd bħalu fid-dinja.”a (Ġob 1:8) Ġob kien sinjur ħafna u rrispettat sew f’dik il-parti tad-dinja. (Ġob 1:3) Satana żgur li kien irrabjat ħafna li jara lil Ġob rispettat u magħruf minn ħafna nies u fl-istess ħin jaqdi b’lealtà lil Ġeħova!

5. Ġeħova għala ppermetta li Ġob ibati? (Ġob 1:​20-22; 2:​9, 10)

5 Satana qal li jekk Ġob ibati, kien se jieqaf jaqdi lil Ġeħova. (Ġob 1:​7-11; 2:​2-5) Għalkemm Ġeħova kien iħobbu ħafna lil Ġob, hu ppermetta li jgħaddi mit-tbatija biex jagħti prova li dak li qal Satana dwaru ma kienx veru. (Ġob 1:​12-19; 2:​6-8) Satana qatel l-annimali kollha taʼ Ġob, qatillu l-għaxart itfal tiegħu, u mlielu ġismu minn rasu sa saqajh bi msiemer kbar li kienu t’uġigħ. Imma avolja Satana għadda lil Ġob minn tbatija kbira, Ġob xorta baqaʼ leali. (Aqra Ġob 1:​20-22; 2:​9, 10.) Maż-żmien, Ġeħova fejjaq lil Ġob, tah dak kollu li tilef u iktar, u tah għaxart itfal oħra. Barra minn hekk, in-nies reġgħu bdew jirrispettawh. Ukoll, Ġeħova tawwal il-ħajja taʼ Ġob b’140 sena. Dan kien biżżejjed biex jara “lit-tfal tiegħu u lil dawk li ġew minnhom, sar-rabaʼ ġenerazzjoni.” (Ġob 42:​10-13, 16) Dan ir-rakkont kif setaʼ għen lill-Iżraelin u kif jistaʼ jgħin lilna?

6. Ir-rakkont taʼ Ġob kif setaʼ għenhom lill-Iżraelin? (Ara wkoll l-istampa.)

6 Kif l-Iżraelin setgħu bbenefikaw. Ir-rakkont taʼ Ġob setaʼ għenhom ħafna lill-Iżraelin peress li batew ħafna fl-Eġittu. Pereżempju, Ġożwè u Kaleb kienu qattgħu ż-żgħożija tagħhom bħala lsiera. Imbagħad, avolja ma kellhomx tort, kellhom iqattgħu 40 sena fid-deżert għax l-Iżraelin l-oħra ma kinux obdew lil Ġeħova. Allura, ir-rakkont taʼ Ġob setaʼ jgħin lill-Iżraelin u lil dawk li ġew warajhom biex jifhmu li Satana hu l-wieħed li jġiegħel in-nies ibatu u mhux Alla. Setgħu jifhmu wkoll għala Alla jippermetti li n-nies ibatu, li Ġeħova jħobb lil dawk li jibqgħu leali lejh anki meta jkun diffiċli, u li hu jberikhom meta jagħmlu hekk.

Raġel Iżraeli qed jipprova jifhem għala qed ibati waqt li jerfaʼ l-briks fl-Eġittu. Viċin, l-Eġizzjani qed isawtu lil Iżraelin oħra waqt li qed jaħdmu.

L-Iżraelin, li għamlu żmien twil ilsiera fl-Eġittu, maż-żmien saru jafu minn xiex għadda Ġob. L-eżempju tiegħu setaʼ għenhom (Ara paragrafu 6)


7-8. Il-ktieb taʼ Ġob kif jistaʼ jgħin lil dawk li jkunu qed ibatu? Semmi esperjenza.

7 Kif nistgħu nibbenefikaw. B’dispjaċir, illum hemm ħafna nies li meta jaraw nies tajbin ibatu ma jkunux jistgħu jifhmu għala Alla jippermetti dik it-tbatija. B’hekk, huma jieqfu jemmnu li Alla jeżisti jew jemmnu li ma jimpurtahx min-nies. Aħseb dwar l-eżempju taʼ Hazelb mill-Irwanda. Meta kienet għadha żgħira, hi kienet temmen f’Alla. Imma mbagħad l-affarijiet inbidlu. Ommha u missierha ddivorzjaw, u ommha żżewġet raġel ieħor. Dan ir-raġel kien jittrattaha ħażin lil Hazel. Meta kienet żagħżugħa, ġiet abbużata sesswalment minn raġel. Hazel kienet tmur laqgħat reliġjużi biex tħossha aħjar, imma ma sabitx faraġ. Iktar tard hi qalet lil Alla: “Jien tlabtek u pprovajt nagħmel il-ħaġa t-tajba, imma int ġegħeltni nbati. Jien ma rridx naqdik iktar u mil-lum ’il quddiem, se nagħmel dak li jagħmilni ferħana.” Bħal Hazel, illum ħafna nies jemmnu l-gideb dwar Alla u jaħsbu li hu l-wieħed responsabbli għat-tbatija tagħhom. Aħna jiddispjaċina ħafna li ma jafux il-verità dwar Alla u nixtiequ ngħinuhom!

8 Mill-ktieb taʼ Ġob, aħna tgħallimna li t-tbatija ma tiġix minn Alla, imma minn Satana. Tgħallimna wkoll li m’għandniex naħsbu li dawk li qed ibatu qed jieħdu l-kastig għal xi ħaġa ħażina li jkunu għamlu. Il-Bibbja tgħidilna li ż-“żmien taʼ inkwiet u affarijiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd.” (Ekk. 9:11; Ġob 4:​1, 8) U aħna tgħallimna li jekk nissaportu l-provi li jkollna b’lealtà, inkunu qed nagħtu opportunità lil Ġeħova biex juri li Satana hu giddieb. (Ġob 2:3; Prov. 27:11) Aħna għandna napprezzaw li nafu dawn l-affarijiet mill-Bibbja, għax b’hekk nafu r-raġuni vera għala aħna jew in-nies li nħobbu jbatu. Maż-żmien, Hazel bdiet tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova u fehmet li Alla mhuwiex il-wieħed responsabbli għat-tbatija tagħha. Hi qalet: “Erġajt tlabt lil Alla u għedtlu eżatt kif kont qed inħossni. Jien għedt lil Ġeħova li meta kont għedt li se nieqaf naqdih, mhux vera xtaqt nagħmel hekk. Fl-aħħar mill-aħħar, jien għedt hekk għax ma kontx naf min hu. Imma issa naf li Ġeħova jħobbni. Fl-aħħar qed inħossni vera ferħana!” Aħna għandna għal xiex napprezzaw li nafu r-raġuni għala Alla jippermetti t-tbatija! Imma issa ejja naraw kif ir-rakkont taʼ Ġob jistaʼ jgħinna b’mod persunali meta nkunu għaddejjin mill-provi.

KIF IR-RAKKONT TAʼ ĠOB JISTAʼ JGĦINNA NISSAPORTU

9. Ġob x’għamel meta kien qed ibati? (Ġakbu 5:11)

9 Ipprova immaġina kemm bata Ġob. Hu poġġa bilqiegħda mal-art qalb l-irmied. Ġismu kien mimli msiemer kbar u kien qed iħoss ħafna wġigħ. Minħabba din il-marda, il-ġilda tiegħu bdiet titqaxxar u kien irqaq ħafna. Ġob ma tantx kellu saħħa. Kulma felaħ jagħmel kien li jpoġġi bilqiegħda u jħokk b’biċċiet tal-fuħħar. Taʼ spiss, hu gerger dwar l-uġigħ li kien qed iħoss, imma Ġob ma kienx sempliċement qed jgħix bit-tbatija, hu kien qed jissaporti. (Aqra Ġakbu 5:11.) X’għenu biex jissaporti?

10. X’juri li Ġob ħassu komdu jgħid lil Ġeħova kif kien qed iħossu? Spjega.

10 Ġob qal lil Ġeħova eżatt kif kien qed iħossu. (Ġob 10:​1, 2; 16:20) Pereżempju, kapitlu 3 jgħidilna li Ġob spjega kemm kien imdejjaq minħabba dak li kien ġralu. Hu ħaseb li Ġeħova kien il-wieħed responsabbli għall-problemi kollha tiegħu. Imbagħad it-tlett iħbieb li kellu qalulu għal darba wara l-oħra li Alla kien qed jikkastigah minħabba d-dnubiet li kien għamel. Imma Ġob baqaʼ jgħidilhom li hu kien leali lejn Ġeħova. Xi affarijiet li qal Ġob urew li għal xi ħin, hu jistaʼ jkun li ħaseb li kien iktar ġust minn Alla. (Ġob 10:​1-3; 32:​1, 2; 35:​1, 2) Imma hu ammetta li tant kemm kien qed jipprova juri li hu kien leali, li kien hemm drabi meta qal ‘kliem bla ħsieb.’ (Ġob 6:​3, 26) F’kapitlu 31 naqraw li Ġob ried lil Alla jwieġbu u jgħidlu li ma kienx ħaqqu jgħaddi minn dik it-tbatija. (Ġob 31:35) Ovvjament, Ġob ma kellux jibqaʼ jinsisti li Alla jgħidlu r-raġuni għala kien qed ibati.

11. Ġeħova kif irreaġixxa għall-mod kif tkellem Ġob?

11 Aħna nistgħu nifhmu li meta Ġob kellem lil Ġeħova b’dak il-mod, kien għax kellu ħbiberija b’saħħitha miegħu u kien jaf li Ġeħova kien se jiġġudikah b’mod ġust. Meta Ġeħova wieġbu minn ġo riefnu, ma qagħadx isemmi dettalji u jispjegalu għala kien għadda minn dik it-tbatija. Lanqas ma rrabja ma’ Ġob għax kien qal kif kien qed iħossu jew għax qal li ma kien għamel xejn ħażin. Minflok, eżatt bħal missier tajjeb, Ġeħova għen lil Ġob biex jaħseb sew. Dan kien l-aħjar mod kif setaʼ jgħin lil Ġob. (Ġob 31:6; 40:​4, 5; 42:​1-6) B’hekk, Ġob fehem li ma kienx jaf kollox u nidem mill-kliem bla ħsieb li kien qal. Dan ir-rakkont kif setaʼ għen lill-Iżraelin u kif jistaʼ jgħin lilna llum?

12. Ir-rakkont taʼ Ġob kif setaʼ għen lill-Iżraelin?

12 Kif l-Iżraelin setgħu bbenefikaw. L-Iżraelin setgħu tgħallmu ħafna minn dak li ġara lil Ġob. Pereżempju, aħseb dwar Mosè. Ma kienx faċli għalih biex imexxi lill-Iżraelin, għax huma m’obdewx lil Ġeħova għal ħafna drabi u ddiżappuntawh. L-Iżraelin taʼ spiss kienu jgergru kontra Ġeħova meta l-ħajja kienet issir diffiċli. Imma Mosè kien jitlob lil Ġeħova għall-għajnuna matul żmien iebes. (Eżo. 16:​6-8; Num. 11:​10-14; 14:​1-4, 11; 16:​41, 49; 17:5) L-eżempju taʼ Ġob setaʼ għen ukoll lil Mosè meta Ġeħova kkoreġieh b’mod persunali. Pereżempju, meta l-Iżraelin kienu kkampjati f’Kades, wisq probabbli fl-aħħar sena tal-40 sena li kellhom jagħmlu fid-deżert, Mosè rrabja magħhom u “tkellem mingħajr ma ħasibha.” Hu ma tax lil Ġeħova l-glorja li kienet tixraqlu. (Slm. 106:​32, 33) Minħabba f’hekk, Ġeħova ma ħalliehx jidħol fl-Art Imwiegħda. (Dewt. 32:​50-52) Dik id-dixxiplina żgur li kienet diffiċli għal Mosè, imma hu kien umli u tgħallem minnha. Ir-rakkont taʼ Ġob setaʼ għen lill-Iżraelin li għexu wara Mosè biex jissaportu meta jkollhom il-provi. Billi jaħsbu sew fuq dak ir-rakkont, huma setgħu jifhmu li jistgħu jgħidu lil Ġeħova eżatt kif iħossuhom. Imma kellhom jiftakru li huma ma kinux iktar ġusti minn Ġeħova. Huma setgħu tgħallmu wkoll li riedu jkunu umli u jisimgħu minn Ġeħova meta jikkoreġihom.

13. Ir-rakkont taʼ Ġob kif jistaʼ jgħinna nissaportu? (Lhud 10:36)

13 Kif nistgħu nibbenefikaw. Illum, aħna wkoll qed ngħixu fi żminijiet diffiċli ħafna. Allura, aħna wkoll irridu nissaportu. (Aqra Lhud 10:36.) Pereżempju, xi wħud minna jistaʼ jkun qed ibatu minħabba xi problema taʼ saħħa, dipressjoni jew ansjetà kbira, jew għandna xi problema fil-familja. Jistaʼ jkun li miet xi ħadd li nħobbu ħafna jew għandna xi problema diffiċli oħra. U xi kultant, il-kummenti jew l-affarijiet li jagħmlu l-aħwa jistaʼ jkun li ma jgħinuniex, anzi jġibulna iktar dwejjaq. (Prov. 12:18) Imma l-ktieb taʼ Ġob jgħallimna li nistgħu ngħidu lil Ġeħova eżatt kif inkunu qed inħossuna u nkunu ċerti li hu se jismagħna. (1 Ġw. 5:14) Hu mhux se jirrabja magħna jekk ngħidulu kif inħossuna, anki jekk forsi kliemna jkun qisu ‘kliem bla ħsieb.’ Minflok, Alla se jtina s-saħħa u l-għerf li għandna bżonn biex nissaportu. (2 Kron. 16:9; Ġak. 1:5) Jistaʼ jkun hemm drabi wkoll li jikkoreġina bħalma għamel ma’ Ġob. Meta jiġri hekk, il-ktieb taʼ Ġob jistaʼ jgħinna nkunu nafu kif għandna nissaportu jekk nirċievu parir jew dixxiplina mill-Bibbja, l-organizzazzjoni, l-anzjani, jew l-aħwa. (Lhud 12:​5-7) Eżatt bħalma Ġob ibbenefika għax kien umli u aċċetta l-parir li ngħata, aħna se nibbenefikaw meta naġġustaw għall-pariri li ningħataw. (2 Kor. 13:11) Dawn huma lezzjonijiet importanti ħafna li nistgħu nitgħallmu mill-ktieb taʼ Ġob! Imma issa ejja naraw kif nistgħu nużaw ir-rakkont taʼ Ġob biex ngħinu lil oħrajn.

UŻA L-KTIEB TAʼ ĠOB BIEX TGĦIN LIL OĦRAJN

14. X’inhu mod wieħed kif nistgħu nispjegaw lin-nies għala hawn it-tbatija?

14 Qatt iltqajt ma’ xi ħadd fuq is-service li saqsiek għala nbatu? Kif wiġibtu? Wisq probabbli semmejt dak li tgħid il-Bibbja li ġara fil-ġnien tal-Għeden. Forsi bdejt billi semmejt li Satana, spirtu kattiv, qal lill-ewwel koppja gidba li wasslithom biex jirribellaw kontra Alla. (Ġen. 3:​1-6) Imbagħad jaf spjegajtilhom li peress li Adam u Eva m’obdewx lil Alla, in-nies bdew ibatu u jmutu. (Rum. 5:12) Fl-aħħar, jaf għedt li Alla qed jagħti biżżejjed żmien biex juri lil kulħadd li dak li qal Satana hu gidba, u li Alla qed juża dan iż-żmien biex juri lin-nies li se jneħħi din it-tbatija kollha u jgħixu ħajja ferħana għal dejjem. (Riv. 21:​3, 4) Dan hu mod vera tajjeb kif nirraġunaw man-nies u jistaʼ jgħin lil ħafna biex jifhmu għala hawn din it-tbatija.

15. Kif nistgħu nużaw il-ktieb taʼ Ġob ma’ xi ħadd li jistaqsi għala hawn it-tbatija? (Ara wkoll l-istampi.)

15 Mod ieħor kif nistgħu nispjegaw lin-nies għala hawn it-tbatija hu billi ngħidulhom dwar Ġob. Tistaʼ tibda billi tfaħħar lill-persuna għal din il-mistoqsija importanti li tkun għamlet. Imbagħad tistaʼ ssemmi li Ġob, raġel leali li bata ħafna, kellu l-istess mistoqsija. Hu anki ħaseb li Alla kien qed jikkaġuna t-tbatija li kellu. (Ġob 7:​17-21) Il-persuna li tkun qed titkellem magħha jaf tkun impressjonata li anki żmien twil ilu n-nies xtaqu jkunu jafu għala kienu qed ibatu. Imbagħad tistaʼ tgħid li mill-ktieb taʼ Ġob nitgħallmu li hu Satana li ġiegħel lil Ġob ibati u mhux Alla. Ix-Xitan qal li n-nies jaqdu lil Alla biss għax Alla jagħtihom dak kollu li jkollhom bżonn, imma jekk jieqaf jagħmel hekk, huma ma kinux se jibqgħu jaqduh. Barra minn hekk, tistaʼ tispjega li għalkemm Alla ma kkaġunax it-tbatija taʼ Ġob, peress li ma waqqafhiex, kien qed juri li hu għandu fiduċja li n-nies jistgħu jagħtu prova li Satana hu giddieb. Fl-aħħar, tistaʼ tispjega li Alla bierek lil Ġob talli baqaʼ leali lejh, avolja bata ħafna. Allura nistgħu nassigurawh li mhijiex ġejja mingħand Ġeħova.

Grupp taʼ stampi: 1. Mara qed tibki u żżomm ritratt f’idha. Fl-art hemm ħafna trab wara nar li qered kollox. 2. Iktar tard, f’post li qed jgħinu lin-nies li ġew affettwati mid-diżastru, il-mara tieqaf fejn it-trolley tismaʼ lil oħt taqralha l-iskrittura.

Kif tistaʼ tuża l-ktieb taʼ Ġob biex tgħin lil oħrajn jifhmu li l-affarijiet ħżiena li qed jiġru mhumiex ġejjin minn Alla? (Ara paragrafu 15)


16. Semmi esperjenza taʼ kif il-ktieb taʼ Ġob jistaʼ jgħin lil xi ħadd li jkun qed ibati.

16 Aħseb dwar kif il-ktieb taʼ Ġob għen lil raġel jismu Mario. Darba, fl-2021, oħt kienet qed tagħmel service permezz tat-telefown. Mal-ewwel telefonata li għamlet, hi qabdet lil Mario. Hi qratlu Ġeremija 29:​11, 12 u spjegatlu li Alla mhux biss jismaʼ t-talb tagħna imma anki joffrilna futur u tama. Meta staqsiet lil Mario x’jaħseb, hu qalilha li dak il-ħin hu kien qed jikteb ittra għax kien se jagħmel suwiċidju. Hu qal, “Jien nemmen f’Alla, imma dalgħodu kont qed naħseb għala kien abbandunani.” Meta reġgħet ċemplitlu, l-oħt kellmitu dwar Ġob u t-tbatija li għadda minnha. Mario ddeċieda li ried jaqra l-ktieb kollu taʼ Ġob. Allura, l-oħt bagħtitlu l-link għall-Bibbja fuq jw.org. Mario kif baqaʼ? Hu aċċetta li jibda jistudja l-Bibbja u kien qed iħares ’il quddiem biex jitgħallem iktar dwar Alla Ġeħova li ħa interess persunali fih.

17. Għala tapprezza li Ġeħova inkluda l-ktieb taʼ Ġob fil-Bibbja? (Ġob 34:12)

17 Nistgħu naraw b’mod ċar li l-Bibbja għandha s-saħħa biex tbiddel il-ħajjiet u biex tgħin lil dawk li jkunu qed ibatu. (Lhud 4:12) Kemm għandna għal xiex napprezzaw li Ġeħova kiteb l-istorja taʼ Ġob fil-Bibbja! (Ġob 19:​23, 24) Il-ktieb taʼ Ġob jassigurana li “Alla żgur li ma jaġixxix bil-ħażen.” (Aqra Ġob 34:12.) Jgħallimna wkoll għala Alla jippermetti t-tbatija u kif nistgħu nissaportu. Barra minn hekk, dan il-ktieb jgħinna nfarrġu lil dawk li jkunu qed ibatu. Fl-artiklu li jmiss se nitgħallmu kif il-ktieb taʼ Ġob jistaʼ jgħinna meta nagħtu parir.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Għala hu tajjeb li nifhmu għala Alla ppermetta li Ġob ibati?

  • Ir-rakkont taʼ Ġob kif jistaʼ jgħinna nissaportu l-provi?

  • Kif nistgħu nużaw il-ktieb taʼ Ġob biex ngħinu lil oħrajn?

GĦANJA 156 Bil-Fidi Sod

a Ġob għex wara li Ġużeppi miet u qabel Mosè ġie mibgħut biex jeħles lill-Iżraelin mill-Eġittu. Allura, il-konversazzjoni bejn Ġeħova u Satana u l-provi li għadda minnhom Ġob wisq probabbli ġraw bejn l-1657 u l-1514 qabel Kristu (QK).

b Xi ismijiet ġew mibdulin.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja