13-19 T’APRIL 2026
GĦANJA 52 Dedikazzjoni Kristjana
Xi Tfisser il-Magħmudija u Għala Hi Importanti
‘Għallmu n-nies biex isiru dixxipli u għammduhom.’—MAT. 28:19.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Xi tfisser il-magħmudija, għala hi importanti, u kif issir.
1. Kif nafu li l-magħmudija hi tagħlim tal-Bibbja importanti ħafna?
KEMM inkunu ferħanin meta naraw uħud ġodda jitgħammdu! Dan il-ferħ esperjenzawh ukoll l-ewwel Kristjani meta raw ħafna nies jitgħammdu f’Pentekoste tas-sena 33. F’dik il-laqgħa kien hemm magħmudija u taħdita li spjegat għala l-magħmudija hija importanti ħafna. (Atti 2:38, 40, 41) L-appostlu Pawlu kiteb li “t-tagħlim bażiku dwar il-Kristu” jinkludi “t-tagħlim dwar il-magħmudijiet.” (Lhud 6:1, 2) Għalkemm is-suġġett tal-magħmudija jistaʼ jidher wieħed bażiku, hemm bżonn li nifhmuh sew. Għala?
2. Għala hemm bżonn li nifhmu sew it-tagħlim dwar il-magħmudija?
2 Bħalma pedament sod jistaʼ jgħin biex dar tkun b’saħħitha, li nifhmu sew it-tagħlim dwar il-magħmudija jistaʼ jgħinna biex ikollna fidi b’saħħitha. Hemm bżonn li nifhmu dan kemm jekk għadna se nitgħammdu u kemm jekk ilna li tgħammidna. Għalhekk, f’dan l-artiklu se nwieġbu tliet mistoqsijiet: Xi tfisser il-magħmudija? Kif għandha ssir il-magħmudija Kristjana? U għala għandna nitgħammdu f’isem tal-Missier, tal-Iben, u tal-ispirtu qaddis?
X’TURI META TITGĦAMMED?
3. Meta titgħammed x’turi lill-oħrajn?
3 Meta titgħammed tkun qed turi lill-oħrajn li int aċċettajt il-verità dwar Alla Ġeħova u Kristu Ġesù, li ddispjaċiek mid-dnubiet li għamilt, u li bdilt ħajtek biex taqdi lil Ġeħova. Tkun qed turi wkoll li int tifhem li tistaʼ tiġi salvat biss permezz taʼ Ġesù, u li f’talba wegħedt lil Alla li se tagħmel dak li jrid hu flimkien mal-organizzazzjoni tiegħu. Meta tagħmel dik il-wegħda, jew id-dedikazzjoni, u titgħammed, int tidħol fit-triq li tistaʼ twassal għall-ħajja taʼ dejjem.
4. Xi jfisser li tinżel għalkollox fl-ilma? (Ara wkoll l-istampa.)
4 Meta titgħammed, int titniżżel għalkollox fl-ilma u mbagħad tittellaʼ minnu.a Dan jistaʼ jitqabbel maʼ xi ħadd li jiġi midfun u mbagħad irxoxtat. (Ara l-prinċipju f’Kolossin 2:12.) Dan għax meta titgħammed int tagħmel bidliet kbar f’ħajtek. B’liema mod? Meta tinżel taħt l-ilma, int turi li mhux se tibqaʼ tgħix kif kont. Meta titlaʼ mill-ilma, int tibda ħajja ġdida li tkun iffokata fuq li tagħmel dak li jrid Alla.
Meta titgħammed, int ma tibqax tgħix kif kont tgħix qabel u tibda tagħmel dak li jogħġob lil Alla (Ara paragrafu 4)
5. Għala tistaʼ tqabbel ix-xogħol li tagħmel biex titgħammed max-xogħol li Noè għamel biex bena l-arka? (1 Pietru 3:18-21)
5 Aqra l-1 Pietru 3:18-21. Sa ċertu punt, aħna nistgħu nqabblu x-xogħol li nagħmlu biex inkunu lesti biex nitgħammdu max-xogħol li għamel Noè biex bena l-arka. Jekk għadek kif bdejt titgħallem dwar Ġeħova, ix-xogħol li trid tagħmel biex tikkwalifika għall-magħmudija jistaʼ jidher kbir wisq. Forsi dan jistaʼ jidher diffiċli għalik bħalma kien diffiċli għal Noè li jibni arka kbira. Imma hemm għalfejn tagħmel dan l-isforz kollu? Iva. Aħseb dwar l-eżempju taʼ Noè. Alla nnifsu kien iddisinja l-arka, u Noè kellu jsegwi l-istruzzjonijiet sew biex hu jkun jistaʼ jibqaʼ ħaj matul id-Dulluvju. Noè rnexxielu jibni l-arka għax hu kien jafda f’Ġeħova u obdieh, u għax Ġeħova għenu. Bħal Noè, anki int jistaʼ jirnexxilek tagħmel ‘kulma kkmandak Alla.’—Ġen. 6:22.
6. F’liema sens il-magħmudija tistaʼ ssalvak?
6 Fil-vers 21, l-appostlu Pietru kiteb li l-magħmudija ‘qed issalvak.’ Naturalment li tinżel fl-ilma mhux se jġib salvazzjoni; u lanqas se jinħafrulek id-dnubiet. Huwa biss id-demm taʼ Ġesù li jnaddaf kull dnub. (1 Ġw. 1:7) Madankollu, il-magħmudija hija importanti ħafna biex nagħmlu dak kollu li kkmandana Alla, u meta nitgħammdu aħna nkunu nistgħu ‘nitolbu lil Alla għal kuxjenza nadifa.’ Ġeħova se jieħu pjaċir jaħfirlek id-dnubiet tiegħek fuq il-bażi tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù. Huwa f’dan is-sens li l-magħmudija ‘qed issalvak,’ jew tagħtik l-opportunità li tgħix għal dejjem.
KIF GĦANDHA SSIR MAGĦMUDIJA KRISTJANA?
7. Kif għandha ssir magħmudija?
7 Il-Bibbja ma tagħtix ħafna dettalji dwar il-magħmudija ħlief li dak li jkun għandu jiġi mniżżel għalkollox fl-ilma. Però, l-Iskrittura xorta tgħinna biex inkunu nafu x’inhu xieraq. Pereżempju, il-prinċipji tal-Bibbja jgħinu lil dawk li jkunu se jitgħammdu biex ikunu jafu x’għandhom jilbsu, u tgħin lil dawk li jkunu ħa jaraw il-magħmudija kif għandhom jaġixxu. (1 Kor. 14:40; 1 Tim. 2:9) Normalment, illum ikun anzjan li jgħammed, u aħna ma nagħtux lil dan l-anzjan importanza żejda. (1 Kor. 1:14, 15) Il-magħmudija tkun valida kemm jekk ikun hemm ħafna nies li jarawha u kemm jekk le.—Atti 8:36.
8. Liema mistoqsijiet isaqsu lil dawk li jkunu se jitgħammdu, u għala? (Atti 2:38-42) (Ara wkoll l-istampa.)
8 Il-Bibbja turi li biex ‘niġu salvati rridu nitkellmu m’oħrajn,’ jiġifieri nesprimu l-fidi tagħna. (Rum. 10:9, 10; ara n-nota taʼ studju bl-Ingliż “publicly declare.”) Aħna nuru dan lil oħrajn mhux biss meta mmorru nippritkaw, imma b’mod speċjali dakinhar li nitgħammdu! Minħabba f’hekk, lil dawk li se jitgħammdu jistaqsuhom żewġ mistoqsijiet. L-ewwel waħda hi, “Indimt int minn dnubietek, iddedikajt lilek innifsek lil Ġeħova, u aċċettajt int li l-mezz tas-salvazzjoni tiegħu hu permezz taʼ Ġesù Kristu?” Din il-mistoqsija tiffoka fuq kif dak li jkun jipprepara biex jitgħammed, u hi simili għal dak li ħeġġeġ Pietru lill-folla f’Pentekoste. It-tieni mistoqsija hi, “Tifhem int li l-magħmudija tiegħek tidentifikak bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova fis-sħubija mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova?” Din il-mistoqsija tfakkarna li aħna ngħixu fi qbil mad-dedikazzjoni tagħna billi nsegwu d-direzzjoni li tagħtina l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova u naqdu lil Alla flimkien maʼ ħutna l-Kristjani, bħalma għamlu d-dixxipli tal-ewwel seklu. (Aqra Atti 2:38-42.) Dawk li minn qalbhom iwieġbu iva għaż-żewġ mistoqsijiet jikkwalifikaw biex jitgħammdu.
Il-magħmudija hi mod kif tesprimi l-fidi tiegħek quddiem oħrajn biex tiġi salvat (Ara paragrafu 8)d
9. Kull wieħed minna xi jrid jagħmel biex jogħġob lil Alla?
9 Forsi anki qabel ma bdejt titgħallem il-verità, int kont tgħix ħajja sa ċertu punt tajba u qatt m’għamilt xi dnub serju. Jew forsi ġejt imrobbi minn ġenituri Kristjani li għenuk issir tħobb lil Ġeħova. Allura xorta għandek bżonn tindem u titgħammed biex togħġob lil Alla? Iva. Hu x’inhu l-background tagħna, irridu nammettu li aħna lkoll nitwieldu bid-dnub, u dan ibegħedna minn Alla. (Slm. 51:5) Imma hekk kif insiru nafu lil Ġeħova, aħna nagħżlu li nagħmlu dak li jrid hu qabel dak li nkunu nixtiequ aħna. Meta nagħmlu hekk, aħna jiddispjaċina mid-dnubiet li nkunu għamilna u ma nibqgħux nagħmlu affarijiet li ma jogħġbux lil Alla. Imbagħad nibdew ngħixu b’mod li nogħġbu lil Missierna tas-sema u nkunu nistgħu nitgħammdu.—Atti 3:19.
10. X’għandek tagħmel jekk tkun diġà tgħammidt bħala membru taʼ reliġjon oħra?
10 Jekk diġà tgħammidt bħala membru taʼ reliġjon oħra, int xorta għandek bżonn titgħammed bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Għala? Għax int ma kontx qed tifhem sew il-verità dwar Alla Ġeħova u Ġesù. U anki jekk iddedikajt lilek innifsek lil Alla fit-talb, il-wegħda tiegħek ma kinitx ibbażata fuq fehma tajba dwar li tagħmel dak li jrid hu. Meta l-appostlu Pawlu ltaqaʼ maʼ xi rġiel f’Efesu li kienu diġà tgħammdu imma ma kinux fehmu l-verità dwar Ġesù, huma fehmu li kellhom bżonn jerġgħu jitgħammdu.b (Atti 19:1-5) Bl-istess mod, illum il-magħmudija hija valida biss jekk tkun ibbażata fuq l-għarfien eżatt taʼ dak li jrid Alla.
“FL-ISEM TAL-MISSIER U TAL-IBEN U TAL-ISPIRTU QADDIS”
11. Xi jfisser li titgħammed “fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-ispirtu qaddis”? (Mattew 28:18-20)
11 Ġesù kkmanda li d-dixxipli ġodda għandhom jitgħammdu “fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-ispirtu qaddis.” (Aqra Mattew 28:18-20.) X’ried ifisser? Fil-Bibbja, il-kelma “isem” spiss tirreferi għar-reputazzjoni taʼ xi ħadd. Din tistaʼ tirreferi wkoll għall-pożizzjoni u l-awtorità li jirrappreżenta dak l-isem. Allura meta nagħmlu xi ħaġa “fl-isem taʼ” xi ħadd jew xi ħaġa, aħna nkunu qed nirrikonoxxu l-awtorità li għandu dak l-isem. Aħseb dwar kif int tistaʼ tirrikonoxxi l-pożizzjoni u l-awtorità tal-Missier u tal-Iben, kif ukoll l-irwol li għandu l-ispirtu qaddis t’Alla.
12. F’liema sens nitgħammdu fl-isem tal-Missier? (Rivelazzjoni 4:11) (Ara wkoll l-istampi.)
12 Fl-isem tal-Missier. Aħna nirrikonoxxu lil Ġeħova bħala Missierna tas-sema, jew Dak li Jagħti l-Ħajja. Hu l-Alla li Jistaʼ Kollox u l-Ħallieq tal-affarijiet kollha. (Aqra Rivelazzjoni 4:11.) Aħna nafu li hu Semmiegħ it-talb, u nużaw l-isem persunali tiegħu b’rispett meta mmorru għandu bit-talb u nitkellmu dwaru m’oħrajn. (Slm. 65:2) Però, irridu nkunu konvinti wkoll dwar xi ħaġa oħra biex nitgħammdu fl-isem tal-Missier. Dawk li semgħu lil Pietru f’Pentekoste kienu diġà jafu dwar Ġeħova, imma huma kellhom bżonn jifhmu li Ġeħova setaʼ jagħtihom il-ħajja taʼ dejjem biss permezz taʼ Ġesù Kristu.—Rum. 5:8.
Wara li titgħammed, kompli ifhem il-pożizzjoni u l-awtorità tal-Missier (Ara paragrafi 12)
13. F’liema sens nitgħammdu fl-isem tal-Iben? (Ara wkoll l-istampi.)
13 Fl-isem tal-Iben. Aħna nirrikonoxxu lil Ġesù bħala l-uniku Iben t’Alla. Ġesù hu “t-triq,” l-uniku wieħed li permezz tiegħu jistaʼ jkollna ħbiberija tajba maʼ Ġeħova. (Ġw. 14:6) Ġesù hu wkoll dak li fdiena, jiġifieri l-wieħed li miet għalina biex aħna jkun jistaʼ jkollna l-ħajja. Dan l-għarfien iqanqalna biex aħna nsegwu l-eżempju tiegħu fil-ħajja tagħna taʼ kuljum, u mhux biss meta nitgħammdu. (1 Ġw. 2:6) Allura, bħalu aħna nippritkaw b’żelu u ma nħallu xejn iżommna lura. (Luqa 4:43) Aħna saħansitra lesti li nissaportu l-persekuzzjoni biex nibqgħu naqdu lil Alla lealment. (2 Tim. 3:12) Aħna nirrispettaw lil Ġesù bħala “l-kap tal-kongregazzjoni,” allura minn qalbna nsegwu d-direzzjoni taʼ dawk li hu fada biex jieħdu t-tmexxija u biex jieħdu ħsieb id-dixxipli tiegħu.—Efes. 4:8, 11, 12; 5:23.
Wara li titgħammed, kompli ifhem il-pożizzjoni u l-awtorità tal-Iben (Ara paragrafu 13)
14. (a) F’liema sens nitgħammdu fl-isem tal-ispirtu qaddis? (Ara wkoll l-istampi.) (b) Liema huma xi magħmudijiet oħrajn għall-magħżulin? (Ara l-kaxxa “Magħmudijiet Oħrajn għall-Magħżulin.”)
14 Fl-isem tal-ispirtu qaddis. Aħna naċċettaw il-verità dwar l-ispirtu qaddis. Dan mhuwiex persuna jew parti minn Trinità, imma l-forza attiva t’Alla. Aħna nifhmu li kien l-ispirtu qaddis li ggwida lill-profeti u lill-kittieba tal-Bibbja. Allura aħna b’mod regulari naqraw il-Bibbja u nobdu t-tagħlim tagħha. (2 Pt. 1:20, 21) U aħna nippruvaw ma nagħmlux dnubiet serji, għax jekk inġibu ruħna b’dan il-mod inkunu qed inżommu lura milli nirċievu l-ispirtu qaddis. Barra minn hekk, inkunu qed infixklu wkoll lill-kongregazzjoni milli tirċievi l-ispirtu qaddis.—Efes. 4:30.
Wara li titgħammed, kompli ifhem l-irwol tal-ispirtu qaddis (Ara paragrafu 14)
15. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?
15 Jekk int diġà mgħammed, kun determinat li tibqaʼ tiftakar għala l-magħmudija hija tant importantic u ibqaʼ għix skont il-wegħda li għamilt lil Ġeħova meta ddedikajt ħajtek lilu u tgħammidt. Imma xi ngħidu jekk għadek ma tgħammidtx? Jistaʼ jkun li hemm xi ħaġa li qed iżżommok lura? Fl-artiklu li jmiss se naraw kif tistaʼ tkompli taħdem biex tikkwalifika għall-magħmudija.
GĦANJA 161 Nitgħaxxaq li Nobdik
a Il-kelma Griega baptisma, li tiġi tradotta “magħmudija,” tfisser “tgħaddas” jew “tniżżel.” Allura l-magħmudija tirreferi li persuna tiġi mniżżla għalkollox fl-ilma, u mhux sempliċement jitferraʼ ftit ilma fuqha bħalma jgħallmu xi reliġjonijiet.
b Dawk l-irġiel f’Efesu kienu tgħammdu “skont dak li għallem Ġwanni.” (Atti 19:3) Ġwanni l-Għammied kien iħeġġeġ lil-Lhud biex jindmu mid-dnubiet li jkunu għamlu kontra l-Liġi li Alla ta lil Mosè, u Ġwanni għammed lil dawk li ddispjaċiehom. (Mrk. 1:4, 5) Madankollu, il-magħmudija skont dak li għallem Ġwanni ma baqgħetx tgħodd meta spiċċat il-Liġi. Minn dakinhar ’il quddiem, Alla beda jaċċetta biss “magħmudija waħda” li twassal biex dak li jkun jiġi salvat.—Efes. 4:5.
c Ara l-artiklu “X’Inhi l-Magħmudija?” fuq jw.org jew fil-JW Library® fis-serje “Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin.”
d X’TURINA L-ISTAMPA: F’assemblea, dawk li se jitgħammdu jqumu bil-wieqfa biex juru lill-oħrajn li se jitgħammdu.