6-12 T’APRIL 2026
GĦANJA 82 Ħa “jiddi d-dawl tagħkom”
Kif Ngħinu lil Dawk li Jiġu Minna li Mhux Xhieda
“Ejja ma niqfux nagħmlu dak li hu tajjeb.”—GAL. 6:9.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Kif inżommu ħbiberija tajba maʼ dawk li jiġu minna u li mhumiex Xhieda u kif nistgħu ngħinuhom spiritwalment jekk ikunu lesti li jisimgħu.
1-2. Meta tgħallimna l-verità, kif ġew effettwati l-ħbiberiji maʼ dawk li jiġu minna?
ĠESÙ qal lil raġel li ried isir dixxiplu tiegħu: “Mur id-dar għand il-qraba tiegħek, u għidilhom dak kollu li Ġeħova għamel għalik.” (Mrk. 5:19) Ġesù kien jaf li l-maġġorparti tan-nies ikunu jixtiequ jgħidu aħbar tajba lil tal-familja.
2 Tiftakar kif ħassejtek meta tgħallimt dwar l-aħbar tajba? X’aktarx ma ridtx iżżommha għalik innifsek! Imma dawk li tħobb forsi m’għoġobhomx dak li bdejt titgħallem. Jew forsi m’użajtx tattika meta kellimthom dwar il-verità u b’hekk forsi ħadu għalihom. Jekk ġara hekk, x’tistaʼ tagħmel biex tibqaʼ leali lejn Ġeħova u xorta jkollok ħbiberija tajba mal-familja?
3. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
3 F’dan l-artiklu se naraw: (1) Kif meta nipprovaw nifhmu lil tal-familja li mhumiex Xhieda se niġu mmotivati nuru interess personali fihom, anki jekk ma jkunux iridu jitgħallmu dwar Ġeħova; (2) kif ma niffokawx fuq kliem u azzjonijiet negattivi; (3) kif meta nkunu paċenzjużi u pożittivi, inkunu nistgħu ngħinuhom jaqdu lil Ġeħova fil-futur; u (4) kif nistgħu nuruhom li nħobbuhom.
IPPROVA IFHIMHOM BIEX TGĦINHOM
4. Ġesù kif tratta lil dawk li ma kinux interessati fil-messaġġ tiegħu?
4 Ġesù ma qatax qalbu malajr minn dawk li ma wrewx interess fil-messaġġ tiegħu. Hu qabbel lilu nnifsu maʼ bidwi li għamel minn kollox biex siġra li ma kinitx qed tagħti l-frott, tibda tagħmel il-frott. (Luqa 13:6-9) Meta Ġesù ta dan l-eżempju, hu kien diġà ilu iktar minn tliet snin jipprova jgħin lil-Lhud ikollhom fidi fih u jsiru dixxipli tiegħu. Ġesù kellu xewqa kbira biex jgħinhom, għax tħassarhom u fehem is-sitwazzjoni tagħhom. Kien għalhekk li kien tant paċenzjuż magħhom.
5. Ġesù għala xtaq jgħin lil-Lhud?
5 Ġesù tħassar lil-Lhud għax kien jaf li l-mexxejja reliġjużi ma kinux qed jgħinuhom biex ikollhom fidi f’Alla. Ġesù ra li huma kienu “bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” (Mrk. 6:34) Ftit qabel ma miet, Ġesù saħansitra beka għal Ġerusalemm għax kien jaf li l-maġġorparti tan-nies tagħha kienu se jmutu minħabba nuqqas taʼ fidi. (Luqa 19:41-44) Bħal Ġesù, meta naħsbu għala l-familja tagħna għandha bżonn titgħallem dwar l-aħbar tajba, aħna se niġu mmotivati ngħinuhom.
6. Għala għandna nkunu paċenzjużi maʼ dawk li jiġu minna u li mhumiex Xhieda? (Galatin 6:9)
6 Aqra Galatin 6:9. Anki jekk dawk li jiġu minna mhumiex interessati f’dak li nemmnu, aħna għandna nkunu paċenzjużi magħhom u ma niqfux “nagħmlu dak li hu tajjeb.” Aħna nafu li persuna tieħu ż-żmien biex tbiddel it-twemmin li jkun għal qalbha u biex ikollha fidi f’Ġeħova. Forsi fil-passat int ukoll ma kellekx tama u ma kontx taf lil Alla. (Efes. 2:12) Jekk ġralek hekk, żgur li kien hemm xi ħadd li għenek. Jekk tkun paċenzjuż maʼ dawk li jiġu minnek, int ukoll jistaʼ jkollok l-opportunità li tgħinhom jitgħallmu dwar Ġeħova.
TIFFOKAX FUQ KLIEM U AZZJONIJIET NEGATTIVI
7. X’jistaʼ jkun li waqqaf lil ħut Ġesù milli jkollhom fidi fih?
7 Ħut Ġesù mill-omm aktarx li kienu semgħu dwar il-mirakli li kien għamel Ġesù fil-Galilija. (Luqa 4:14, 22-24) Imma għall-ewwel ma kellhomx fidi fih. (Ġw. 7:5) Għala? Il-Bibbja ma tgħidx. Imma din tispjega għala xi Lhud ma sarux dixxipli taʼ Ġesù. Xi wħud kienu jibżgħu li jiġu mwarrbin min-nies taʼ madwarhom. (Ġw. 9:18-22) Oħrajn kienu jafu lil Ġesù meta kien żgħir u ma setgħux jimmaġinaw li hu kien il-Messija. (Mrk. 6:1-4) Ħut Ġesù wkoll setgħu ġew effettwati minn din il-mentalità. Jistaʼ jkun li dawk li jiġu minna ġew effettwati b’mod simili?
8. X’jistaʼ jġiegħel lil dawk li jiġu minna biex jgħidu u jagħmlu affarijiet li jweġġgħuna?
8 Aħseb għala jgħidu u jagħmlu affarijiet li jweġġgħu. Ħut Ġesù jaf kienu fost dawk li jiġu minnu u li darba qalu: “Dan telaq minn moħħu.” (Mrk. 3:21) Għala forsi waslu biex jgħidu xi ħaġa hekk? Il-kuntest juri li Ġesù tant kellu x’jagħmel li lanqas biss kellu ċans jiekol xi ħaġa. (Mrk. 3:20) Jistaʼ jkun li tal-familja tiegħu ħasbu li kien fanatiku. Tal-familja jaf jaħsbu li aħna nieħdu r-reliġjon wisq bis-serjetà. Jekk iħossuhom hekk, nistgħu nuruhom kemm aħna raġunevoli b’dak li nagħmlu.
9. X’jistaʼ jgħin lil tal-familja biex ibiddlu kif jaħsbuha dwarna? (1 Pietru 3:1, 2) (Ara wkoll l-istampi.)
9 Uri li int qalbek tajba u raġunevoli. Meta nitkellmu u naġixxu b’qalb tajba maʼ tal-familja, huma jistgħu jbiddlu kif jaħsbuha dwarna. (Aqra l-1 Pietru 3:1, 2.) Raġel li ma jkunx Xhud jaf iħossu mwarrab jew imdejjaq meta l-mara tiegħu tmur il-laqgħat tal-kongregazzjoni jew toħroġ service. Peress li ma tkunx tridu jħossu hekk, hi tistaʼ tbiddel il-ħin taʼ meta toħroġ service biex tqattaʼ iktar ħin miegħu. Pereżempju, hi tistaʼ toħroġ service meta r-raġel ikollu x’jagħmel jew ma jkunx id-dar. Meta mara Kristjana tkun flessibbli u raġunevoli, hi tkun qed tgħin lir-raġel tagħha jbiddel il-mod kif iħares lejn ix-Xhieda.
Meta nitkellmu u naġixxu b’qalb tajba, nistgħu nbiddlu l-mod taʼ kif raġel li mhux Xhud iħossu dwar ix-Xhieda (Ara paragrafu 9)f
10. Kif nistgħu nkunu bħal Ġesù meta xi ħadd jgħidilna xi ħaġa li tweġġagħna?
10 Meta tal-familja jweġġgħuk bi kliemhom, kultant ikun aħjar li ma tgħidilhom xejn. Meta Ġesù ġie akkużat b’mod falz li qed jiekol u jixrob ħafna, hu ma rrabjax jew ipprova jurihom li għandu raġun. Minflok, hu inkuraġġixxa lin-nies biex jinnotawh u jiddeċiedu għalihom infushom jekk kienx qed jagħmel ħażin. (Mat. 11:19) Apparti minn hekk, bl-eżempju tiegħu, hu wera li kien raġunevoli u ferħan. (Ara l-prinċipju fi Ġwanni 2:2, 6-10.) Bl-istess mod, aħna m’għandniex għalfejn inwiġbuhom kull darba li jweġġgħuna bi kliemhom. Minflok, b’dak li nagħmlu nistgħu nuruhom li aħna raġunevoli u ferħanin. Meta tal-familja jaraw dan, se jirrealizzaw li dak li semgħu dwarna mhux veru.
KUN PAĊENZJUŻ U POŻITTIV
11. Ġesù kif trattahom lil ħutu?
11 Il-Bibbja turi li Ġesù baqaʼ juri paċenzja maʼ ħutu. Pereżempju, huma kienu f’Kana meta Ġesù għamel l-ewwel miraklu. (Ġw. 2:11, 12) Minkejja li rawh, huma xorta ma sarux dixxipli tiegħu. Imma Ġesù xorta baqaʼ jimpurtah minnhom. Tliet snin wara l-ewwel miraklu tiegħu f’Kana, il-Bibbja tgħid li Ġesù kellem lil ħutu b’qalb tajba.—Ġw. 7:5-8.
12. X’jistaʼ jgħinna nibqgħu pożittivi li xi darba tal-familja se jkunu jridu jaqdu lil Ġeħova?
12 Aħna tgħallimna ħafna dwar kemm Ġeħova juri ħniena. Dan jistaʼ jgħinna biex inkunu pożittivi u nittamaw li xi darba anki tal-familja tagħna jibdew jaqdu lilu.a (Riv. 17:16) Meta tispiċċa r-reliġjon falza, tal-familja jaf jiftakru li aħna għednielhom li kellu jiġri dan. Huma jaf jibdew jaqdu lil Ġeħova magħna wara li jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira! Jekk tal-familja jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli, aħna żgur li se nagħmlu l-aħjar tagħna biex ngħinuhom. U meta jaraw li aħna vera nħobbuhom, forsi huma jkunu iktar lesti li jaċċettaw dak li tgħallem il-Bibbja.
URIHOM LI TĦOBBHOM
13. Għalkemm aħna għandna ħafna x’nagħmlu fix-xogħol taʼ Ġeħova, minn xiex irridu noqogħdu attenti?
13 Għalkemm ikollna ħafna x’nagħmlu fix-xogħol taʼ Ġeħova, ma rridux nagħtuhom l-impressjoni li m’għandniex ħin għalihom jew li ma nħobbuhomx. (Mat. 7:12) Kif nistgħu nuru li jimpurtana minn tal-familja? Ejjew naraw x’nistgħu nagħmlu.
14-15. Semmi mod kif nistgħu nuru li nħobbu lil tal-familja li mhumiex Xhieda. Agħti eżempju.
14 Tkellem magħhom spiss u urihom li tħobbhom. Meta b’mod regolari ngħidu lil tal-familja x’inhu għaddej fil-ħajja tagħna, inkunu qed nuruhom li nħobbuhom. Pereżempju, nistgħu nibagħtulhom xi messaġġ jew xi ritratti taʼ xi ħaġa li nkunu ħadna pjaċir nagħmlu dan l-aħħar. Kultant, kulma jkun hemm bżonn hu xi rigal żgħir jew xi card biex nuruhom li jimpurtana minnhom u nsiru close. Meta nkunu minn tal-ewwel biex nagħmlu affarijiet bħal dawn, inkunu qed nuruhom li nħobbuhom.
15 Aħseb dwar l-eżempju taʼ Anna, oħt fl-Armenja. Il-familja tagħha jqattgħu ħafna ħin flimkien, speċjalment meta xi ħadd ikollu l-birthday u fil-festi. Meta Anna sabet il-verità, dawk li jiġu minnha bdew jinkwetaw li mhux se tibqaʼ tqattaʼ iktar ħin magħhom. Huma bdew jinkwetaw ukoll dwar kif se jeffettwa l-futur tagħha jekk issir Xhud taʼ Ġeħova. Anna x’għamlet biex ma jinkwetawx daqshekk? Hi tgħid: “Meta mmur għand tal-familja ngħidilhom x’qed jiġri f’ħajti u x’qed nagħmel. Ġieli nistidinhom għandi u nlaqqagħhom mal-ħbieb tiegħi. B’hekk, ħafna minn tal-familja jafu lill-ħbieb tiegħi u jħossuhom komdi jkellmuhom. Ħafna minn tal-familja qalu li qed jarawni ferħana u li m’għandhomx għalfejn jinkwetaw dwari.”
16. Ġesù kif wera interess personali f’ħuh Ġakbu? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.)
16 Urihom li jimpurtak minnhom. Wara li Ġesù ġie rxoxtat, hu wera interess f’ħuh Ġakbu billi deherlu u kellmu b’mod personali. (1 Kor. 15:7) Tistaʼ timmaġina kif ħassu Ġakbu meta fehem li Ġesù ma qatax qalbu minnu? Aktarx li kien dakinhar li Ġakbu kien ċert li Ġesù kien il-Messija. Wara li deherlu Ġesù, jistaʼ jkun li Ġakbu għen lil membri oħra tal-familja jifhmu li Ġesù kien il-Messija.b—Atti 1:14.
17. X’nistgħu nitgħallmu mill-parir li nsibu f’Rumani 12:15? (Ara wkoll l-istampa.)
17 Aqra Rumani 12:15. Tal-familja jgħaddu minn żminijiet sbieħ u koroh. Jekk nuruhom li jimpurtana minnhom, speċjalment meta jkollhom bżonn, jaf ibiddlu l-mod kif jaħsbuha dwarna.c Pereżempju, meta xi ħadd minnhom ikollu tarbija, aħna nistgħu nixtrulhom rigal żgħir u nifirħu magħhom. Meta jmutilhom xi ħadd li jħobbu nistgħu nagħmlulhom il-kuraġġ b’dak li ngħidulhom, b’xi kard, jew ngħinuhom b’mod prattiku. U jkun tajjeb li naraw kif inhuma b’mod regolari, speċjalment jekk ikunu għaddejjin minn żmien diffiċli.
Jekk turi lil tal-familja li jimpurtak minnhom, speċjalment meta jkollhom bżonn l-għajnuna, huma jistgħu jbiddlu l-mod taʼ kif iħossuhom dwarek u dwar dak li temmen. (Ara paragrafu 17)g
18. Kif nistgħu nimitaw lid-dixxiplu Indrì?
18 Laqqagħhom maʼ Xhieda oħra. Meta d-dixxiplu Indrì sar jaf li Ġesù kien il-Messija, hu mar għand ħuh Pietru u qallu biex imur miegħu ħalli jara lil Ġesù. (Ġw. 1:40-42) Nistgħu nagħmlu xi ħaġa simili? Pereżempju, nistgħu kultant nistiednu lil xi ħadd tal-familja għal xi laqgħa jew għal xi ikla mal-ħbieb tagħna? Meta nlaqqgħuh mal-ħbieb tagħna, hu se jara li x-Xhieda huma bħal nies oħrajn u qalbhom tajba.
19. Jekk tal-familja tagħna ma jifhmux għalkollox dak li nemmnu aħna, kif għandna nittrattawhom? (1 Pietru 3:15)
19 Aqra l-1 Pietru 3:15. Tal-familja forsi ma jifhmux għalkollox għala ma nagħmlux ċertu affarijiet, imma huma żgur se jiftakru meta nkunu qalbna tajba magħhom u nirrispettawhom. Għalkemm aħna ma niċċelebrawx ċertu festi u okkażjonijiet magħhom, huma żgur japprezzaw l-isforzi li nagħmlu biex inqattgħu l-ħin magħhom fi ġranet oħra. Pereżempju, aħna nistgħu nagħmlu dan billi nieklu xi ħaġa flimkien, immorru għandhom, u nagħtuhom xi rigal.
TAQTAX QALBEK MINNHOM
20. L-eżempju taʼ Ġakbu għala jinkuraġġina?
20 Ġakbu ma sarx dixxiplu taʼ Ġesù waqt li kien jipprietka, imma Ġakbu sar dixxiplu tiegħu iktar tard. (Gal. 1:18, 19; 2:9) Minkejja dan, hu xorta sar jaf dak li għallem Ġesù. Pereżempju, fl-ittra li kiteb hu lill-Kristjani semma ħafna affarijiet li semmiehom Ġesù fil-Prietka taʼ Fuq il-Muntanja.d
21. Għala m’għandniex naqtgħu qalbna minn dawk li jiġu minna u li mhumiex Xhieda?
21 Għalkemm nagħmlu l-almu tagħna biex inkunu qalbna tajba maʼ dawk li jiġu minna u nuruhom li jimpurtana minnhom, jaf xorta ma tinteressahomx il-verità u ma jittrattawniex sew. Għala m’għandniex naqtgħu qalbna minnhom? Għax kull darba li nuruhom qalb tajba, aħna nkunu qed nuruhom li nimitaw lill-Alla ħanin Ġeħova u lil ibnu Ġesù. (Luqa 6:33, 36) Maż-żmien, jekk aħna nibqgħu nuruhom imħabba, huma jaf ibiddlu l-ħsieb tagħhom dwarna. Għalkemm aħna forsi lanqas nirrealizzaw, huma jaf jiftakru ħafna affarijiet li nkunu għednielhom dwar Ġeħova u l-wegħdi tiegħu. Jekk ma naqtgħux qalbna, jaf nesperjenzaw il-ferħ li naraw lil xi wħud mill-għeżież tagħna jingħaqdu magħna f’li nqimu lil Ġeħova!
GĦANJA 60 Hemm ħajjithom fin-nofs
a Ara l-artiklu “X’Nafu Dwar Kif Ġeħova Ħa Jiġġudika lin-Nies fil-Futur?” f’It-Torri tal-Għassa taʼ Mejju 2024, p. 11, para. 11-13.
b Minn tal-inqas kien hemm tnejn minn ħut Ġesù mill-omm, Ġakbu u Ġuda, li aċċettaw il-verità wara li Ġesù miet u ġie rxoxtat.
c Ara l-kaxxa “Għandek Tattendi Tieġ Jew Funeral taʼ Xi Ħadd li Mhux Xhud?”
e Għal iktar informazzjoni dwar okkażjonijiet bħal dawn, ara “Mistoqsijiet mill-Qarrejja” f’It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Mejju 2002, u tal-15 taʼ Novembru 2007.
f X’JURUNA L-ISTAMPI: Oħt qed tieħu pjaċir tipprepara l-ikel lir-raġel tagħha qabel tmur is-service.
g X’TURINA L-ISTAMPA: L-istess oħt qed issib ħin biex tmur tara lill-omm ir-raġel tagħha li mhijiex Xhud.