LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 5/1 pp. 26-27
  • L-Art Għammiela tal-Venda

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Art Għammiela tal-Venda
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Lingwa Diffiċli
  • Għammiela b’Mod Spiritwali
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 5/1 pp. 26-27

L-​Art Għammiela tal-​Venda

GĦAL dawn l-​aħħar għaxar snin, jien u marti ħdimna bħala evanġelizzaturi full-time fost dawk in-​nies magħrufin bħala l-​Venda. Il-​Venda jgħixu lejn in-​nofsinhar tax-​Xmara Limpopo fit-​tramuntana taʼ l-​Afrika t’Isfel, u ġenshom hu magħmul minn għadd taʼ tribujiet li qasmu l-​Limpopo tul is-​sekli. Xi Venda jsostnu li l-​antenati tagħhom issetiljaw hawn ’il fuq minn 1,000 sena ilu.

Tabilħaqq, dan ir-​reġjun darba kien jagħmel parti minn ċivilizzazzjoni antika msejħa s-​Saltna Mapungubwe. Kienu l-​ewwel nies fl-​Afrika t’Isfel li għammru flimkien f’belt u kienu jikkontrollaw il-​wied vast tax-​Xmara Limpopo, mill-​Botswana fil-​punent sal-​Możambik fil-​lvant. Minn madwar is-​sena 900 E.K. sas-​sena 1100 E.K., lil kummerċjanti Għarab Mapungubwe pprovditilhom ivorju, qran tar-​rinoċeronti, ġlud taʼ l-​annimali, ram, u saħansitra deheb. Oġġetti mnaqqxin bis-​sengħa u indurati bid-​deheb ġew skavati fuq għolja taʼ dfin irjali msejħa Mapungubwe. Dawn huma fost “l-​ewwel indikazzjonijiet taʼ tħaffir għad-​deheb fin-​naħa t’isfel taʼ l-​Afrika,” tissuġġerixxi waħda enċiklopedija.

Illum hawn m’għadux isir tħaffir għad-​deheb. Din l-​art tal-​Venda issa hija magħrufa għal kemm hija għammiela. Lejn in-​nofsinhar tal-​Muntanji Soutpansberg hemm wied fertili, fejn jikbru bl-​abbundanza frott bħall-​avokado, il-​banana, il-​mangu, u l-​gwava. Barra minn lewż bħal tal-​pekan jew tal-​makadamja, hemm ukoll provvisti taʼ ħaxix bil-​qabda. Dawn jinkludu l-​muroho salvaġġ, li t-​togħma tiegħu qisha dik taʼ l-​ispinaċi u li jintgħoġob ħafna min-​nies tal-​lokal.

Il-Venda huma nies paċifiċi u ospitabbli. Mhux l-​ewwel darba li l-​kap tad-​dar jitlob li tissajjar tiġieġa għal xi mistieden mhux mistenni. Din tittiekel flimkien mal-​vhuswa, l-​ikla taʼ kuljum tagħhom, magħmula mill-​qamħ. Wara ż-​żjara, il-​kap tad-​dar jakkumpanja lill-​mistieden għal distanza qasira. Dan huwa l-​mod tradizzjonali taʼ kif wieħed juri rispett lill-​mistidnin. Lit-​tfal jgħallmuhom kif jagħtu merħba lill-​mistidnin b’mod grazzjuż billi jmilu u jżerżqu id m’oħra. F’din il-​paġna qed tara żewġ nisa Venda jagħtu merħba lil xulxin b’dan il-​mod tradizzjonali.

Lingwa Diffiċli

Nies taʼ oriġini Ewropea jsibuha diffiċli biex jitgħallmu l-​lingwa Venda. Waħda mid-​diffikultajiet hi li ħafna kliem jispelluhom l-​istess iżda jippronunzjawhom differenti. Darba waħda, waqt li kont qed nagħti taħdita minn fuq il-​Bibbja lil kongregazzjoni Venda tax-​Xhieda taʼ Jehovah, bdejt nipprova nħeġġeġ lill-​kongregazzjoni biex jitkellmu maʼ kull persuna. Individwu fl-​udjenza ma setax iżomm bid-​daħq għaliex jien għedt “sebgħa maʼ sebgħa” minflok “persuna maʼ persuna.”

Meta pprovajt nitkellem bil-​Venda għall-​ewwel darba fix-​xogħol pubbliku taʼ l-​għoti taʼ xiehda, waħda mara Venda wieġbet: “Ma nafx nitkellem bl-​Ingliż.” Jien ħsibt li kont għadni kif tkellimt b’Venda tajjeb, imma din ħasbet li kellimtha bl-​Ingliż! F’okkażjoni oħra, hekk kif kont riesaq lejn dar, staqsejt lil wieħed ġuvnott biex isejjaħ lill-​kap tal-​familja. Il-​kelma bil-​Venda għall-​kap tal-​familja hija thoʹho. Bi żball, jiena għedt thohoʹ, u b’hekk kont qed insaqsih biex nitkellem max-​xadina tad-​dar! Żbalji bħal dawn skuraġġewni, imma bil-​perseveranza kemm jien u kemm marti issa nistgħu nitkellmu mhux ħażin bil-​Venda.

Għammiela b’Mod Spiritwali

L-​art tal-​Venda qed turi li hija għammiela b’mod spiritwali wkoll. Fis-​snin ħamsin, ġiet ifformata kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah fost l-​emigranti li ġew minn pajjiżi ġirien biex jaħdmu f’minjiera tar-​ram fil-​belt taʼ Messina. L-​attività żeluża tagħhom introduċiet lil ħafna Venda mal-​veritajiet Bibliċi. Għaxar snin wara, grupp taʼ Xhieda Venda kienu qed jiltaqgħu f’dar privata fil-​belt taʼ Sibasa.

Biex din iż-​żjieda ssir iktar bl-​għaġla, il-​fergħa taʼ l-​Afrika t’Isfel tal-​Watch Tower Society bagħtet evanġelizzaturi full-time f’din l-​għalqa hekk għammiela. Fi ftit żmien il-​grupp taʼ Sibasa kiber f’kongregazzjoni kbira. Dak iż-​żmien il-​laqgħat Kristjani kienu jsiru fi klassi. Bl-​għajnuna tax-​Xhieda taʼ Jehovah tal-​lokalità taʼ Pietersburg li tinstab xi 160 kilometru lejn in-​nofsinhar, madankollu, inbniet Sala tas-​Saltna f’Thohoyandou, belt li tinstab fil-​qrib.

Il-popolazzjoni li titkellem bil-​Venda fit-​tramuntana taʼ l-​Afrika t’Isfel tammonta għal iktar minn 500,000. Ma kien hemm l-​ebda Xhud Venda meta x-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna beda hawn fis-​snin ħamsin. Issa hemm iktar minn 150. Imma għad hemm ħafna postijiet li għadhom ma ntmessewx u hemm ħafna xogħol xi jsir. Fl-​1989 bdejna nżuru raħal Venda li jismu Hamutsha. F’dak iż-​żmien, Xhud wieħed biss kien jgħix hemmhekk. Issa hemm iktar minn 40 proklamatur tas-​Saltna li jgħixu f’dak ir-​raħal. Bħalissa mehdijin f’li nlestu s-​Sala tas-​Saltna tagħna, grazzi għal darb’oħra għall-​għajnuna tax-​Xhieda mill-​kongregazzjonijiet taʼ Pietersburg u l-​kontribuzzjonijiet finanzjarji taʼ ħutna minn pajjiżi iktar għonja.

Aħna ngħixu ġo karavan fuq biċċa rabaʼ. Billi nżommu ħajjitna sempliċi, għandna iktar ħin biex nilħqu lin-​nies tal-​lokal bl-​aħbar tajba. (Mark 13:10) Bħala riżultat, tberikna b’mod għani bil-​privileġġ li għenna lil ħafna jiddedikaw ruħhom lil Alla Jehovah. Eżempju wieħed huwa taʼ raġel li jismu Michael, li ra l-​ktieb Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-​Ġenna Fuq L-​Art fid-​dar taʼ sieħbu.a Beda jaqrah u minnufih għaraf il-​verità. B’hekk kiteb lil Watch Tower Society għal iktar letteratura Biblika. Fl-​ittra tiegħu Micheal spjega li kien għadu kif tgħammed bħala membru taʼ knisja Appostolika lokali. “Skoprejt,” hu kompla, “li t-​triq li qbadt m’hijiex tajba biex nasal għas-​Saltna t’Alla. Iddeċidejt li rrid insir wieħed mill-​membri tagħkom, imma ma nafx x’għandi nagħmel.” Imbagħad ta l-​indirizz tiegħu u talab li wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah jintbagħat biex jgħinu. Irnexxieli nsib lil Michael u bdejt studju tal-​Bibbja fid-​dar miegħu. Illum, hu Xhud mgħammed u jaqdi lil Jehovah b’mod leali.

F’Diċembru taʼ 1997, attendejna l-​Konvenzjoni Distrettwali “Fidi fil-​Kelma t’Alla” tax-​Xhieda taʼ Jehovah li saret fl-​istadju sportiv taʼ Thohoyandou. L-​attendenza kienet taʼ 634, u kien hemm 12 ġodda li tgħammdu. Kelli l-​privileġġ li nagħti żewġ taħditiet bil-​Venda. Kienet ġrajja importanti fl-​għaxar snin henjin li qattajna f’din l-​art għammiela!​—Ikkontribwit.

[Nota taʼ taħt]

a Ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja