Jaħdem Alla b’Modi “Mgħawġin”?
“Deus escreve certo por linhas tortas” (“Alla Jikteb b’mod korrett billi juża linji mgħawġin”) huwa qawl fil-Brażil. Dan jissuġġerixxi li Alla dejjem jagħmel dak li hu tajjeb imma kultant b’tali mod li jidher mgħawweġ għall-bniedem. Per eżempju, meta jmut xi ħadd fl-aqwa taʼ ħajtu, ħafna jgħidu, ‘Alla sejjaħlu lejn is-sema.’ Jekk xi ħadd ibati minn diżabilità fiżika jew jiffaċċja traġedja, xi wħud jikkummentaw, ‘Hija r-rieda t’Alla.’ B’hekk, peress li Alla jieħu t-tort tal-mewt, tal-problemi fiżiċi, u t’affarijiet oħrajn li jikkaġunaw diqa, espressjonijiet bħal dawn jimplikaw li Alla ‘jikteb mgħawweġ,’ li hu jagħmel l-affarijiet b’mod li l-bniedem ma jistax jifhmu.
Bosta nies reliġjużi għala jemmnu li Alla huwa responsabbli għall-mewt u t-tbatijiet? Dan it-twemmin taʼ spiss ikun ibbażat fuq il-fatt kif xi testi Bibliċi iżolati jinftiehmu ħażin. Ejja nagħtu daqqa t’għajn lejn xi ftit minnhom.
● ”Min għamel l-imbikkem, it-trux, u l-agħma u ’l min jara? M’hux jien, il-Mulej?”—Eżodu 4:11.
Ifisser dan li Alla għandu jieħu t-tort għal dawk kollha li jsofru minn diversi diżabilitajiet? Le. Kieku dan ma jkunx fi qbil mal-personalità t’Alla. Il-Bibbja tgħidilna: “Kull ma ħalaq Alla hu tajjeb.” (1 Timotju 4:4) M’għandux jeħel hu jekk xi ħadd jitwieled agħma, imbikkem, jew trux. Hu jixtieq biss il-ġid lill-ħolqien tiegħu, għaliex hu s-Sors taʼ “kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett.”—Ġakbu 1:17.
Kienu l-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, li bl-għażla tagħhom stess irribellaw kontra Alla u tilfu l-perfezzjoni tagħhom u b’hekk l-abbiltà tagħhom li jipproduċu tfal perfetti. (Ġenesi 3:1-6, 16, 19; Ġob 14:4) Hekk kif id-dixxendenti tagħhom iżżewġu u kellhom it-tfal, iktar u iktar imperfezzjonijiet, inkluż id-difetti fiżiċi, bdew jidhru fost il-bnedmin. Filwaqt li Alla Jehovah ma kkaġunax dan, hu ppermettieh li jseħħ. Għaldaqstant, setaʼ jitkellem dwaru nnifsu bħala li ‘għamel’ l-imbikkem, it-trux, u l-agħma.
● ”L-imgħawweġ ma tistax tiddrittah.”—Koħèlet 1:15.
Kien Alla li għamel l-affarijiet mgħawġin? Ovvjament li le. Koħèlet 7:29 jinnota: “Alla għamel il-bniedem dritt, iżda huma jfittxu tagħwiġ bla għadd.” Il-Contemporary English Version tpoġġi dan il-vers f’parafrażi: “Konna onesti kompletament meta Alla ħalaqna, imma issa għandna mħuħ mgħawġin.” Minflok ma kkonformaw mal-livelli taʼ tjieba t’Alla, l-irġiel u n-nisa, fil-biċċa l-kbira, għażlu deliberatament li jsegwu l-pjanijiet, l-iskemi, il-mezzi, jew il-modi tagħhom stess—bi ħsara għalihom infushom.—1 Timotju 2:14.
Ukoll, bħalma nnota l-appostlu Pawlu, minħabba d-dnub taʼ l-umanità, “il-ħolqien jinsab taħt il-frugħa.” (Rumani 8:20) U din is-sitwazzjoni ‘ma tistax tiddritta’ bi sforzi umani. It-tagħwiġ u l-frugħa kollha f’affarijiet taʼ l-art se jitneħħew biss permezz taʼ intervent divin.
● ”Ħares lejn għemil Alla: jistaʼ xi ħadd jiddritta dak li Hu għamel mgħawweġ?”—Koħèlet 7:13.
Fi kliem ieħor, is-Sultan Salamun jistaqsi: ‘Min fost l-umanità jistaʼ jiddritta d-difetti u l-imperfezzjonijiet li jippermetti Alla?’ Ħadd, għaliex hemm raġuni għala Alla Jehovah jippermetti li jiġru dawn l-affarijiet.
Għalhekk, Salamun jirrikkmanda: “F’jum ir-riżq fittex gawdi u f’jum l-għawġ oqgħod aħseb: l-għawġ u r-riżq qassamhom Alla biex il-bniedem xejn ma jikxef dwar il-ġejjieni tiegħu.” (Koħèlet 7:14) Individwu għandu japprezza ġurnata meta jiġih kollox tajjeb u juri l-apprezzament tiegħu billi jirrifletti t-tjubija. Għandu jqis ġurnata tajba bħala rigal mingħand Alla. Imma xi ngħidu jekk il-ġurnata ġġib l-għawġ? Dak li jkun jagħmel tajjeb li ‘joqgħod jaħseb,’ jiġifieri, li jirrikonoxxi, li Alla ppermetta li jseħħ l-għawġ. Għala għamel hekk? Salamun jgħid: “Biex il-bniedem xejn ma jikxef dwar il-ġejjieni tiegħu.” Dan x’ifisser?
Il-fatt li Alla jippermettilna niffaċċjaw kemm il-ferħ u kemm l-inkwiet ifakkarna li ma nistgħux ngħidu x’se jġib il-ġejjieni. L-għawġ jistaʼ jinqalaʼ kemm lit-tajbin u kemm lill-ħżiena. M’hemm l-ebda eċċezzjoni. Dan għandu jġegħelna nirrealizzaw l-importanza taʼ li niddependu, mhux minna nfusna, imma minn Alla, billi niftakru li “Alla hu mħabba.” (1 Ġwann 4:8) Avolja issa għandna mnejn ma nifhmux ċerti affarijiet, nistgħu nibqgħu ċerti li wara li kollox ikun twettaq sa l-aħħar naqra, dak li Alla ppermetta se jkun serva għal skop utli għal dawk kollha kkonċernati.
Kulma jippermetti qatt m’hu se jirriżulta fi ħsara dejjiema għal uħud taʼ qalbhom retta. L-appostlu Pietru dan għamlu ċar meta kkummenta dwar is-sofferenza li għaddew minnha sħabu l-kredenti fi żmienu: “Wara li tkunu batejtu għal ftit żmien, Alla li jagħti kull grazzja, li sejjħilkom għall-glorja tiegħu taʼ dejjem fi Kristu, hu nnifsu jerġaʼ jġeddidkom, iwettaqkom, isaħħaħkom u jqegħedkom fis-sod.”—1 Pietru 5:10.
Żmien li Jiddrittaw l-Affarijiet
Jehovah jagħtina s-saħħa biex nissaportu l-provi preżenti tagħna. Hu jwiegħed ukoll li se ‘jġedded kollox.’ (Apokalissi 21:5) Iva, huwa l-iskop tiegħu li s-Saltna tas-sema tiegħu dalwaqt se tirrestawra s-saħħa lil dawk li jbatu minn diżabilitajiet u se tidderieġi l-irxoxt tal-mejtin. Dak il-gvern se jelimina wkoll lil dak il-wieħed li triqatu huma tabilħaqq mgħawġin—Satana x-Xitan. (Ġwann 5:28, 29; Rumani 16:20; 1 Korintin 15:26; 2 Pietru 3:13) X’barka se tkun din għal nies li għandhom il-biżaʼ t’Alla minn madwar id-dinja kollha meta jasal iż-żmien t’Alla biex jiddritta l-affarijiet!
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 28]
Ġob Jismaʼ dwar ir-Rovina Tiegħu/The Doré Bible Illustrations/Dover Publications