Mejju
Il-Ġimgħa, 1 taʼ Mejju
“Alla ma jurix preferenzi.”—Rum. 2:11.
Wara li ħareġ lill-Iżraelin mill-Eġittu, Ġeħova inkariga lill-qassisin u l-Leviti biex jaħdmu fit-tabernaklu. Imma lil dawk li kellhom dan ix-xogħol jew li kienu jgħixu viċin tat-tabernaklu, Ġeħova kien jieħu ħsiebhom aħjar? Le! Għax Ġeħova qatt ma juri preferenzi. L-Iżraelin kollha setgħu jkunu ħbieb tajbin taʼ Ġeħova. Pereżempju, huma kollha setgħu jaraw il-kolonna tas-sħab u l-kolonna tan-nar fuq it-tabernaklu. (Eżo. 40:38) Meta kienet timxi, anki dawk li kienu joqogħdu ’l bogħod setgħu jindunaw. U b’hekk, setgħu jippakkjaw l-affarijiet, iżarmaw il-kampijiet, u jitilqu mal-oħrajn. (Num. 9:15-23) Bħall-Iżraelin, illum, ngħixu fejn ngħixu, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jħobbna, jieħu ħsiebna, u jipproteġina. w24.06 4 ¶10-11; 6 ¶12
Is-Sibt, 2 taʼ Mejju
“Ejja naħarbu, għax ħadd minna mhu se jeħlisha minn Absalom!”—2 Sam. 15:14.
David kien fil-periklu għax it-tifel tiegħu Absalom ipprova jsir re minfloku. (2 Sam. 15:12, 13) Allura hu kellu jaħrab minn Ġerusalemm malajr kemm jistaʼ jkun! Waqt li kulħadd kien ħiereġ mill-belt, David irrealizza li xi ħadd kellu jibqaʼ hemmhekk ħalli jkun jistaʼ jgħidlu x’se jagħmel Absalom. Allura hu qal lil Sadok u lil xi qassisin oħra biex jerġgħu jmorru lura. (2 Sam. 15:27-29) Huma kellhom joqogħdu attenti għax din kienet xi ħaġa perikoluża. David għamel pjan mal-ħbieb tiegħu Sadok u Ħusaj. (2 Sam. 15:32-37) Ħusaj kellu jagħmilha taparsi qed jissapportja lil Absalom u jagħtih parir taʼ kif jistaʼ jattakka lil David. Dan il-pjan kien se jgħin lil David biex ikollu biżżejjed żmien ħalli jattakkah. Imbagħad Ħusaj qal lil Sadok u Abjatar x’kien se jiġri. (2 Sam. 17:8-16) Allura, Sadok u Ħusaj qalu lil David bil-pjan u b’hekk setgħu jipproteġu lil David.—2 Sam. 17:21, 22. w24.07 4-5 ¶9-10
Il-Ħadd, 3 taʼ Mejju
“Ġeħova jgħid: ‘Ejjew ħalli nirranġaw l-affarijiet taʼ bejnietna.’”—Isa. 1:18.
Xi wħud mill-qaddejja taʼ Ġeħova għadhom iħossuhom imdejqin minħabba xi żbalji li għamlu qabel jew wara l-magħmudija. Jekk tħossok hekk, tinsiex li Ġeħova provda l-fidwa għax iħobbok ħafna u biex jaħfirlek. Hu jridek taċċetta dan ir-rigal għax hu jwegħedna li meta “nirranġaw l-affarijiet taʼ bejnietna,” ħa jaħfrilna kompletament. Kemm hi xi ħaġa sabiħa li Missierna Ġeħova jinsa kompletament l-iżbalji tagħna u fl-istess ħin jiftakar kull ħaġa tajba li għamilna! (Slm. 103:9, 12; Lhud 6:10) Jekk għadek tħossok imdejjaq minħabba l-iżbalji tal-passat, agħmel kulma tistaʼ biex taħseb fit-tajjeb li qed tagħmel bħalissa u x’tistaʼ tagħmel fil-futur. Int ma tistax tbiddel dak li ġara fil-passat, imma tistaʼ tagħmel lil Ġeħova ferħan issa u taħseb sew dwar il-wegħdi li għamel miegħek għall-futur. w24.10 8 ¶8-9
It-Tnejn, 4 taʼ Mejju
“Ilbsu l-personalità l-ġdida.”—Kol. 3:10.
Meta taqra l-Bibbja jaf tħossok skuraġġit għax ikun hemm ħafna affarijiet li trid tirranġa. Aħseb dwar dan l-eżempju. Illum tibda taqra l-Bibbja u tara l-parir biex ma nurux preferenzi. (Ġak. 2:1-8) Int tinduna li hemm bżonn tirranġa l-mod kif tittratta lil oħrajn, u tibda taħdem fuqha. Għada taqra xi versi li juru kemm hu importanti li nagħżlu kliemna sew. (Ġak. 3:1-12) Int tinduna li ġieli tgħid xi affarijiet li ma jkunux pożittivi. Allura tiddeċiedi li meta titkellem se tkun iktar pożittiv u inkuraġġanti. L-għada taqra xi versi oħra li juru kemm trid toqgħod attent li ma ssirx ħabib tad-dinja. (Ġak. 4:4-12) Issa tinduna li trid toqgħod iktar attent dwar x’tagħmel meta tkun qed tirrilassa bħal pereżempju x’kotba taqra, x’mużika tismaʼ, u x’tara. Sar-rabaʼ ġurnata jaf tibda tħoss li hemm wisq affarijiet li trid tirranġa. Tħossokx skuraġġit. Ftakar li dejjem irridu nkomplu nilbsu “l-personalità l-ġdida.” w24.09 5-6 ¶11-12
It-Tlieta, 5 taʼ Mejju
“Qaddsu lill-Kristu bħala l-Mulej f’qalbkom. Kunu dejjem lesti li tiddefendu ruħkom quddiem dawk li jistaqsu dwar it-tama tagħkom, imma agħmlu dan bil-ħlewwa u b’rispett kbir.”—1 Pt. 3:15.
Ġesù kien jaf li Missieru kien qed jara kollox u allura kien ċert li fl-aħjar żmien Ġeħova kien se jirranġa kollox. Meta xi ħadd jittrattana ħażin nistgħu nimitaw lil Ġesù u noqogħdu attenti x’ngħidu. Jekk ngħaddu minn xi ħaġa żgħira forsi ma jkollna għalfejn ngħidu jew nagħmlu xejn. Jew jistaʼ jkun li niddeċiedu li ma nitkellmux biex nevitaw li jiżdiedu l-problemi. (Ekk. 3:7; Ġak. 1:19, 20) Imma drabi oħra forsi jkollna bżonn nitkellmu, speċjalment meta naraw lil oħrajn jiġu trattati ħażin jew inkunu rridu niddefendu l-verità. (Atti 6:1, 2) Jekk nagħmlu hekk, dejjem għandna nitkellmu bil-kalma u bir-rispett. Nistgħu nimitaw lil Ġesù wkoll billi nafdaw “f’Dak li jiġġudika bil-ġustizzja.”—1 Pt. 2:23. w24.11 5-6 ¶10-12
L-Erbgħa, 6 taʼ Mejju
“L-anġli t’Alla jifirħu minħabba li midneb jindem.”—Lq. 15:10.
Jekk dak li għamel dnub serju jindem, aħna nkunu ferħanin ħafna! (Lq. 15:7) Għalkemm l-anzjani jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex jgħinu lil xi ħadd, min hu li verament jgħin lill-ħu jindem? Ftakar x’qal l-appostlu Pawlu. Hu qal: “Forsi Alla jħallihom jindmu.” (2 Tim. 2:25) It-tifħir għall-bidla fil-mod kif jaħseb u jaġixxi xi ħadd li jkun qed jagħmel dnub għandu jmur lejn Ġeħova. Għaliex ngħidu hekk? Għax Ġeħova hu l-wieħed li jgħin lil Kristjan li jkun qed jidneb jagħmel din il-bidla importanti. Pawlu jsemmi wkoll xi affarijiet sbieħ li jiġru meta xi ħadd jindem. Dan iwassal biex dak li jkun jifhem aħjar il-verità, jgħinu jiġi f’sensih, u jgħinu jaħrab min-nases tax-Xitan. (2 Tim. 2:26) Meta ħu jindem, il-kumitat jirranġa biex minn żmien għall-ieħor imorru jinkuraġġuh. L-anzjani li jmorru jinkuraġġuh jistgħu jkunu mill-kumitat jew mill-ġemgħa tal-anzjani. Dan se jgħin lill-ħu biex iżomm fidi b’saħħitha, ma jaqax fit-tentazzjonijiet, u jibqaʼ jagħmel dak li hu tajjeb.—Lhud 12:12, 13. w24.08 23 ¶14-15
Il-Ħamis, 7 taʼ Mejju
“Intom ġejtu tfittxuni għax kiltu l-ħobż u xbajtu, u mhux għax rajtu l-mirakli.”—Ġw. 6:26.
Il-folla li Ġesù kien temaʼ kienet iktar moħħha fuq li tissodisfa l-ġuħ li kellha. Kif nafu? Il-ġurnata taʼ wara, dik il-folla reġgħet marret fil-post fejn Ġesù kien għamel il-miraklu tal-ħobż. Imma Ġesù ma kienx hemm. Allura huma qabdu dgħajjes li kienu sejrin Kafarnahum biex ifittxu lil Ġesù. (Ġw. 6:22-24) Huma m’għamlux hekk għax xtaqu jitgħallmu iktar dwar is-Saltna. Kulma riedu kien li Ġesù jtihom iktar ħobż x’jieklu. Kif nafu? Aħseb dwar x’ġara meta n-nies sabu lil Ġesù viċin Kafarnahum. Ġesù qalilhom li huma kienu fittxewh għax riedu jieklu biss. Avolja kienu ‘kielu mill-ħobż u xebgħu,’ dan kien “ikel li jispiċċa.” Imma Ġesù qalilhom biex jaħdmu għal “ikel li ma jispiċċax u li jagħti l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 6:26, 27) Dan setaʼ jagħtihulhom Missieru Ġeħova. w24.12 5 ¶8-9
Il-Ġimgħa, 8 taʼ Mejju
“Min hu għaref jitkellem b’għaqal u jikkonvinċi b’dak li jgħid.”—Prov. 16:23.
Biex issir għalliem aħjar, agħmel ċert li dak li tgħid u l-pariri li tagħti jkunu dejjem ibbażati mill-Bibbja. Biex tagħmel hekk, hemm bżonn li tistudja l-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet tagħna sew. (Prov. 15:28) Meta tkun qed tistudja, ara kif il-pubblikazzjonijiet tagħna jispjegaw il-versi ħalli tapplikahom kif suppost. U meta tgħallem, aħdem iebes biex tgħin lin-nies iħobbu iktar lil Ġeħova u japplikaw dak li jitgħallmu. Tistaʼ ssir għalliem aħjar billi ssaqsi għal parir minn anzjani tal-esperjenza. (1 Tim. 5:17) L-anzjani jridu jinkuraġġixxu lill-aħwa, imma kultant ikollhom bżonn jikkoreġu lill-aħwa. Però, importanti li dejjem jagħmlu dan b’qalb tajba. Jekk dejjem turi mħabba u qalb tajba, u tgħallem permezz tal-Bibbja se tkun għalliem tajjeb għax tkun qed timita lill-Aqwa Għalliem, Ġesù.—Mat. 11:28-30; 2 Tim. 2:24. w24.11 24 ¶16
Is-Sibt, 9 taʼ Mejju
“Faħħruh mal-ġnus.”—Slm. 96:3.
Aħna nistgħu nfaħħru lil Ġeħova bil-kliem li ngħidu dwaru. Aħna nistgħu ‘nkantaw lil Ġeħova,’ ‘infaħħru lil ismu,’ ‘inxandru l-aħbar tajba dwar kif isalva lin-nies,’ u ‘nfaħħruh mal-ġnus.’ (Slm. 96:1-3) Dawn kollha huma modi li bihom nistgħu nagħtu glorja lil Ġeħova. (Atti 4:29) Ukoll, nistgħu nagħtu glorja lil Ġeħova billi nagħtu mill-affarijiet materjali li għandna. Il-qaddejja taʼ Ġeħova minn dejjem kienu jfaħħru lil Alla b’dan il-mod. (Prov. 3:9) Pereżempju, l-Iżraelin kienu taw kontribuzzjonijiet biex jinbena t-tempju u jinżamm fi stat tajjeb. (2 Slat. 12:4, 5; 1 Kron. 29:3-9) Xi wħud mid-dixxipli taʼ Ġesù użaw “dak li kellhom” biex jgħinu lill-appostli f’dak li kien ikollhom bżonn. (Lq. 8:1-3) Il-Bibbja tgħid li meta xi Kristjani tal-bidu batew minħabba li kien hemm il-ġuħ, l-aħwa li kienu jgħixu f’postijiet oħra bagħtulhom il-flus biex jgħinuhom. (Atti 11:27-29) Illum, aħna wkoll nistgħu nagħtu glorja lil Ġeħova billi nagħtu donazzjonijiet minn qalbna. w25.01 4 ¶8; 5 ¶11
Il-Ħadd, 10 taʼ Mejju
“Ħadd ma jistaʼ jwaqqafhom milli jitgħammdu bl-ilma!”—Atti 10:47.
X’għen lil Kornelju jitgħammed? Hu kien “jirrispetta ħafna lil Alla u jqimu fid-dar tiegħu mal-familja kollha.” Hu “kien dejjem jitlob bil-ħniena lil Alla.” (Atti 10:2) Meta Pietru qallu dwar l-aħbar tajba, Kornelju u l-familja tiegħu bdew jemmnu f’Ġesù u tgħammdu mill-ewwel. (Atti 10:47, 48) Kornelju żgur kien lest li jagħmel il-bidliet li kien hemm bżonn biex jaqdi lil Ġeħova mal-familja. (Ġoż. 24:15; Atti 10:24, 33) Kornelju setaʼ ħalla l-pożizzjoni li kellu żżommu milli jsir Kristjan. Imma m’għamilx hekk. Biex titgħammed int għandek bżonn tagħmel bidliet kbar? Jekk iva, Ġeħova se jgħinek żgur. Hu se jbierkek jekk tkun determinat li tapplika l-prinċipji tal-Bibbja biex taqdih. w25.03 5 ¶12-13
It-Tnejn, 11 taʼ Mejju
“Irrifjuta stejjer foloz li jiddiżonoraw lil Alla.”—1 Tim. 4:7.
Jekk tismaʼ xi gideb dwar l-organizzazzjoni jew l-aħwa li Ġeħova qed juża biex imexxu, ftakar li anki fuq Ġesù u d-dixxipli tiegħu gidbu. Ġesù qal li n-nies kienu ħa jiħduha kontra dawk li jaqdu lil Ġeħova u ħa jgħidu l-gideb dwarhom. U dan hu eżatt dak li qed jiġri llum. (Mt. 5:11, 12) Jekk aħna nżommu f’moħħna minn fejn ġej dan il-gideb, m’aħniex ħa nemmnuh. Imma xi rridu nagħmlu biex nipproteġu lilna nfusna minn dan il-gideb? Temminx il-gideb. Pawlu spjega xi rridu nagħmlu meta nisimgħu l-gideb. Hu qal lil Timotju biex jordna lil ċerti wħud biex “ma jgħallmux duttrina differenti, u ma jagħtux kas l-istejjer foloz.” (1 Tim. 1:3, 4) Jekk aħna niftakru li hu Satana li qed jaqlaʼ l-gideb qatt mhu se nemmnuh. U minflok se nemmnu “kliem mimli saħħa.”—2 Tim. 1:13. w24.04 11 ¶16; 13 ¶17
It-Tlieta, 12 taʼ Mejju
“Huma jqarrqu bin-nies bi kliemhom u billi jfaħħruhom biex jingħoġbu.”—Rum. 16:18.
Ibqaʼ qrib taʼ dawk li huma leali lejn Ġeħova. Ġeħova jrid li bħala poplu nkunu magħqudin hekk kif naqduh. Aħna se nibqgħu magħqudin jekk nibqgħu nemmnu l-verità li hemm fil-Bibbja. Alla jwissina biex ‘inżommu ’l bogħod’ minn dawk li joħolqu l-firdiet fil-kongregazzjoni billi jxerrdu l-gideb dwar il-verità. Jekk ma nagħmlux hekk, nistgħu nibdew nemmnu dak il-gideb, u ma nibqgħux leali lejn Ġeħova. (Rum. 16:17) Meta nkunu nafu x’inhi l-verità u nżommu magħha, ħa jkollna fidi f’Ġeħova u nibqgħu leali lejh. (Efes. 4:15, 16) Mhux se nemmnu l-gideb taʼ Satana, u Ġeħova se jieħu ħsiebna fiż-żmien taʼ tbatija kbira. Allura, ibqaʼ żomm mal-verità u “l-Alla tal-paċi” jkun miegħek.—Flp. 4:8, 9. w24.07 13 ¶16-17
L-Erbgħa, 13 taʼ Mejju
“Kristu offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet darba għal dejjem.”—Lhud 10:12.
Ġesù ffoka fuq li jgħin lin-nies li kienu jħossuhom ħażin minħabba li jidinbu u stidinhom biex isiru dixxipli tiegħu. Hu kien jaf li r-raġuni għala n-nies ibatu kienet minħabba d-dnub. Minħabba f’hekk għen speċjalment nies li kienu qed ibatu minħabba dnubiet li kienu għamlu. Billi ġab eżempju, hu qal: “Dawk li huma f’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib, imma dawk li huma morda iva.” Imbagħad qal: “Ma ġejtx biex ngħin lin-nies tajbin jindmu, imma lill-midinbin.” (Mat. 9:12, 13) Dan kien eżatt dak li għamel Ġesù. Pereżempju, meta waħda mara ħaslitlu saqajh bid-dmugħ tagħha, hu tkellem bil-ħlewwa magħha u ħafrilha d-dnubiet tagħha. (Lq. 7:37-50) Hu għallem affarijiet importanti lill-mara Samaritana, avolja kien jaf li kienet qed tgħix maʼ raġel u ma kinux miżżewġin. (Ġw. 4:7, 17-19, 25, 26) Ġesù kien jaf li n-nies imutu minħabba li jidinbu. Għalhekk Ġeħova ta s-saħħa lil Ġesù biex jirxoxta lill-irġiel, nisa, u tfal li kienu mietu.—Mat. 11:5. w24.08 4 ¶9-10
Il-Ħamis, 14 taʼ Mejju
“Hu se jiġġudika lin-nies tal-art bil-ġustizzja u lill-popli bil-lealtà.”—Slm. 96:13.
Fil-futur Ġeħova ħa jġib glorja lil ismu billi jġib ġustizzja. Kif? Dalwaqt hu se jeqred lil Babilonja l-Kbira, għax ir-reliġjonijiet foloz għamlu affarijiet ħżiena ħafna u għallmu gideb kbir dwaru. (Riv. 17:5, 16; 19:1, 2) Xi nies li jaraw lil Babilonja l-Kbira tinqered jaf jibdew jaqdu lil Ġeħova magħna. Fl-aħħar, f’Armageddon, Ġeħova se jeqred is-sistema ħażina taʼ Satana. B’hekk, hu se jeqred lil dawk kollha li huma kontrih u li gidbu dwaru. Però, hu se jsalva lil dawk kollha li jħobbuh, jobduh, u li jixtiequ jfaħħruh għal dejjem. (Mrk. 8:38; 2 Tes. 1:6-10) Fl-aħħar tat-Tmexxija taʼ Elf Sena taʼ Kristu wara l-aħħar test, Ġeħova se jkun wera kompletament li hu jixraqlu li n-nies kollha jaqduh. (Riv. 20:7-10) Dak iż-żmien, “l-art se tkun mimlija bl-għarfien tal-glorja taʼ Ġeħova bħalma l-ilmijiet jiksu l-baħar.” (Ħab. 2:14) Kemm se jkun żmien sabiħ meta kull min ikun ħaj se jagħti lil Ġeħova l-glorja li tixraq lil ismu! w25.01 7 ¶15-16
Il-Ġimgħa, 15 taʼ Mejju
“Li tissaportu hu parti mid-dixxiplina tagħkom.”—Lhud 12:7.
X’kien se jgħin lill-Kristjani Lhud biex jissaportu? L-appostlu Pawlu ried jgħinhom jaraw għala jkun tajjeb li jibqgħu jissaportu. Hu spjega li Ġeħova jaf iħallina ngħaddu mill-provi biex jittrennjana. Dan it-trejning jinkludi li nitgħallmu kwalitajiet ġodda li jogħġbu lil Ġeħova jew naħdmu biex intejbu l-kwalitajiet li għandna. Kien se jkun iktar faċli għall-Kristjani Lhud biex jissaportu jekk jaħsbu fuq l-affarijiet tajbin li jiġu wara l-persekuzzjoni. (Lhud 12:11) Pawlu inkuraġġixxa lill-Kristjani Lhud biex ma jaqtgħux qalbhom u jibqgħu kuraġġużi. Hu setaʼ jtihom pariri tajbin għax qabel sar Kristjan kien jippersegwita lill-Kristjani. Allura kien jaf kemm kienu jiġu ttrattati ħażin. Wara li sar Kristjan, hu għadda minn ħafna persekuzzjoni differenti, b’hekk kien jaf ukoll x’jiġifieri li tiġi persegwitat.—2 Kor. 11:23-25. w24.09 12 ¶16-17
Is-Sibt, 16 taʼ Mejju
“Ibqgħu għassa.”—Mat. 25:13.
Kull ġurnata qed issir iktar importanti li nippritkaw għax ma tantx baqaʼ żmien sakemm tiġi Armageddon. Aħseb dwar x’qal Ġesù dwar dan ix-xogħol li qed isir f’dawn l-aħħar jiem, bħalma hemm miktub f’Marku 13:10. Skont ir-rakkont taʼ Mattew, Ġesù qal li l-aħbar tajba tas-Saltna se tiġi ppritkata mad-dinja kollha qabel jiġi “t-tmiem.” (Mt. 24:14) Il-kelma tmiem tfisser għal meta s-sistema ħażina taʼ Satana tispiċċa. Ġeħova diġà għażel ‘ħin u ġurnata’ meta ħa jagħmel dan. (Mt. 24:36; Atti 1:7) U kuljum qed nersqu eqreb taʼ din il-ġurnata. (Rum. 13:11) Però sakemm tasal, irridu nagħmlu l-aħjar tagħna biex nibqgħu nippritkaw. Aħna għala nippritkaw l-aħbar tajba? Din mistoqsija importanti li kollha kemm aħna rridu naħsbu dwarha. Aħna nippritkaw għax inħobbu. Meta mmorru fuq is-service, nuru kemm inħobbu l-messaġġ tal-aħbar tajba, lin-nies, lil Ġeħova u lil ismu. w24.05 14-15 ¶2-3
Il-Ħadd, 17 taʼ Mejju
“Alla ra li kulma kien għamel kien tajjeb ħafna.”—Ġen. 1:31.
Ġenituri, għinu lit-tfal jaħsbu dwar l-affarijiet sbieħ li ħalaq Ġeħova. Meta tkunu mexjin fil-kampanja jew ħdejn il-baħar, għinu lit-tfal jaraw id-disinji interessanti li hemm fin-natura. Dan se jgħinhom jaraw li hemm xi ħadd intelliġenti li ħalaqhom. Pereżempju, ħafna affarijiet fin-natura għandhom disinn taʼ ċirku li jibqaʼ jdur, bħal garigor (spiral). U xi xjentisti ilhom jistudjaw dwar dan it-tip taʼ disinn għal ħafna snin. Xjentist wieħed jismu Nicola Fameli spjega li meta tgħodd flimkien in-numru taʼ ċrieki f’xi oġġett fin-natura ssib li dawn iżommu l-istess sekwenza. Dawn in-numri jgħidulhom Fibonacci sequence. Xi ħaġa interessanti hi li dan id-disinn insibuh f’xi galassji, xi arzell tal-baħar, xi weraq, u fil-fjuri bħas-sunflowers. w24.12 16 ¶7
It-Tnejn, 18 taʼ Mejju
“Hu jagħti l-ħajja.”—Dewt. 30:20.
Mosè, David, u Ġwanni għexu ħafna snin ilu u l-mod kif kienu jgħixu kien differenti minn tagħna. Imma aħna għandna ħafna affarijiet simili. Pereżempju, bħalhom aħna naqdu lil Alla l-veru, nitolbu lilu, u nistrieħu fuqu għal pariri tajbin. U bħal Mosè, David, u Ġwanni, aħna ċerti li Ġeħova jbierek lil dawk kollha li jobduh. Mela kemm hu tajjeb li nisimgħu mill-pariri taʼ dawn l-irġiel kbar fl-età u nobdu lil Ġeħova. Jekk nagħmlu hekk, Ġeħova se jberikna billi jgħinna. Se nkunu nistgħu wkoll ngħixu għal dejjem. U meta naraw li qed nogħġbu lil Missierna Ġeħova, se nkunu ferħanin u hu se jippremjana b’modi tal-għaġeb.—Efes. 3:20. w24.11 13 ¶20-21
It-Tlieta, 19 taʼ Mejju
“Alla ta post lil kull wieħed fil-kongregazzjoni.”—1 Kor. 12:28.
Fi żmien il-Kristjani tal-bidu, xi aħwa rġiel ġew maħturin bħala qaddejja ministerjali. (1 Tim. 3:8) Milli jidher, dawn kienu l-uħud li għenu lill-appostlu Pawlu u li semmiehom fl-Ewwel Korintin. Minħabba li l-qaddejja ministerjali ħadu ħsieb xogħol importanti, l-anzjani setgħu jieħdu ħsieb li jgħallmu lill-kongregazzjoni u jieħdu ħsieb lill-aħwa sew. Liema xogħol kienu jagħmlu l-qaddejja ministerjali? Xi xogħol setaʼ kien li jikkuppjaw l-Iskrittura jew jixtru l-materjal biex jagħmlu kopji tal-Iskrittura. Aħseb dwar xi xogħol importanti li jagħmlu l-qaddejja ministerjali fil-kongregazzjoni tiegħek. (1 Pt. 4:10) Huma jistgħu jieħdu ħsieb l-accounts, is-sound, it-territorju, jordnaw il-letteratura, joqogħdu attendants, u jieħdu ħsieb il-bini tas-Sala tas-Saltna. Dawn kollha huma affarijiet importanti biex l-aħwa jkunu jistgħu jgawdu l-laqgħat u s-service jkun organizzat.—1 Kor. 14:40. w24.10 19 ¶4-5
L-Erbgħa, 20 taʼ Mejju
“Jien għandi s-saħħa għal kollox, għax Alla jagħtini l-qawwa li jkolli bżonn.”—Flp. 4:13.
Aħna nistgħu nibqgħu nissaportu jekk niftakru li Ġeħova dejjem se jgħinna. Ġeħova hu l-Alla li Jistaʼ Kollox. Hu jistaʼ jtina s-saħħa biex nissaportu għax m’hemmx problema li hi kbira wisq għalih. B’hekk, nistgħu nkunu ċerti li ngħaddu minn xiex ngħaddu se jirnexxilna nissaportu. Għalhekk, meta naraw li Ġeħova jgħinna fi problemi żgħar inkunu ċerti li se jgħinna meta ngħaddu minn problemi ikbar. Dak li għadda minnu r-Re David meta kien żgħir għenu biex jafda iżjed f’Ġeħova. Darbtejn kellu jsalva n-nagħaġ taʼ missieru, darba minn ors u darba minn iljun. Hu wera l-kuraġġ, imma kien jaf li rnexxielu jsalvahom bis-saħħa taʼ Ġeħova u mhux b’tiegħu. (1 Sam. 17:34-37) Meta David kien jaħseb sew minn xiex għadda, hu kien isir iktar ċert li fil-futur Ġeħova se jtih is-saħħa biex jissaporti problemi oħra. w24.06 21 ¶5-6
Il-Ħamis, 21 taʼ Mejju
“Min iwieġeb qabel ma jismaʼ l-fatti juri li hu iblah u jiġi umiljat.”—Prov. 18:13.
Ejja ngħidu li ġejt mistieden għal okkażjoni. Għandek tmur? Jekk ma tafx sew lil dak li stiednek jew ma tafx x’se jiġri waqt l-okkażjoni, ikun tajjeb jekk issaqsi mistoqsijiet bħal: “Meta u fejn se ssir? Kemm se jkun hemm nies? Se jkun hemm xi ħadd responsabbli għal dak li jiġri? Min se jkun mistieden? X’se nagħmlu waqt l-okkażjoni? Se jkun hemm alkoħol?” It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet se jgħinuk tieħu deċiżjoni tajba. Issa li taf il-fatti, aħseb sew dwar is-sitwazzjoni. Pereżempju, ejja ngħidu li ssir taf li se jkun hemm nies fl-okkażjoni li ma jimxux mal-livelli taʼ Ġeħova, jew li se jkun hemm l-alkoħol imma mhu se jkun hemm ħadd li se joqgħod attent li n-nies ma jixorbux ħafna. Jew tibda taħseb li din l-okkażjoni tistaʼ taqleb għal party bla kontroll. (1 Pt. 4:3) Meta taħseb sew dwar is-sitwazzjoni se jkun eħfef li tieħu deċiżjoni. w25.01 15 ¶4-5
Il-Ġimgħa, 22 taʼ Mejju
“Għalkemm id-dnubiet tagħkom huma bħal kulur aħmar jgħajjat, dawn se jsiru bojod bħas-silġ.”—Isa. 1:18.
Permezz tal-fidwa, Ġeħova jistaʼ jħassar id-dnubiet taʼ dawk li jindmu. Normalment tkun vera diffiċli biex tnaddaf il-ħwejjeġ minn xi tebgħa ħamra. Imma bl-eżempju li rajna, Ġeħova qed jgħidilna li hu jnaddafna mid-dnub għalkollox, tant li ma jibqax jidher. Id-dnub hu mqabbel ukoll maʼ “dejn.” (Mat. 18:32-35) Kull darba li nagħmlu dnub, qisu qed nagħmlu iktar dejn maʼ Ġeħova. Peress li nagħmlu ħafna żbalji, aħna għandna ħafna dejn miegħu. Imma meta jaħfrilna, hu jħassar dak id-dejn li jkollna kompletament u ma jkunx irid li nħallsuh lura. Kemm hu eżempju sabiħ li jurina kemm għandna nkunu ferħanin meta Ġeħova jaħfrilna. w25.02 9-10 ¶9-10
Is-Sibt, 23 taʼ Mejju
“It-tfal mhumiex mistennijin li jfaddlu għall-ġenituri, imma li l-ġenituri jfaddlu għat-tfal.”—2 Kor. 12:14.
Meta l-ġenituri jikbru jistaʼ jkun li jkollhom bżonn l-għajnuna tat-tfal tagħhom, u din hi xi ħaġa li t-tfal ikunu lesti li jagħmluha mill-qalb. (1 Tim. 5:4) Imma ġenituri li jafdaw f’Ġeħova jifhmu li l-akbar ferħ li jistaʼ jkollhom jiġi milli jrabbu t-tfal iħobbu lil Ġeħova, u mhux li meta t-tfal jikbru jieħdu ħsiebhom. (3 Ġw. 4) Ġenituri, bl-eżempju tagħkom għallmu t-tfal jafdaw f’Ġeħova u anki jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tagħhom. Minn meta jkunu żgħar, uruhom kemm hu importanti li jkunu beżlin. (Prov. 29:21; Efes. 4:28) Hekk kif jikbru għinhom jagħmlu l-aħjar li jistgħu fl-iskola. Bħala ġenituri tistgħu tagħmlu riċerka biex issibu prinċipji li jistgħu jgħinu lit-tfal tagħkom jiddeċiedu x’tip taʼ edukazzjoni se jagħżlu. Il-mira tagħkom għandha tkun li tgħinuhom ikunu kapaċi jieħdu ħsieb il-bżonnijiet bażiċi tagħhom u fl-istess ħin jagħmlu l-aħjar tagħhom fuq is-service, forsi anki billi jaqdu bħala pijunieri. w25.03 30-31 ¶15-16
Il-Ħadd, 24 taʼ Mejju
‘Ilbsu l-personalità l-ġdida.’—Efes. 4:24.
F’Isaija kapitlu 65 Ġeħova uża lill-profeta Isaija biex jikteb kif ħa jħossuhom in-nies meta jkunu qed jgħixu fil-ġenna spiritwali. Din il-profezija l-ewwel darba ġrat fis-sena 537 QK meta l-Lhud ħarġu minn Babilonja u reġgħu marru Ġerusalemm. Ġeħova berikhom billi għenhom jirranġaw il-belt u jerġgħu jibnu t-tempju ħalli jkunu jistgħu jaqduh fih. (Is. 51:11; Żak. 8:3) Il-profezija taʼ Isaija bdiet tiġri għat-tieni darba fl-1919. Dak iż-żmien, in-nies taʼ Ġeħova ħarġu minn Babilonja l-Kbira. Huma bdew jippritkaw u madwar id-dinja bdew jiżdiedu ħafna kongregazzjonijiet. B’hekk il-ġenna spiritwali bdiet tikber. Dawn l-aħwa kienu vjolenti u immorali imma ma baqgħux juru dawn il-kwalitajiet. Minflok, bdew juru kwalitajiet Kristjani u ‘libsu l-personalità l-ġdida li nħolqot skond ir-rieda t’Alla.’ w24.04 20-21 ¶3-4
It-Tnejn, 25 taʼ Mejju
“Kull wieħed hu responsabbli li jagħmel dak li jitlob minnu Alla.”—Gal. 6:5.
F’xi pajjiżi hemm id-drawwa li l-ġenituri jagħżlu lil min għandha tiżżewweġ il-persuna single. F’xi pajjiżi oħra hemm id-drawwa li tal-familja jew il-ħbieb isibu lil xi ħadd għal persuna single u mbagħad jirranġaw biex jiltaqgħu. Jekk xi ħadd tal-familja jew xi ħabib isaqsik biex issib lil xi ħadd għal persuna single, aħseb sew x’jixtiequ l-mara jew ir-raġel li jridu jiżżewġu. Jekk taħseb li xi ħadd hu tajjeb, sir afu sew, bħall-kwalitajiet li għandu, il-karattru, u l-ispiritwalità tiegħu. Ftakar, li jkollu ħbiberija tajba maʼ Ġeħova hu importanti iżjed minn kull ħaġa oħra, bħal kemm għandu flus jew x’background għandu. Fl-aħħar mill-aħħar, il-ħu u oħt single jiddeċiedu jiżżewġux jew le. w24.05 23 ¶11
It-Tlieta, 26 taʼ Mejju
“Ħabib veru juri mħabba l-ħin kollu.”—Prov. 17:17.
Mod kif nistgħu ngħinu lil koppja li jkunu qed joħorġu flimkien huwa b’dak li ngħidu jew ma ngħidux. Kultant ikun hemm bżonn li nikkontrollaw lilna nfusna, u ma ngħidu xejn. (Prov. 12:18) Pereżempju, forsi nkunu nixtiequ ngħidu li hemm ħu u oħt li qed joħorġu flimkien, imma jkunu jixtiequ jgħidu lin-nies huma. Għandna nevitaw ukoll li noqogħdu nitkellmu dwar koppja jew immaqdru affarijiet persunali. (Prov. 20:19; Rum. 14:10; 1 Tes. 4:11) Il-koppja tistaʼ ma tiħux pjaċir jekk noqogħdu nsaqsuhom mistoqsijiet bħal meta se jiżżewġu. X’għandna nagħmlu jekk insiru nafu li koppja m’għadhomx joħorġu flimkien? Għandna nevitaw li nsaqsu mistoqsijiet jew ngħidu li hu t-tort taʼ xi wieħed minnhom. (1 Pt. 4:15) Jekk koppja ma jibqgħux flimkien, ma jfissirx li ħadu deċiżjoni ħażina. Anzi huma ħadu deċiżjoni tajba, għax kienu qed joħorġu flimkien biex jaraw jekk għandhomx jiżżewġu jew le. Huma xorta jistgħu jħossuhom imdejqin. Mela, aħna għandna naraw kif nistgħu ngħinuhom. w24.05 31 ¶15-16
L-Erbgħa, 27 taʼ Mejju
“Jekk tkun skuraġġit fi żmien taʼ tbatija, ma tantx se jkollok saħħa.”—Prov. 24:10.
Waħda mill-iktar affarijiet diffiċli li jistaʼ jiġrilek hi li xi ħabib jew xi ħadd tal-familja jieqaf jaqdi lil Ġeħova. (Salm 78:40) Iktar ma tkun tħobb lil din il-persuna, iktar se jkun diffiċli. L-eżempju taʼ Sadok se jgħinek ħafna. Hu baqaʼ leali lejn Ġeħova anke meta l-ħabib tiegħu Abjatar ma baqax leali. David kien kiber u wasal biex imut. It-tifel tiegħu Adonija pprova jsir re avolja Ġeħova ried li r-re li jmiss ikun Salamun. (1 Kron. 22:9, 10) Abjatar beda jissapportja lil Adonija. (1 Slat. 1:5-8) B’hekk, hu la baqaʼ leali lejn David, la lejn Sadok u lanqas lejn Ġeħova! Sadok u Abjatar kienu jaħdmu flimkien bħala qassisin għal iktar minn erbgħin sena.—2 Sam. 8:17; 15:29; 19:11-14. w24.07 6 ¶14-15
Il-Ħamis, 28 taʼ Mejju
“Min hu dejjem għassa jkun ferħan.”—Prov. 28:14.
Nistgħu nibqgħu ċerti li meta ħa nagħmlu l-aħjar tagħna biex nibqgħu għassa u ma naqgħux fit-tentazzjoni ħa jkun worth it. Meta nagħmlu dnub jaf inħossuna ferħanin dak il-ħin, imma dan hu temporanju. Jekk ngħixu kif jixtieqna Ġeħova u nagħmlu dak li jixtieq hu, se nħossu l-ferħ veru. (Ebr. 11:25; Salm 19:8) Dan hu għax aħna maħluqin biex ngħixu kif jixtieq Ġeħova. (Ġen. 1:27) Aħna se nħossuna ferħanin għax ħa jkollna kuxjenza nadifa u nafu li Ġeħova dalwaqt ħa jtina ħajja taʼ dejjem. (1 Tim. 6:12; 2 Tim. 1:3; Ġuda 20, 21) Il-Bibbja tgħid li “l-ġisem hu dgħajjef.” (Mat. 26:41) Imma dan ma jfissirx li m’hemm xejn x’nagħmlu meta jkollna t-tentazzjonijiet. Ġeħova hu lest biex jgħinna. (2 Kor. 4:7) Fil-fatt, hu jwegħedna li se jtina l-qawwa iktar min-normal. Aħna kuljum irridu nagħmlu kulma nistgħu, biex ma naqgħux fit-tentazzjoni. Ġeħova ħa jagħtina iktar saħħa biex nissaportu meta tiġi t-tentazzjoni. (1 Kor. 10:13) Bl-għajnuna taʼ Ġeħova int tistaʼ tegħleb it-tentazzjoni. w24.07 19 ¶19-21
Il-Ġimgħa, 29 taʼ Mejju
“Ikkoreġi quddiem kulħadd lil dawk li jagħmlu d-dnub.”—1 Tim. 5:20.
L-appostlu Pawlu qal il-kliem tal-iskrittura tal-lum lill-anzjan sieħbu Timotju biex jikkoreġi quddiem kulħadd lil “dawk li jagħmlu d-dnub.” Però x’ried ifisser meta qal “kulħadd”? Pawlu ma kienx qed jgħid li bilfors kellu jikkoreġi lill-ħu li dineb quddiem il-kongregazzjoni kollha. Minflok, hu kien qed jgħid għal dawk il-ftit aħwa li forsi saru jafu bid-dnub. Jistaʼ jkun li dawn kienu xi aħwa li raw lill-ħu jagħmel id-dnub jew il-ħu mar u fetaħ qalbu magħhom. F’dak il-każ, l-anzjani għandhom jgħidu lil dawn l-uħud biss li l-ħu ġie kkoreġut. F’ċerti każijiet, ħafna aħwa fil-kongregazzjoni jkunu jafu li ħu għamel dnub serju jew ikunu se jsiru jafu iktar ’il quddiem. F’dan il-każ, il-kelma “kulħadd” tkun tfisser il-kongregazzjoni kollha. Allura jkollu jsir avviż minn anzjan li l-ħu jew l-oħt ġiet ikkoreġuta. Għala? Pawlu qal: “Bħala twissija għall-kumplament” biex ma jagħmlux dnub serju. w24.08 23-24 ¶16-17
Is-Sibt, 30 taʼ Mejju
“Dal-kliem li qal Alla.”—Riv. 19:9.
Irridu nibqgħu naħdmu iebes għal Ġeħova sal-aħħar. Il-magħżulin għandhom jibqgħu għassa biex Ġesù jtihom il-premju. (Mat. 24:40) Huma jħarsu ’l quddiem biex ‘jinġabru’ maʼ Ġesù fis-sema. Wara Armageddon, huma se jkunu l-għarusa taʼ Ġesù fiż-żwieġ tal-Ħaruf. (2 Tes. 2:1) Ġesù dalwaqt se jiġġudika, imma m’għandniex għalfejn nibżgħu. Ġeħova jħobbna. Allura, jekk nibqgħu leali se jtina “l-qawwa iktar min-normal” biex jirnexxilna ‘noqogħdu quddiem Bin il-bniedem.’ (2 Kor. 4:7; Luqa 21:36) Kemm jekk għandna t-tama li mmorru fis-sema u anki jekk għandna t-tama li ngħixu għal dejjem fuq l-art, jekk nagħtu kas it-twissijiet li tana Ġesù fl-eżempji tiegħu, se nagħmlu lil Ġeħova ferħan. U Ġeħova hu qalbu tajba u jħobbna. B’hekk, isimna se jkun “fil-ktieb tal-ħajja.”—Dan. 12:1; Riv. 3:5. w24.09 24-25 ¶19-20
Il-Ħadd, 31 taʼ Mejju
“Li nersaq qrib tiegħek hu taʼ benefiċċju.”—Slm. 73:28.
Int tistaʼ tħossok fil-paċi bl-għajnuna tal-Bibbja. Aħseb sew dwar x’għandek tajjeb fil-ħajja, bħal li Ġeħova hu ferħan bik, u ftakar li dawk li ma jaqduhx m’għandhomx l-istess barkiet bħalek. Huma jħossuhom fis-sigurtà għax għandhom ħajja komda u xogħol tajjeb. Imma fil-verità m’għandhomx tama. Min-naħa l-oħra, Ġeħova qed itik ħafna affarijiet tajbin bħalissa u għandek ħafna barkiet ġejjin fil-futur li ħa jibqgħu għal dejjem. (Slm. 145:16) U aħseb dwar dan: Ma tistax tkun taf kif kienet se tkun ħajtek kieku għamilt deċiżjonijiet differenti. Ħaġa waħda hi żgura: Meta tieħu deċiżjonijiet għax tħobb lil Ġeħova u lin-nies żgur se tkun ferħan. w24.10 27 ¶12-13