LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • es26 pp. 57-67
  • Ġunju

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġunju
  • Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2026
  • Sottitli
  • It-Tnejn, 1 taʼ Ġunju
  • It-Tlieta, 2 taʼ Ġunju
  • L-Erbgħa, 3 taʼ Ġunju
  • Il-Ħamis, 4 taʼ Ġunju
  • Il-Ġimgħa, 5 taʼ Ġunju
  • Is-Sibt, 6 taʼ Ġunju
  • Il-Ħadd, 7 taʼ Ġunju
  • It-Tnejn, 8 taʼ Ġunju
  • It-Tlieta, 9 taʼ Ġunju
  • L-Erbgħa, 10 taʼ Ġunju
  • Il-Ħamis, 11 taʼ Ġunju
  • Il-Ġimgħa, 12 taʼ Ġunju
  • Is-Sibt, 13 taʼ Ġunju
  • Il-Ħadd, 14 taʼ Ġunju
  • It-Tnejn, 15 taʼ Ġunju
  • It-Tlieta, 16 taʼ Ġunju
  • L-Erbgħa, 17 taʼ Ġunju
  • Il-Ħamis, 18 taʼ Ġunju
  • Il-Ġimgħa, 19 taʼ Ġunju
  • Is-Sibt, 20 taʼ Ġunju
  • Il-Ħadd, 21 taʼ Ġunju
  • It-Tnejn, 22 taʼ Ġunju
  • It-Tlieta, 23 taʼ Ġunju
  • L-Erbgħa, 24 taʼ Ġunju
  • Il-Ħamis, 25 taʼ Ġunju
  • Il-Ġimgħa, 26 taʼ Ġunju
  • Is-Sibt, 27 taʼ Ġunju
  • Il-Ħadd, 28 taʼ Ġunju
  • It-Tnejn, 29 taʼ Ġunju
  • It-Tlieta, 30 taʼ Ġunju
Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2026
es26 pp. 57-67

Ġunju

It-Tnejn, 1 taʼ Ġunju

“Għax int, Ġeħova, tajjeb u lest li taħfer.”—Slm. 86:5.

Bħalissa aħna diġà qed nibbenefikaw mir-rigal tal-fidwa. Pereżempju, minħabba l-fidwa, Ġeħova jaħfrilna d-dnubiet. Fil-verità hu m’għandux għal xiex jaħfrilna imma jixtieq. (Slm. 103:​3, 10-13) Xi wħud minna jaf inħossu li ma jixirqilniex li Ġeħova jaħfrilna. Fil-verità ħadd minna m’għandu dritt għal din il-maħfra. L-appostlu Pawlu wera li fehem din il-ħaġa meta kiteb: “Ma jixraqlix li nissejjaħ appostlu,” imma mbagħad hu kompla jgħid: “Għamilt dan permezz tal-qalb tajba kbira t’Alla.” (1 Kor. 15:​9, 10) Meta aħna nindmu mid-dnubiet tagħna, Ġeħova jaħfrilna. Għala? Mhux għax jixirqilna imma għax iħobbna. Jekk ġieli tħossok imdejjaq jew diżappuntat minħabba li taħseb li ma jixraqlekx il-maħfra taʼ Ġeħova, ftakar li Ġeħova ma pprovdiex il-fidwa għal nies perfetti. Hu ta l-fidwa għal nies imperfetti li jiddispjaċihom minħabba d-dnubiet li jkunu għamlu u jkunu jixtiequ jinbidlu.—Lq. 5:32; 1 Tim. 1:15. w25.01 26-27 ¶3-4

It-Tlieta, 2 taʼ Ġunju

“Meta raġel ikun qalbu tajba jibbenefika hu stess, imma meta persuna tkun kattiva ġġib l-inkwiet fuqha stess.”—Prov. 11:17.

Aħna ma nistgħux nikkontrollaw x’jgħid jew jagħmel ħaddieħor imma nistgħu nikkontrollaw dak li nagħmlu aħna. L-aħjar ħaġa li nistgħu nagħmlu hi li naħfru, għax inħobbu lil Ġeħova u hu hekk jixtieqna nagħmlu. Jekk nibqgħu rrabjati u ma naħfrux, hemm ċans li nagħmlu affarijiet bla sens u nagħmlu ħsara lilna nfusna. (Prov. 14:​17, 29, 30) Meta ma nibqgħux irrabjati, se jgħinna nittrattaw lil oħrajn b’mod tajjeb. Inkunu qed ngħinu lilna nfusna wkoll, għax se nħossuna aħjar u nkunu nistgħu nkomplu b’ħajjitna. X’tistaʼ tagħmel biex ma tibqax irrabjat jew imweġġaʼ? Ħaġa li tistaʼ tagħmel hi li tħalli ż-żmien jgħaddi. Meta xi ħadd iweġġaʼ fiżikament ikollu bżonn iż-żmien biex ifiq. B’mod simili, jistaʼ jkollna bżonn iż-żmien biex ma nibqgħux irrabjati u nkunu lesti li naħfru lil xi ħadd. (Ekk. 3:3; 1 Pt. 1:22) Itlob lil Ġeħova biex jgħinek taħfer. w25.02 16-17 ¶8-11

L-Erbgħa, 3 taʼ Ġunju

“L-ikel solidu hu għan-nies maturi.”—Lhud 5:14.

Aħna ma nistudjawx biss l-affarijiet li tgħallimna fil-bidu, bħall-magħmudija, il-fidi, u l-irxoxt. (Ebr. 6:​1, 2) Ħafna minn dat-tagħlim, il-Kristjani veri jemmnuh. Hu għalhekk li Pietru semmiehom meta kien qed jitkellem man-nies f’Pentekoste. (Atti 2:​32-35, 38) Biex insiru dixxipli taʼ Kristu rridu naċċettaw dan it-tagħlim bażiku. Fil-fatt, Pawlu qal li dawk li ma jemmnux fl-irxoxt mhumiex Kristjani veri. (1 Kor. 15:​12-14) Imma biex insiru maturi, ma rridux nitgħallmu biss it-tagħlim bażiku. Hemm differenza bejn it-tagħlim bażiku u l-ikel solidu. Dan ifisser li mhux biss inkunu nafu l-liġijiet taʼ Ġeħova imma anki l-prinċipji tiegħu, li jgħinuna biex nifhmu l-mod kif jaħsibha. Biex dan l-ikel ikun jistaʼ jgħinna, irridu nistudjaw il-Bibbja, naħsbu sew dwar dak li naqraw, u mbagħad nagħmlu l-aħjar tagħna biex nagħmlu dak li nkunu tgħallimna. Meta nagħmlu hekk, inkunu qed nitgħallmu kif nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbu lil Ġeħova. w24.04 5 ¶12-13

Il-Ħamis, 4 taʼ Ġunju

“In-nies taʼ Ninwe se jiġu rxoxtati f’Jum il-Ġudizzju.”—Mat. 12:41.

Ġeħova fakkru lil Ġona li n-nies taʼ Ninwe ma kinux jafu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. (Ġona 1:​1, 2; 3:10; 4:​9-11) Snin wara, Ġesù uża dan l-eżempju biex jgħallem dwar il-ġustizzja u l-ħniena taʼ Ġeħova. X’inhu “Jum il-Ġudizzju” li ‘se jiġu rxoxtati’ fih in-nies taʼ Ninwe? Ġesù għallem li fil-futur ħa jiġu rxoxtati dawk li għamlu l-ħażin u “se jiġu ġġudikati.” (Ġw. 5:29) Hu kien qed jitkellem dwar it-Tmexxija taʼ Elf Sena meta se jiġu rxoxtati ‘nies sewwa kif ukoll dawk li mhumiex sewwa.’ (Atti 24:15) Dawk li mhumiex sewwa se jiġu ġġudikati. Dan ifisser li maż-żmien, Ġeħova u Ġesù se jaraw jekk hux se jobduhom u jaċċettawx il-verità. Mela jekk xi ħadd minn Ninwe li jiġi rxoxtat ma jkunx irid jaqdi lil Ġeħova, Ġeħova se jeqirdu. (Is. 65:20) Imma n-nies kollha li jaċċettaw li jaqdu lil Ġeħova se jgħixu għal dejjem!—Dan. 12:2. w24.05 5 ¶13-14

Il-Ġimgħa, 5 taʼ Ġunju

“Jien, Bin il-bniedem, ġejt biex insib lil dawk mitlufin u nsalvahom.”—Luqa 19:10.

Ġesù wera kemm Missieru Ġeħova hu ħanin. (Ġw. 14:9) Mill-mod kif tkellem u tratta lin-nies nitgħallmu li Ġeħova jħobb lin-nies avolja jkunu midinbin, u jixtieq jgħinhom għax hu mimli ħniena. Ġesù għen lil nies bħal dawn biex ikollhom ix-xewqa ħalli jinbidlu u jsiru dixxipli tiegħu. (Lq. 5:​27, 28) Ġesù kien jaf li kien se jissagrifika ħajtu għax iktar minn darba hu qal lid-dixxipli tiegħu li kien se jiġi tradut u mdendel maʼ zokk. (Mat. 17:22; 20:​18, 19) Hu kien jaf li dak is-sagrifiċċju kien se jneħħi d-dnub tad-dinja. Ġesù qal ukoll li wara li jmut kien se ‘jiġbed lejh lil kull tip taʼ nies.’ (Ġw. 12:32) Dawk li kienu se juru fidi f’Ġesù u jobdu dak li qalilhom setgħu jferrħu lil Ġeħova, u b’hekk setgħu ‘jinħelsu mid-dnub.’ (Rum. 6:​14, 18, 22; Ġw. 8:32) Allura, Ġesù kien kuraġġuż u kien lest li jmut mewta taʼ wġigħ biex isalvana.—Ġw. 10:​17, 18. w24.08 5 ¶11-12

Is-Sibt, 6 taʼ Ġunju

“L-ewwel trid tiġi ppritkata l-aħbar tajba lill-popli kollha.”—Mrk. 13:10.

Tiftakar kif ħassejtek meta smajt il-verità mill-Bibbja l-ewwel darba? Int tgħallimt li Ġeħova jħobbok u li jixtieqek tkun parti mill-familja tiegħu. Tgħallimt ukoll li hu jwegħedna li l-uġigħ u t-tbatija ħa jispiċċaw għal dejjem. Barra minn hekk, sirt taf li fid-dinja l-ġdida tistaʼ terġaʼ tara lil dawk li mietu bħal tal-familja u l-ħbieb. (Mk. 10:​29, 30; Ġw. 5:​28, 29; Rum. 8:​38, 39; Riv. 21:​3, 4) Dan żgur li għamlek ferħan ħafna. (Lq. 24:32) U tant sirt tħobb dak li tgħallimt li xtaqt tgħid lil oħrajn dwaru! (Ara l-prinċipju f’​Ġeremija 20:9.) Meta aħna nsiru nħobbu dak li tgħallem il-Bibbja, inħossu li rridu ngħidu lil kulħadd dwarha. (Lq. 6:45) Fil-fatt, inħossuna eżatt bħad-dixxipli taʼ Ġesù meta qalu: “Aħna ma nistgħux nieqfu nitkellmu dwar dak li rajna u smajna.” (Atti 4:20) Aħna tant inħobbu l-verità, li nixtiequ ngħidu lil kemm jistaʼ jkun nies dwarha. w24.05 15 ¶5; 16 ¶7

Il-Ħadd, 7 taʼ Ġunju

“Aqdu lil Ġeħova bil-ferħ.”—Slm. 100:2.

Peress li nħobbu lil Ġeħova, aħna ngħidu lin-nies dwaru u ngħinuhom isiru jafuh. Xi pubblikaturi ma tantx jieħdu pjaċir joħorġu fuq is-service. Għala? Xi wħud jaf jistħu u jħossu li ma jafux jgħallmu. Oħrajn ma jħossuhomx komdi jmorru jħabbtu l-bibien taʼ nies li ma jafux jew jibżgħu li n-nies ħa jirrabjaw magħhom. U xi aħwa forsi jħossu li ma jridux idejqu lin-nies. Dawn l-aħwa jsibuha diffiċli biex jgħidu l-aħbar tajba lin-nies li ma jafuhomx. Inti ġieli ssibha diffiċli biex tieħu pjaċir fuq is-service? Jekk iva, tħossokx skuraġġit. Jistaʼ jkun tħossok hekk minħabba li int umli u ma tixtieqx tiġbed attenzjoni lejk. Jistaʼ jkun ukoll li ma tixtieqx targumenta man-nies. U ovvjament, ħadd ma jixtieq li meta jkun qed jagħmel xi ħaġa tajba għan-nies, iħoss li qed idejjaqhom. Missierek tas-sema jaf kemm qed issibha diffiċli u jixtieq jgħinek.—Is. 41:13. w24.04 14 ¶1-2

It-Tnejn, 8 taʼ Ġunju

“L-umli huma għorrief.”—Prov. 11:2.

Meta taqra l-Bibbja, minflok ma tipprova tirranġa kollox f’daqqa, agħmel mira biex taħdem fuq ħaġa wara l-oħra. Ipprova dan. Agħmel lista taʼ fuq xiex trid taħdem, imbagħad agħżel waħda jew tnejn u ibda bihom. Minn fejn għandek tibda? Tistaʼ tiddeċiedi li tibda b’mira li hi eħfef għalik biex tilħaqha. Jew forsi tiddeċiedi li tibda taħdem fuq xi ħaġa li l-iktar li għandek bżonn tirranġa. Meta tiddeċiedi fuq xiex ħa taħdem, agħmel riċerka fil-pubblikazzjonijiet tagħna. Imbagħad, itlob lil Ġeħova biex jagħtik “kemm ix-xewqa u kemm il-qawwa” biex taħdem fuq il-mira li tkun għamilt. (Flp. 2:13) Meta tara li bdejt tagħmel progress fil-mira tiegħek, se tħossok inkuraġġit biex taħdem fuq il-miri l-oħra wkoll. U wisq probabbli se ssibha iktar faċli. w24.09 6 ¶13-14

It-Tlieta, 9 taʼ Ġunju

“Sar kollox kif suppost biex titranġa l-problema.”—2 Kor. 7:11.

Jistaʼ jkun li tħossok imdejjaq minħabba xi ħaġa li għamilt u li weġġajt lil oħrajn biha. X’jistaʼ jgħinek? Agħmel kulma tistaʼ biex tirranġa l-affarijiet u għid lill-persuna li jiddispjaċik ħafna. Itlob lil Ġeħova biex jgħin lill-persuna li weġġajt. Hu jistaʼ jgħin kemm lilek u anke lilha biex tkomplu taqduh u tħossukom fil-paċi. Tgħallem mill-iżbalji tiegħek u ħalli lil Ġeħova jużak kif irid hu. Aħseb dwar il-profeta Ġona. Minflok mar Ninwe fejn kien qallu Ġeħova, ħarab f’post ’il bogħod. Imma Ġeħova kkoreġieh, u Ġona tgħallem mill-iżbalji tiegħu. (Ġona 1:​1-4, 15-17; 2:​7-10) Ġeħova ma waqafx juża lil Ġona bħala profeta u reġaʼ tah iċ-ċans biex imur Ninwe. Għalkemm iddispjaċieh għall-iżball li kien għamel, Ġona aċċetta l-inkarigu u obda lil Ġeħova.—Ġona 3:​1-3. w24.10 8-9 ¶10-11

L-Erbgħa, 10 taʼ Ġunju

“Għalhekk, indmu u duru lura lejn Alla biex hu jħassar id-dnubiet tagħkom, u b’hekk Ġeħova jagħtikom żmien taʼ serħan il-moħħ.”—Atti 3:19.

Ġeħova jħassar id-dnub tagħna. Biex inġibu eżempju, immaġina li għandek tagħti xi flus lil xi ħadd. Biex jurik li ħafirlek id-dejn, hu jagħmel linja fuq l-ammont li hemm miktub li għandek tagħtih. Imma l-ammont taħt dik il-linja xorta jkun għadu jidher. Li tħassar xi ħaġa għalkollox hu differenti ħafna. Fi żmien il-Bibbja kienu jiktbu b’linka li stajt tħassarha b’biċċa mxarrba bl-ilma. Allura, meta xi ħadd kien “iħassar” xi dejn, ma kienx jibqaʼ jidher u ħadd ma setaʼ jara x’kien hemm miktub. Kien ikun qisu qatt ma kien hemm dejn. Kemm għandna għal xiex inkunu ferħanin li meta Ġeħova jħassar id-dnubiet tagħna jkun qisu qatt ma ġraw!—Slm. 51:9. w25.02 10 ¶11

Il-Ħamis, 11 taʼ Ġunju

“Titbaqbaqx, għax dan se jwasslek biex tagħmel il-ħażen.”—Slm. 37:8.

Meta n-nies jittrattawna ħażin jew jiġġudikawna, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jaf il-verità. Dan se jgħinna nissaportu, għax inkunu nafu li Ġeħova se jirranġa l-problemi tagħna kollha. Jekk nafdaw fih u nistennew sakemm hu jsolvi l-problemi tagħna, mhux se nibqgħu rrabjati jew nobogħdu lil oħrajn. Li nibqgħu rrabjati jistaʼ jġegħelna nagħmlu xi ħaġa ħażina, ma nibqgħux ferħanin, u nagħmlu l-ħsara lill-ħbiberija tagħna ma’ Ġeħova. Aħna ma nistgħux nimitaw lil Ġesù b’mod perfett, għax kultant nistgħu ngħidu jew nagħmlu xi ħaġa li wara jiddispjaċina. (Ġak. 3:2) Jew ġieli ngħaddu minn affarijiet li se nibqgħu nbatu minħabba fihom sakemm tiġi s-sistema l-ġdida. Jekk int għaddejt minn xi ħaġa simili, kun ċert li Ġeħova jara kollox u li Ġesù jistaʼ jifhmek għax ġie trattat ħażin ukoll. (Lhud 4:​15, 16) Kemm aħna ferħanin li Ġeħova tana l-eżempju taʼ Ġesù u anki xi pariri. w24.11 6 ¶12-13

Il-Ġimgħa, 12 taʼ Ġunju

“Biex ikollkom l-approvazzjoni t’Alla, tridu turu fidi fija, il-wieħed li bagħat.”—Ġw. 6:29.

Biex ikollna “l-ħajja taʼ dejjem” irridu nuru fidi f‘Ġesù. (Ġw. 3:​16-18, 36; 17:3) Ħafna Lhud m’emmnux li kellhom juru fidi f’Ġesù. Huma staqsewh: “Allura x’miraklu se tagħmel, ħalli nkunu nistgħu narawh u nemmnuk?” (Ġw. 6:30) Huma qalu wkoll li l-Lhud fi żmien Mosè kellhom il-manna mis-sema biex jieklu minnha kuljum. (Neħ. 9:15; Salm 78:​24, 25) Dan juri li kulma kien jinteressahom kien biss mill-ikel fiżiku. U meta Ġesù tkellem dwar “il-ħobż veru mis-sema,” li setaʼ jtihom il-ħajja taʼ dejjem, lanqas biss saqsewh biex jispjegalhom iktar. (Ġw. 6:32) Huma tant kienu ffokati fuq il-bżonnijiet fiżiċi tagħhom li ma tawx kas li Ġesù kien qed jipprova jgħallimhom dwar kif jistaʼ jkollhom il-ħajja taʼ dejjem. w24.12 5-6 ¶10-11

Is-Sibt, 13 taʼ Ġunju

“Dak li bena kollox hu Alla.”—Lhud 3:4.

L-iskola, it-tfal se jitgħallmu dwar disinji oħra fin-natura li huma komuni. Pereżempju, ħafna siġar għandhom disinn li jirrepeti lilu nnifsu. Normalment siġra jkollha z-zokk, u mbagħad minn dan iz-zokk joħorġu l-friegħi, li minnhom joħorġu friegħi iżgħar. Dan id-disinn jibqaʼ jirrepeti lilu nnifsu u jissejjaħ fractals. Hemm affarijiet oħra fin-natura li għandhom dan id-disinn. Imma min għamilhom dawn l-affarijiet? Min iddisinja dawn il-forom tal-għaġeb? Iktar ma t-tfal tiegħek jaħsbu dwar mistoqsijiet bħal dawn iktar se jsaħħu l-fidi tagħhom li Alla ħalaq kollox. Hekk kif it-tfal ikomplu jikbru trid tgħinhom jaraw kemm hu importanti li jobdu l-liġijiet t’Alla. Allura, tistaʼ ssaqsihom mistoqsijiet bħal, “Jekk Alla ħalaqna, taħseb li jaf kif l-aħjar ngħixu biex inkunu ferħanin?” Imbagħad tistaʼ tispjega li Alla tana l-Bibbja biex jurina kif inkunu ferħanin. w24.12 16 ¶8

Il-Ħadd, 14 taʼ Ġunju

“Hemm raġel fostkom li qed jagħmel l-immoralità sesswali. Hu qed jgħix mal-mara taʼ missieru. Din tant hi xi ħaġa gravi li lanqas in-nies tal-popli l-oħra ma jagħmluha.”—1 Kor. 5:1.

Permezz tal-ispirtu qaddis, l-appostlu Pawlu kiteb ittra u spjega li raġel kellu jitneħħa mill-kongregazzjoni, minħabba li ma nidimx. (1 Kor. 5:13) L-aħwa fil-kongregazzjoni kif kellhom jittrattawh? Pawlu qal ‘biex ma jibqgħux jagħmluha’ miegħu. X’ried ifisser b’dak il-kliem? Hu spjega li dan il-kmand jinkludi li ‘lanqas biss għandhom jieklu maʼ bniedem bħal dan.’ (1 Kor. 5:11) Meta tiekol maʼ xi ħadd, tkun qed titkellem miegħu. Peress li tieħu pjaċir jaf tkun trid tqattaʼ iktar ħin miegħu. Mela Pawlu kien qed jgħid lill-kongregazzjoni li ma kellhomx iqattgħu ħin bla bżonn maʼ dan ir-raġel. B’hekk, il-kongregazzjoni ma kinitx se tiġi influwenzata minnu. (1 Kor. 5:​5-7) U apparti minn hekk, setaʼ jgħin lir-raġel jifhem kemm kien qed iweġġaʼ lil Ġeħova, u forsi b’hekk jiddispjaċih u jindem. w24.08 15 ¶4-5

It-Tnejn, 15 taʼ Ġunju

“Alla tant ħabb lid-dinja li ta lili, l-uniku Iben tiegħu.”—Ġw. 3:16.

Kull sena l-Iżraelin kellhom ġurnata speċjali, jisimha Jum it-Tpattija. F’dik il-ġurnata l-qassis il-kbir kien joffri annimali bħala sagrifiċċji għan-nies. Ovvjament is-sagrifiċċji tal-annimali ma kinux biżżejjed biex ipattu għad-dnubiet tan-nies. Imma sakemm l-Iżraelin offrew is-sagrifiċċji li Ġeħova kien jistenna minnhom, hu kien lest li jaħfer id-dnubiet tagħhom. (Lhud 10:​1-4) Dawn is-sagrifiċċji għenuhom jiftakru kemm kienu jiżbaljaw. Imma Ġeħova x’għamel biex jinħafru d-dnubiet tan-nies darba għal dejjem? Hu għamel arranġament biex Ibnu joffri “lilu nnifsu darba għal dejjem biex iġorr id-dnubiet taʼ ħafna.” (Lhud 9:28) Ġesù ta ħajtu “bħala fidwa għal ħafna.”—Mat. 20:28. w25.02 4 ¶9-10

It-Tlieta, 16 taʼ Ġunju

“Ibqgħu għassa u itolbu kontinwament, ħalli ma taqgħux fit-tentazzjoni.”—Mat. 26:41.

Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “L-intenzjoni hi tajba, imma l-ġisem hu dgħajjef.” (Mt. 26:41b) B’dan il-kliem hu kien qed juri li jaf li aħna imperfetti u se niżbaljaw. Imma fl-istess ħin qal dan biex juri kemm irridu noqogħdu attenti. Qatt m’għandna naħsbu li aħna b’saħħitna u mhux se niżbaljaw. Ftit sigħat qabel ma Ġesù qal dan il-kliem, id-dixxipli kienu wegħduh li qatt ma kienu se jitilquh. (Mt. 26:35) Ovvjament, huma riedu jagħmlu dak li hu sew. Imma ma kinux fehmu kemm jistaʼ jkun diffiċli biex jagħmlu dan meta tiġri xi ħaġa li ma kinux qed jistennewha. Allura Ġesù qalilhom il-kliem li nsibu fl-iskrittura tal-lum. B’dispjaċir, id-dixxipli m’għamlux dak li qalilhom Ġesù. Meta Ġesù ġie arrestat, minflok ma baqgħu miegħu huma beżgħu u ħarbu. Minħabba li ma qagħdux attenti, għamlu l-kontra taʼ dak li wiegħdu lil Ġesù, u telquh.—Mt. 26:56. w24.07 14 ¶1-2

L-Erbgħa, 17 taʼ Ġunju

Sirna ħbieb t’Alla permezz tal-mewt taʼ Ibnu.—Rum. 5:10.

Adam u Eva tilfu l-ħbiberija tagħhom maʼ Ġeħova. Qabel m’għamlu d-dnub huma kienu parti mill-familja tiegħu. (Lq. 3:38) Imma meta m’obdewx, hu ma ħallihomx jibqgħu f’dik il-familja. Dan sar qabel ma kellhom it-tfal. (Ġen. 3:​23, 24; 4:1) Allura ħadd mit-tfal tagħhom ma setaʼ jkun parti mill-familja taʼ Ġeħova, inkluż aħna. (Rum. 5:​10, 11) Biex ma nibqgħux inkunu l-għedewwa taʼ Ġeħova u nsiru l-ħbieb tiegħu kellna bżonn l-għajnuna. Ġeħova hu l-wieħed li għamel dan possibbli. Kif? Ġeħova għamilha possibbli biex in-nies imperfetti jkunu jistgħu jsiru l-ħbieb tiegħu. Hu għamel dan billi ta xi ħaġa tal-istess valur taʼ dak li tilef Adam. w25.02 3-4 ¶7-8

Il-Ħamis, 18 taʼ Ġunju

“Dejjem se joħroġ il-ġid meta wieħed juri li hu mdejjaq b’mod li jogħġob lil Alla, għax dan iwasslu biex jindem u jsalva.”—2 Kor. 7:10.

L-appostlu Pawlu qal lill-aħwa li ‘d-dixxiplina li kienu taw lir-raġel kienet biżżejjed.’ (2 Kor. 2:​5-8) Dan kien ifisser li wara li r-raġel tneħħa mill-kongregazzjoni, induna li kellu jindem. (1 Kor. 5:1) U għax għamel dan, ma kienx hemm għalfejn jibqgħu jiddixxiplinawh. (Lhud 12:11) Peress li r-raġel li kien għamel dnub serju nidem, l-appostlu Pawlu qal lill-anzjani biex jerġgħu jaċċettawh lura fil-kongregazzjoni. Hu qalilhom: “Għandkom taħfrulu mill-qalb u tgħinuh iħossu aħjar.” Pawlu ried li b’dak li jgħidu u jagħmlu, l-aħwa tal-kongregazzjoni juru lir-raġel li vera kienu ħafrulu u li jħobbuh. B’hekk, il-ħu setaʼ jkun ċert li huma ferħanin li reġaʼ ġie lura. w24.08 15 ¶4; 16-17 ¶6-8

Il-Ġimgħa, 19 taʼ Ġunju

“Intom ġejtu ttrattati ħażin u mgħajrin quddiem in-nies.”—Lhud 10:33.

L-appostlu Pawlu kien jaf x’kellhom bżonn il-Kristjani biex jissaportu, allura fakkarhom li kellhom bżonn il-kuraġġ u riedu jistrieħu fuq Ġeħova. B’hekk Pawlu setaʼ jgħid: “Ġeħova hu l-wieħed li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ.” (Lhud 13:6) Bħalissa xi aħwa għaddejjin mill-persekuzzjoni. Aħna nistgħu nuru li nħobbuhom billi nitolbu għalihom u jekk inkunu nistgħu, ngħinuhom f’xi ħaġa li jkollhom bżonn. Imma l-Bibbja turi li “dawk kollha li jixtiequ jkunu leali lejn Alla bħala dixxipli taʼ Kristu Ġesù se jkunu persegwitati wkoll.” (2 Tim. 3:12) Minħabba f’hekk, kollha kemm aħna rridu nippreparaw minn issa għaż-żmien diffiċli li ġej. Irridu nafdaw kompletament f’Ġeħova minn issa u nkunu ċerti li se jgħinna, ngħaddu minn xiex ngħaddu. Hu jwegħedna li dalwaqt se jneħħi t-tbatija taʼ dawk kollha li huma leali lejh.—2 Tes. 1:​7, 8. w24.09 12-13 ¶17-18

Is-Sibt, 20 taʼ Ġunju

“Ħafna Korintin li semgħu l-aħbar tajba bdew jemmnu u jitgħammdu.”—Atti 18:8.

X’għen lill-Korintin jitgħammdu? (2 Kor. 10:​4, 5) Il-Kelma t’Alla u l-ispirtu qaddis tiegħu għenuhom biex jagħmlu bidliet kbar f’ħajjithom. (Lhud 4:12) In-nies f’Korintu li aċċettaw l-aħbar tajba dwar il-Kristu rnexxielhom jieqfu jagħmlu affarijiet bħal li jiskru, jisirqu, u jgħixu ħajja omosesswali. (1 Kor. 6:​9-11) Hu taʼ interess li avolja xi wħud mill-Korintin kellhom bidliet kbar x’jagħmlu, ma qagħdux jaħsbu li huma diffiċli wisq biex jieqfu jagħmluhom. Huma ħadmu iebes biex jgħaddu mit-triq id-dejqa li twassal għall-ħajja taʼ dejjem. (Mat. 7:​13, 14) Int qed tipprova tagħmel bidliet kbar f’ħajtek? Jew qed tipprova taqtaʼ xi vizzji ħżiena biex tkun tistaʼ titgħammed? Taqtax qalbek! Itlob lil Ġeħova biex itik l-ispirtu ħalli jgħinek ma ċċedix għax-xewqa biex tagħmel dak li hu ħażin. w25.03 6 ¶15-17

Il-Ħadd, 21 taʼ Ġunju

“Jekk xi ħadd minnkom għandu bżonn l-għerf, hu għandu jkompli jitlob lil Alla.”—Ġak. 1:5.

Ġeħova jwegħedna li jagħtina l-għerf biex nifhmu jekk ċertu deċiżjonijiet jogħġbuhx. Ġeħova jagħti dan l-għerf “b’mod ġeneruż lil kulħadd u mhux se jirrabja.” Wara li titlob lil Ġeħova biex jgħinek, oqgħod attent għall-mod kif se jwieġbek. Ejja nġibu eżempju: Jekk tkun sejjer xi mkien u tintilef, forsi ssaqsi għall-għajnuna lil xi ħadd li jaf il-post. Imma żgur li mhux se taqbad u titlaq qabel ma jispjegalek minn liema triq għandek tgħaddi. Int żgur li se tismaʼ sew x’se jgħidlek. Bl-istess mod, wara li titlob lil Ġeħova għall-għerf ipprova ara t-tweġiba tiegħu billi tara liema liġijiet u prinċipji japplikaw għas-sitwazzjoni tiegħek. Pereżempju, meta tkun qed tiddeċiedi tmurx għal xi okkażjoni, ikun tajjeb li tara x’tgħid il-Bibbja dwar parties bla kontroll u kumpanija ħażina. Ukoll aħseb kif bid-deċiżjoni li tieħu se turi li l-iktar ħaġa importanti għalik hi li tissapportja s-Saltna t’Alla u mhux tagħmel dak li tixtieq int.—Mat. 6:33; Rum. 13:13; 1 Kor. 15:33. w25.01 16 ¶6-7

It-Tnejn, 22 taʼ Ġunju

“Il-qaddejja tiegħi se jieklu, imma intom tkunu bil-ġuħ.”—Isa. 65:13.

Il-profezija taʼ Isaija turi d-differenza bejn dawk li qegħdin fil-ġenna spiritwali u dawk li mhumiex. Ġeħova jagħti lill-qaddejja tiegħu dak kollu li għandhom bżonn biex jibqgħu qrib tiegħu. Pereżempju, hu jtihom l-ispirtu qaddis, il-Bibbja, u ħafna pubblikazzjonijiet ibbażati fuqha. B’hekk, il-qaddejja tiegħu jistgħu “jieklu, . . . jixorbu, . . . [u] jifirħu.” (Ara l-prinċipju f’​Rivelazzjoni 22:17.) Imma dawk li mhumiex fil-ġenna spiritwali huma differenti ħafna. Huma m’għandhomx ħbiberija maʼ Ġeħova, allura jkunu “bil-ġuħ . . . , bil-għatx . . . , [u] isofru l-mistħija.” (Għam. 8:11) Ġeħova hu ġeneruż u jtina kulma għandna bżonn biex inkunu nistgħu nibqgħu l-ħbieb tiegħu. (Ġoel 2:​21-24) Pereżempju, hu jtina l-Bibbja, il-pubblikazzjonijiet ibbażati fuqha, il-website, il-laqgħat, l-assembleat, u l-konvenzjonijiet. Aħna nistgħu nibbenefikaw minn dawn l-affarijiet kuljum, u meta nagħmlu hekk inħossu l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova tikber. w24.04 21 ¶5-6

It-Tlieta, 23 taʼ Ġunju

“Ħa jkun il-kliem tagħkom dejjem kollu ħlewwa.”—Kol. 4:6.

Jekk tixtieq tibda toħroġ maʼ xi ħadd, forsi tistaʼ tirranġa biex titkellem miegħu, billi tmorru tieħdu xi kafè jew fuq il-mowbajl. Ara li titkellem ċar miegħu, billi tgħidlu li tixtieq issir tafu aħjar. (1 Kor. 14:9) Jekk ikun hemm bżonn, tih iżjed ċans biex itik risposta. (Prov. 15:28) U jekk jgħidlek li mhuwiex interessat, irrispetta d-deċiżjoni tiegħu. Imma x’għandek tagħmel jekk xi ħadd jgħidlek li għandu grazzja miegħek u jixtieq isir jafek aħjar? Żomm f’moħħok li hu kellu bżonn il-kuraġġ biex jgħidlek kif qed iħossu, allura kun qalbek tajba. Jekk għandek bżonn il-ħin biex taħsibha, għidlu. Imma ddumx wisq biex ittih risposta. (Prov. 13:12) Jekk m’intix interessata, għidlu b’mod ċar imma b’qalb tajba wkoll. Jekk xi ħadd jgħidlek li jixtieq joħroġ miegħek u int ukoll tkun tħossok l-istess, għidlu, u ddiskutu x’tixtiequ fl-għerusija tagħkom. Dak li tkunu tixtiequ jistaʼ jkun differenti. w24.05 23-24 ¶12-13

L-Erbgħa, 24 taʼ Ġunju

“Jien ġej kontrik f’isem Ġeħova tal-armati.”—1 Sam. 17:45.

Meta David kellu inqas minn għoxrin sena, hu mar jara lil ħutu li kienu suldati fl-armata. Is-suldati kienu qed jibżgħu ħafna minn Filisti jismu Gulija, għax kien qed ‘jisfida lis-suldati t’Iżrael.’ (1 Sam. 17:​10, 11) Huma kienu qed jibżgħu għax bdew jiffokaw fuq kemm kien kbir Gulija u x’kien qed jgħidilhom. (1 Sam. 17:​24, 25) Imma David kien qed jaħseb u jiffoka fuq xi ħaġa oħra. Hu kien jaf li Gulija ma kienx qed jisfida lill-Iżraelin biss imma anki lill-“Alla l-ħaj.” (1 Sam. 17:26) Mela, l-iktar ħaġa importanti għal David kienet Ġeħova. Hu kien ċert li bħalma Ġeħova għenu meta kien għadu ragħaj kien se jerġaʼ jgħinu dakinhar. Allura, hu ġġieled kontra Gulija għax straħ kompletament fuq Ġeħova, u rebaħ!—1 Sam. 17:​45-51. w24.06 21 ¶7

Il-Ħamis, 25 taʼ Ġunju

“Tibżax, għax jien miegħek. Tkunx ansjuż, għax jien l-Alla tiegħek. Jien se nsaħħek, iva, jien se ngħinek. Se nżommok sod b’idi l-leminija, bl-id li tagħmel dak li hu sewwa.”—Isa. 41:10.

Ħa nimmaġinaw kemm kienet tkun differenti ħajjitna li kieku ma sibniex il-verità. Meta nżommu dawn l-affarijiet f’moħħna u naraw kemm hu tajjeb li nibqgħu naqdu lil Ġeħova, se nkunu nistgħu nibqgħu leali. Imbagħad se nkunu nistgħu ngħidu l-kliem tas-salmista: “Ngħid għalija, li nersaq qrib tiegħek hu taʼ benefiċċju.” (Salm 73:28) Peress li aħna ‘nitjassru għal Alla ħaj u veru’ nistgħu nissaportu l-problemi kollha li jkollna. (1 Tess. 1:9) Ġeħova jimpurtah minn kull wieħed u waħda minna u jrid jgħinna, eżatt bħalma għamel mal-qaddejja leali tiegħu fil-passat. Dalwaqt ġej l-iktar żmien diffiċli li qatt għaddejna minnu. Però aħna mhux se nkunu waħedna. Ġeħova se jkun magħna. Imbagħad ħa nkunu nistgħu ngħidu: “Ġeħova hu dak li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ.”—Ebr. 13:​5, 6. w24.06 25 ¶17-18

Il-Ġimgħa, 26 taʼ Ġunju

“Intom . . . taraw id-distinzjoni bejn bniedem sewwa u wieħed mill-agħar.”—Mal. 3:18.

Il-Bibbja ssemmi iktar minn 40 raġel li kienu rejiet f’Iżrael. Xi rejiet tajbin għamlu affarijiet ħżiena. Pereżempju dwar David, Ġeħova qal: “David il-qaddej tiegħi, li obda l-kmandamenti tiegħi u mexa warajja b’qalbu kollha billi għamel biss dak li hu sewwa f’għajnejja.” (1 Slat. 14:8) Imma darba hu għamel adulterju maʼ mara miżżewġa u rranġa biex ir-raġel tagħha jmut fil-gwerra. (2 Sam. 11:​4, 14, 15) Il-Bibbja ssemmi wkoll affarijiet tajbin li għamlu rejiet li ma baqgħux leali lejn Ġeħova. Eżempju taʼ dan hu Reħobogħam. Dwaru hemm miktub li “hu għamel dak li hu ħażin.” (2 Kron. 12:14) Imma Reħobogħam xorta għamel xi affarijiet tajbin. Meta Ġeħova qallu biex ma jiġġilidx kontra l-għaxar tribujiet t’Iżrael, hu obdieh u ħalliehom jagħżlu re ieħor. Apparti minn hekk hu bena ħafna bliet bis-swar biex jipproteġi lin-nies taʼ Ġeħova mill-għedewwa. (1 Slat. 12:​21-24; 2 Kron. 11:​5-12) Ġeħova kif kien jiddeċiedi jekk re kienx tajjeb meta r-re kien jagħmel affarijiet tajbin u ħżiena? Hu kien jaħseb dwar jekk kienx iħobbu b’qalbu kollha, kienx vera jiddispjaċih, u kienx jibqaʼ jaqdih kif suppost għal ħajtu kollha. w24.07 20 ¶1-3

Is-Sibt, 27 taʼ Ġunju

“Komplu ħudu ħsiebhom billi tiddixxiplinawhom u tittrennjawhom bħalma jrid Ġeħova.”—Efes. 6:4.

L-anzjani x’għandhom jagħmlu jekk tfal mgħammdin taħt it-18-il sena jagħmlu dnub serju? Il-ġemgħa tal-anzjani jridu jirranġaw biex żewġ anzjani jiltaqgħu magħhom u mal-ġenituri Kristjani tagħhom. L-anzjani għandhom jippruvaw isiru jafu x’għamlu l-ġenituri biex jgħinu lit-tifel jew lit-tifla tindem. Jekk it-tifel jew it-tifla jkollha attitudni tajba billi tismaʼ mill-parir tal-ġenituri u tkun qed tipprova tinbidel, iż-żewġ anzjani jistgħu jiddeċiedu li jħallu f’idejn il-ġenituri. Wara kollox, ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb lit-tfal, Ġeħova taha lill-ġenituri. (Dewt. 6:​6, 7; Prov. 6:20; 22:6; Efes. 6:​2-4) Imma minn żmien għall-ieħor, l-anzjani xorta se jiċċekkjaw mal-ġenituri biex jaraw kif sejjer it-tifel jew it-tifla. Però l-anzjani x’għandhom jagħmlu jekk it-tifel jew it-tifla li hi mgħammda ma tkunx trid tieqaf tagħmel il-ħażin? F’dan il-każ, kumitat taʼ tliet anzjani jiltaqgħu miegħu u mal-ġenituri tiegħu. w24.08 24 ¶18

Il-Ħadd, 28 taʼ Ġunju

“Se tkunu iktar ferħanin meta tagħtu milli meta tirċievu.”—Atti 20:35.

Aħna nieħdu pjaċir meta nirċievu rigal. Imma meta nagħtu rigal lil xi ħadd inħossu ferħ ikbar. Ġeħova ħalaqna b’mod li aħna nistgħu nikkontrollaw il-ferħ tagħna. Dan nistgħu nagħmluh billi naraw kif nistgħu nagħtu lil oħrajn. Kemm hi xi ħaġa sabiħa li Ġeħova ħalaqna b’dan il-mod. (Slm. 139:14) Il-Bibbja tgħid li meta nagħtu nkunu ferħanin. Minħabba f’hekk, nistgħu nifhmu għala tgħid li Ġeħova hu “Alla li hu ferħan.” (1 Tim. 1:11) Hu kien l-ewwel wieħed li ta lil oħrajn u ħadd ma jagħti daqsu. “Bis-saħħa tiegħu, aħna ngħixu, niċċaqalqu, u neżistu.” (Atti 17:28) U “kull ħaġa tajba u kull rigal perfett” ġej mingħandu. (Ġak. 1:17) Kollha kemm aħna nixtiequ li nħossu iktar il-ferħ taʼ meta nagħtu. Dan nistgħu nagħmluh billi nimitaw il-ġenerożità taʼ Ġeħova.—Efes. 5:1. w24.09 26 ¶1-4

It-Tnejn, 29 taʼ Ġunju

“Għamilna kemm għamilna progress, ejjew nibqgħu nimxu bl-istess mod.”—Flp. 3:16.

Xi qaddejja ministerjali forsi jħossu li qatt ma jistgħu jkunu anzjani għax hemm wisq kwalifiki xi jrid ikollhom. Imma ftakar li la Ġeħova u lanqas l-organizzazzjoni ma jistennew li tkun perfett. (1 Pt. 2:21) U apparti minn hekk, Ġeħova se jagħtik l-ispirtu tiegħu biex taħdem ħalli jkollok dawn il-kwalitajiet. (Flp. 2:13) Hemm xi kwalifika li tħoss li trid taħdem iktar fuqha? Jekk iva, itlob lil Ġeħova u studja sew dwarha. Staqsi lil xi anzjan dwar x’tistaʼ tagħmel biex tkun aħjar. Kompli agħmel progress! Itlob lil Ġeħova biex jittrennjak u jużak iktar fil-kongregazzjoni. (Isa. 64:8) Ġeħova żgur se jbierkek għal kulma tagħmel biex tikkwalifika ħalli taqdi bħala anzjan. w24.11 25 ¶17-18

It-Tlieta, 30 taʼ Ġunju

“Alla hu ġust u mhux se jinsa dak li għamiltu u l-imħabba li wrejtu għal ismu, billi qdejtu lill-qaddisin u għadkom taqduhom.”—Lhud 6:10.

Ħadd minna m’għandu jaħseb li għandu d-dritt li Ġeħova jaħfirlu, forsi għax ilu ħafna snin jaqdih. Huwa veru li Ġeħova jiftakar kull ħaġa li nagħmlu għalih. Imma hu tana r-rigal tal-fidwa b’xejn, mhux bħala ħlas għall-affarijiet li għamilna għalih. Allura ma jkunx tajjeb li naħsbu li għax għamilna ħafna affarijiet għal Ġeħova għandna dritt għall-maħfra tiegħu. Jekk nibdew naħsbu hekk inkunu qisna qed nirraġunaw li Ġesù ma kellux għalfejn imut. (Ara l-prinċipju f’​Galatin 2:21.) L-appostlu Pawlu kien jaf li jagħmel x’jagħmel fis-servizz taʼ Ġeħova, xorta waħda kien ħa jkollu bżonn il-maħfra tiegħu. Allura għala ħadem daqshekk iebes fix-xogħol taʼ Ġeħova? Hu għamel hekk biex juri lil Ġeħova kemm kien japprezza l-ħniena u l-qalb tajba tiegħu. (Efes. 3:7) Bħall-appostlu Pawlu, aħna għandna nibqgħu nagħmlu kulma nistgħu għal Ġeħova. Mhux biex ikollna l-maħfra tiegħu, imma biex nuru kemm napprezzaw din il-maħfra. w25.01 27 ¶5-6

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja