LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • es26 pp. 37-46
  • April

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • April
  • Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2026
  • Sottitli
  • L-Erbgħa, 1 t’April
  • DATA TAT-TIFKIRA
    Wara Nżul ix-Xemx
    Il-Ħamis, 2 t’April
  • Il-Ġimgħa, 3 t’April
  • Is-Sibt, 4 t’April
  • Il-Ħadd, 5 t’April
  • It-Tnejn, 6 t’April
  • It-Tlieta, 7 t’April
  • L-Erbgħa, 8 t’April
  • Il-Ħamis, 9 t’April
  • Il-Ġimgħa, 10 t’April
  • Is-Sibt, 11 t’April
  • Il-Ħadd, 12 t’April
  • It-Tnejn, 13 t’April
  • It-Tlieta, 14 t’April
  • L-Erbgħa, 15 t’April
  • Il-Ħamis, 16 t’April
  • Il-Ġimgħa, 17 t’April
  • Is-Sibt, 18 t’April
  • Il-Ħadd, 19 t’April
  • It-Tnejn, 20 t’April
  • It-Tlieta, 21 t’April
  • L-Erbgħa, 22 t’April
  • Il-Ħamis, 23 t’April
  • Il-Ġimgħa, 24 t’April
  • Is-Sibt, 25 t’April
  • Il-Ħadd, 26 t’April
  • It-Tnejn, 27 t’April
  • It-Tlieta, 28 t’April
  • L-Erbgħa, 29 t’April
  • Il-Ħamis, 30 t’April
Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2026
es26 pp. 37-46

April

L-Erbgħa, 1 t’April

“Missieri jrid li kull min jaċċetta lili, l-Iben, u juri fidi fija jkollu l-ħajja taʼ dejjem.”—Ġw. 6:40.

Biex ikollna l-ħajja taʼ dejjem irid ikollna fidi fil-fidwa. (Efes. 1:7) In-“nagħaġ oħra” m’għandhomx jieħdu mill-ħobż u l-inbid waqt l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej. (Ġw. 10:16) Però, huma xorta jibbenefikaw mill-ġisem u d-demm taʼ Ġesù Kristu. Huma jagħmlu hekk billi juru fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù u fl-affarijiet tal-għaġeb li l-mewt tiegħu għamlet possibbli. (Ġw. 6:53) Dawk li jieħdu juru li huma parti mill-patt il-ġdid u għalhekk għandhom it-tama li jmexxu fis-Saltna t’Alla. Mela, kemm jekk nagħmlu parti mill-magħżulin u kemm jekk nagħmlu parti min-nagħaġ oħra, biex ngħixu għal dejjem irid ikollna fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. w24.12 12-13 ¶14, 16

Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 12 taʼ Nisan) Mattew 26:​1-5, 14-16; Luqa 22:​1-6

DATA TAT-TIFKIRA
Wara Nżul ix-Xemx
Il-Ħamis, 2 t’April

“Tibżgħux merħla żgħira, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna.”—Luqa 12:32.

Fl-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej, Ġesù ta lill-appostli l-ħobż bla ħmira u qal li jirrappreżenta lil ġismu. Imbagħad tahom tazza nbid u qal li jirrappreżenta “d-demm tiegħi li bih se jibda jgħodd il-patt t’Alla.” (Mrk. 14:​22-25; Lq. 22:20; 1 Kor. 11:24) Dan hu “patt ġdid” li sar biss maʼ dawk li se jmexxu maʼ Ġesù fis-Saltna t’Alla. (Lhud 8:​6, 10; 9:15) Dak li Ġesù qal fl-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej kien japplika għall-“merħla żgħira.” L-appostli leali li kienu miegħu għal din l-okkażjoni kienu l-ewwel nies f’dan il-grupp. Dan il-grupp se jkun maʼ Ġesù fis-sema. w24.12 11 ¶9-10

Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 13 taʼ Nisan) Mattew 26:​17-19; Marku 14:​12-16; Luqa 22:​7-13 (Ġrajjiet wara nżul ix-xemx: 14 taʼ Nisan) Ġwanni 13:​1-5; 14:​1-3

Il-Ġimgħa, 3 t’April

“Alla tant ħabb lid-dinja li ta lili, l-uniku Iben tiegħu, biex kull min juri fidi fija ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.”—Ġw. 3:16.

Ġesù ġie tradut minn wieħed mill-ħbieb tiegħu. Imbagħad, l-għedewwa tiegħu arrestawh, għajruh, u akkużawh b’affarijiet li ma kinux vera. Imbagħad iddeċidew li joqtluh u ttorturawh. Fl-aħħar, is-suldati dendluh maʼ zokk biex joqtluh. Ġesù baqaʼ leali minkejja dak l-uġigħ kbir li kien qed iħoss. Imma Missieru Ġeħova bata ħafna iktar meta ra lil Ibnu jmut. Hu kellu l-qawwa u l-kapaċità li jwaqqaf dik it-tbatija kollha minn fuq Ġesù. Imma m’għamilx hekk. Għala? Għax iħobbna. Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù hu l-ikbar prova taʼ kemm Ġeħova jħobb lilek. Hu kien lest li jissagrifika lil Ibnu stess u jħoss uġigħ kbir li lanqas biss tistaʼ timmaġina biex isalvak mid-dnub u l-mewt. (1 Ġw. 4:​9, 10) Ġeħova jixtieq jgħin lil kull wieħed u waħda minna biex naqduh, avolja nidinbu, u jrid li fil-futur ineħħi d-dnub kompletament! w24.08 6 ¶13-14

Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 14 taʼ Nisan) Ġwanni 19:​1-42

Is-Sibt, 4 t’April

“Kristu bata għalikom.”—1 Pt. 2:21.

Aħna nistgħu nifhmu iktar kemm iħobbna Ġeħova meta naħsbu dwar l-uġigħ kbir li ħass meta ra lil Ibnu jbati. Satana qal li meta l-qaddejja taʼ Ġeħova jgħaddu minn żmien diffiċli ħafna, mhux se jibqgħu leali lejn Ġeħova. B’hekk Ġeħova ħalla lil Ġesù jbati biex juri li Satana hu giddieb. (Ġob 2:​1-5) Qabel miet, Ġesù kien mgħajjar, imsawwat mis-suldati, u mbagħad ġie msammar maʼ zokk. F’dan il-ħin kollu, Ġeħova kien qed jara kollox. Ġeħova ra wkoll lil Ġesù jmut mewta taʼ wġigħ kbir. (Mat. 27:​28-31, 39) Kieku ried Ġeħova setaʼ jwaqqaf milli jiġri dan kollu. (Mat. 27:​42, 43) Imma kieku għamel hekk, Ġesù ma kienx iħallas il-fidwa u aħna konna nibqgħu bla tama. Allura Ġeħova ħalla lil Ġesù jbati sakemm miet. w25.01 22 ¶7

Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 15 taʼ Nisan) Mattew 27:​62-66 (Ġrajjiet wara nżul ix-xemx: 16 taʼ Nisan) Ġwanni 20:1

Il-Ħadd, 5 t’April

“Huma rawh kemm-il darba matul 40 jum.”—Atti 1:3.

Il-ġurnata hi s-16 taʼ Nisan, 33 WK. Id-dixxipli taʼ Ġesù huma mdejqin u qed jibżgħu. Tnejn minnhom jitilqu minn Ġerusalemm u jivvjaġġaw lejn Għemmaws. Huma u mexjin jiltaqgħu maʼ raġel u jibda jimxi magħhom. Huma jgħidulu x’kien ġara lil Ġesù. Imbagħad hu jibda jkellimhom dwar affarijiet li qatt ma kienu se jinsew. Ir-raġel juża l-Iskrittura u l-profeziji biex jispjegalhom għala l-Messija kellu jmut. Meta fl-aħħar jaslu Għemmaws, id-dixxipli jindunaw li dan ir-raġel kien Ġesù rxoxtat! (Lq. 24:​13-35) Qabel ma Ġesù telaʼ s-sema, dam 40 ġurnata fuq l-art. Matul dan iż-żmien, hu deher lid-dixxipli tiegħu ħafna drabi. Ġesù inkuraġġiehom u huma ma baqgħux imdejqin, u kienu lesti biex jippritkaw u jgħallmu bil-ferħ dwar is-Saltna t’Alla. w24.10 12 ¶1-3

Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 16 taʼ Nisan) Ġwanni 20:​2-18

It-Tnejn, 6 t’April

“Saħħu l-fidi l-iktar qaddisa tagħkom.”—Ġuda 20.

Biż-żmien, it-tfal isiru adulti b’mod naturali. Però li ssir Kristjan matur ma jsirx b’mod awtomatiku. Pereżempju, l-aħwa f’Korintu aċċettaw il-verità, tgħammdu, kellhom l-ispirtu taʼ Ġeħova, u tgħallmu ħafna mill-appostlu Pawlu. (Atti 18:​8-11) Imma snin wara li tgħammdu, xorta kienu għadhom ma mmaturawx. (1 Kor. 3:2) Biex insiru Kristjani maturi, l-ewwel irid ikollna x-xewqa li nimmaturaw. Dawk li ‘jħobbu l-bluha’ jippreferu jibqgħu kif inhuma u qatt ma jsiru Kristjani maturi. (Prov. 1:22) Aħna ma rridux inkunu bħal adulti li jibżgħu mir-responsabbiltajiet u jkunu jridu li l-ġenituri tagħhom jieħdu deċiżjonijiet għalihom. Minflok, irridu nkunu responsabbli u nkomplu nkabbru l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. Jekk għadek ma sirtx Kristjan matur, itlob lil Ġeħova biex itik kemm ix-xewqa u anki s-saħħa biex tagħmel dan.—Flp. 2:13. w24.04 4 ¶9-10

It-Tlieta, 7 t’April

“Ġeħova . . . ma jixtieqx li jkun hemm min jinqered.”—2 Pt. 3:9.

Ġeħova jgħidilna kif iħossu meta jiġġudika lin-nies. (Eżek. 33:11) Ġeħova mhux se jeqred lil xi ħadd għal dejjem għalxejn. Imma meta jagħmel hekk dejjem ikollu raġuni tajba. Hu mimli ħniena, u juri din il-kwalità kull meta jkun possibbli. Nafu b’nies li mhux se jiġu rxoxtati? Il-Bibbja ssemmi xi ftit minnhom. Pereżempju, Ġesù qal li Ġuda l-Iskarjota mhux se jiġi rxoxtat. (Mk. 14:21; Ġw. 17:12) Dan għax Ġuda ħadha kontra Ġeħova u Ġesù apposta. (Mk. 3:29) Ġesù qal ukoll li mexxejja reliġjużi li ħaduha kontrih mhux se jkollhom ċans għal irxoxt. (Mt. 23:33) U l-appostlu Pawlu qal li l-apostati li ma jiddispjaċihomx taʼ dak li qalu u għamlu mhux se jkollhom irxoxt.—Ebr. 6:​4-8; 10:29. w24.05 4 ¶10-11

L-Erbgħa, 8 t’April

“Ġeħova jipproteġi lil dawk li juru lealtà.”—Slm. 31:23.

Jekk nibqgħu ħbieb ma’ Ġeħova, Satana mhux se jagħmlilna ħsara li tibqaʼ għal dejjem. (1 Ġw. 3:8) U fid-dinja l-ġdida, Ġeħova se jkompli jipproteġina spiritwalment u anki mill-mewt. (Riv. 21:4) Nistgħu nkunu ferħanin li qegħdin fit-tinda taʼ Ġeħova, għax b’hekk jistaʼ jkollna ħbiberija b’saħħitha miegħu li tibqaʼ għal dejjem. (Eżek. 37:27) Imma xi rridu nagħmlu biex nibqgħu mistidnin tiegħu? Kieku kont mistieden għand xi ħadd, kont trid tkun taf x’jixtieqek tagħmel. Bl-istess mod, irridu nkunu nafu x’jixtieqna nagħmlu Ġeħova biex nibqgħu mistidnin. Peress li nħobbuh ħafna, nagħmlu dak li hemm bżonn biex ‘nogħġbuh għalkollox.’ (Kol. 1:10) Mela jekk aħna nirrispettawh, qatt mhu se nagħmlu xi ħaġa li nistgħu nweġġgħuh biha. Aħna dejjem irridu ‘nkunu modesti’ meta naqduh.—Mik. 6:8. w24.06 4 ¶8-9

Il-Ħamis, 9 t’April

“Talab għal dawk li kisru l-liġi.”—Isa. 53:12.

Ġeħova staqsa lil Abraham biex joffri lit-tifel tiegħu bħala sagrifiċċju. Din żgur li kienet l-iktar ħaġa taʼ wġigħ li Abraham qatt setaʼ jagħmel. Imma hu xorta obda. Però eżatt qabel ma kien se joqtol lit-tifel, Ġeħova waqqfu. Dan jgħallimna xi ħaġa importanti ħafna dwar x’kien se jagħmel fil-futur. Ġeħova tant iħobb lin-nies li kien lest joffri lil Ibnu bħala sagrifiċċju. (Ġen. 22:​1-18) Meta Ġeħova ta l-Liġi lill-Iżraelin, hu qalilhom li biex jinħafrulhom dnubiethom kellhom joffru sagrifiċċji tal-annimali. (Lev. 4:​27-29; 17:11) Dawn is-sagrifiċċji wrew x’kien se jagħmel Ġeħova fil-futur, jiġifieri li kien se jipprovdi sagrifiċċju li kien se jsalva lin-nies mid-dnub. Il-profeti kitbu dwar id-dixxendent li tkellem dwaru Ġeħova, jiġifieri Ibnu stess, u spjegaw li kien se jbati u jmut għalina biex jaħfer id-dnubiet u jsalva lin-nies mill-mewt.—Isa. 53:​1-12. w24.08 4 ¶7-8

Il-Ġimgħa, 10 t’April

“Kemm inħobbha l-liġi tiegħek! Il-ġurnata kollha naħseb sew dwarha.”—Slm. 119:97.

Meta taqra xi versi mill-Bibbja aħseb kif tistaʼ tapplikahom. Meta tkun qed taqra, saqsi, ‘Dan kif jistaʼ jgħinni issa jew fil-futur?’ Pereżempju, immaġina li qrajt l-​1 Tessalonikin 5:​17, 18. Wara li taqrahom, ieqaf u aħseb dwar kemm-il darba titlob u kemm titlob mill-qalb. Tistaʼ taħseb ukoll dwar affarijiet li tapprezza. B’hekk forsi tiddeċiedi li tirringrazzja lil Ġeħova għal tliet affarijiet speċifiċi. Anke jekk tagħmel ftit minuti biss taħseb dwar dak li qrajt ħa jgħinek biex tifhem iktar u tapplika dak li qrajt f’ħajtek. Jekk tagħmel dan kuljum, maż-żmien se ssir qaddej aħjar taʼ Ġeħova. w24.09 4-5 ¶9-10

Is-Sibt, 11 t’April

“Oqogħdu attenti li ma titilfux dak kollu li ħdimna għalih, ħalli tirċievu l-barkiet kollha li Alla pprepara għalikom.”—2 Ġw. 8.

Ġeħova ħalaqna biex inkunu iktar ferħanin meta nagħtu milli meta nirċievu. Aħna nieħdu pjaċir meta ngħinu lill-aħwa u ovvjament nieħdu pjaċir meta juru li apprezzaw. Imma jekk xi ħadd ma japprezzax irridu nħossuna ferħanin xorta, għax inkunu għamilna l-ħaġa t-tajba. Tinsiex li Ġeħova “jistaʼ jagħtik ħafna iktar” minn dak li tkun tajt inti. (2 Kron. 25:9) Allura qatt ma tistaʼ tagħti iktar minn kemm Ġeħova jagħti lilek! U ma hemmx ferħ ikbar minn meta nħossu lil Ġeħova jberikna. Mela ejja nagħmlu kulma nistgħu biex nibqgħu nimitaw lil Missierna Ġeħova li hu l-iktar wieħed ġeneruż. w24.09 30-31 ¶20-21

Il-Ħadd, 12 t’April

“Ġeħova Alla tiegħi, jien se nfaħħrek b’qalbi kollha, u se nigglorifika lil ismek għal dejjem.”—Slm. 86:12.

Ġeħova jħenn ħafna u jitħassar lil dawk li jkunu qed ibatu. (Slm. 103:13; Isa. 49:15) Meta nkunu għaddejjin minn xi problema jew inkunu inkwetati, hu jifhimna u jħoss għalina. (Żak. 2:8) Barra minn hekk, hu jgħinna biex insiru nafuh aħjar u nsiru ħbieb tiegħu. (Slm. 25:14; Atti 17:27) U tant hu umli li lest “jitbaxxa biex iħares lejn is-sema u l-art, ħalli jqajjem lill-batut mit-trab.” (Slm. 113:​6, 7) Dawn huma ftit mir-raġunijiet li jġegħluna nagħtu glorja lil Ġeħova. Aħna nagħtu glorja lil Ġeħova għax nixtiequ li oħrajn isiru jafuh. Ħafna nies illum ma jafux il-verità dwar Ġeħova. Dan minħabba li Satana qal gideb kbir dwaru u ħafna nies emmnuh. (2 Kor. 4:4) Xi ftit minn dan il-gideb hu li Ġeħova Alla kattiv, li ma jinteressahx min-nies, u li minħabba fih hawn din it-tbatija kollha fid-dinja. Però aħna nafu x’inhi l-verità dwaru. Minħabba f’hekk, għandna l-opportunità li ngħinu lil oħrajn jifhmu kemm hu Alla tal-għaġeb u kemm għandu kwalitajiet sbieħ. B’hekk huma wkoll jibdew ifaħħruh.—Isa. 43:10. w25.01 3 ¶6-7

It-Tnejn, 13 t’April

“Satana . . . qed iqarraq bl-art kollha.”—Riv. 12:9.

Ġesù, l-Iben t’Alla, kien perfett u għamel ħafna mirakli. Imma Satana xorta uża n-nies biex jigdbu dwaru. Pereżempju, il-mexxejja reliġjużi qalu li hu kien qed “ikeċċi d-demonji bis-saħħa tal-mexxej” tad-demonji stess. (Mk. 3:22) Meta kien għaddej ġuri, il-mexxejja reliġjużi qalu li kien qed jidgħi b’Alla u ġiegħlu lin-nies joqtluh. (Mt. 27:20) Iktar tard, meta l-Kristjani bdew jippritkaw l-aħbar tajba, taʼ kontrihom “xewxu lin-nies tal-popli u ġegħluhom jiħduha kontra” tagħhom. (Atti 14:​2, 19) Dwar Atti 14:​2, It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Diċembru 1998 spjega li l-mexxejja reliġjużi Lhud ma ħadux pjaċir bil-messaġġ li l-Kristjani kienu qegħdin jippritkaw. Allura, ipprovaw iġiegħlu n-nies jobogħduhom u jiħduha kontrihom. Illum Satana għadu “qed iqarraq bl-art abitata kollha.” w24.04 11 ¶15-16

It-Tlieta, 14 t’April

“Sejjer l-Imħallef tal-art kollha ma jagħmilx dak li hu sewwa?”—Ġen. 18:25.

Li n-nies jgħixux għal dejjem fil-futur ma jiddependix fuq meta jmutu. Ġeħova hu Mħallef perfett. Dak li jiddeċiedi dejjem ikun tajjeb u ġust. (Salm 33:​4, 5) Allura, aħna nistgħu nkunu żguri li “l-Imħallef tal-art kollha” dejjem ħa jagħmel dak li hu tajjeb. Nistgħu ngħidu wkoll li jekk persuna tgħixx għal dejjem jew le ma jiddependix minn fejn toqgħod. Ġeħova żgur li mhux se jiġġudika lin-nies li qatt ma kellhom iċ-ċans li jitgħallmu l-aħbar tajba bħala “mogħoż” u jeqridhom għal dejjem. (Mt. 25:46) L-Imħallef ġust tal-art kollha jħobbhom ħafna lil dawn in-nies iżjed milli nistgħu nħobbuhom aħna. Aħna ma nafux kif Ġeħova ħa jmexxi l-affarijiet matul iż-żmien taʼ tbatija kbira. Jistaʼ jkun li xi ftit minn dawn in-nies ikollhom iċ-ċans li jibdew jafdaw fih meta kulħadd isir jaf min hu Ġeħova.—Eżek. 38:16. w24.05 12 ¶14-15

L-Erbgħa, 15 t’April

Ħobbu lil xulxin.—Ġw. 15:12.

In-nies taʼ Ġeħova jħobbu jgħinu lil xulxin. (2 Kor. 8:4) Imma biex jagħmlu hekk, ġieli jkollhom bżonn il-kuraġġ. Pereżempju, meta tinqalaʼ xi gwerra, l-anzjani jkunu jafu li l-aħwa għandhom bżonn l-inkuraġġiment u l-għajnuna. Allura, ituhom dak li jkollhom bżonn bħal fejn joqogħdu u xi ikel. Barra minn hekk, jaraw li jipprovdulhom l-għajnuna spiritwali. L-anzjani jħobbuhom ħafna lill-aħwa, u allura jagħmlu kulma jistgħu biex ituhom dak li jkollhom bżonn anke meta jkun perikoluż għalihom. Fi żminijiet diffiċli hu importanti li nibqgħu magħqudin. Obdi l-istruzzjonijiet li jiġu mill-uffiċċju tal-fergħa. (Ebr. 13:17) L-anzjani b’mod regolari għandhom jirrivedu l-istruzzjonijiet għal meta jinqalaʼ xi diżastru biex b’hekk ikunu preparati. (1 Kor. 14:​33, 40) Kun kuraġġuż imma oqgħod attent. (Prov. 22:3) Aħseb qabel tagħmel xi ħaġa u ibqaʼ safe. Allura tiħux riskji għalxejn. Afda f’Ġeħova. Tinsiex li hu jrid li kemm int u kemm l-aħwa tibqgħu safe, għalhekk hu se jgħinek. w24.07 4 ¶8; 5 ¶11

Il-Ħamis, 16 t’April

“Meta kont imdejjaq għajjatt lil Ġeħova . . . u l-għajta tiegħi għall-għajnuna waslet f’widnejh.”—Slm. 18:6.

Ir-Re David kien jafu lil Ġeħova u straħ fuqu. Pereżempju, meta r-Re Sawl u oħrajn ipprovaw joqtluh, David talab lil Ġeħova għall-għajnuna. Wara li Ġeħova wieġeb it-talb tiegħu, David qal: “Ġeħova hu ħaj!” (Salm 18:46) Hu kien qed ifisser li Ġeħova mhuwiex biss Alla li jeżisti imma hu Alla ħaj. Referenza turi li David kien qed jgħid li Ġeħova hu l-Alla l-veru, u li hu dejjem lest li jgħin lill-qaddejja tiegħu. Minn dak li ġralu f’ħajtu, David kien ċert li l-Alla tiegħu hu l-Alla l-ħaj. U dan inkuraġġixxa lil David biex ikompli jaqdih bil-ferħ. (Salm 18:​28, 29, 49) Jekk inkunu konvinti li Ġeħova hu l-Alla l-ħaj se nkunu rridu nagħtuh l-aħjar tagħna. Meta ngħaddu mill-problemi, se nkunu nistgħu nissaportu u nkomplu naqdu lil Ġeħova. Se nkunu determinati wkoll li nibqgħu naqduh għal dejjem. w24.06 20-21 ¶3-4

Il-Ġimgħa, 17 t’April

“Tħallu lil ħadd iqarraq bikom.”—2 Tess. 2:3.

X’nitgħallmu minn dak li l-appostlu Pawlu qal lit-Tessalonikin? Meta nisimgħu xi ħaġa li ma tkunx taqbel ma’ dak li tgħallimna mill-Bibbja, irridu nużaw l-għaqal. Dan jgħodd ukoll meta nisimgħu xi storja esaġerata. F’dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika, xi għedewwa tal-organizzazzjoni taw lill-aħwa ittra li kienet tidher qisha ġejja mill-kwartieri ġenerali tagħna. Din l-ittra vera kienet tidher li ġejja mill-organizzazzjoni u inkuraġġiet lill-aħwa biex jifformaw organizzazzjoni ġdida. Imma l-aħwa maturi m’emmnuhiex għax huma indunaw li l-messaġġ tal-ittra ma kienx jaqbel ma’ dak li kienu tgħallmu mill-Bibbja. Illum ukoll, l-għedewwa tagħna jistgħu jużaw affarijiet bħall-Internet, l-aħbarijiet, u l-media biex joħolqu firda fl-organizzazzjoni. Allura, huwa importanti li ‘ma nitilfux malajr ir-raġuni tagħna.’ Irridu naħsbu sew jekk dak li qed naqraw u nisimgħu jaqbilx ma’ dak li tgħallimna mill-Bibbja.—2 Tess. 2:2; 1 Ġw. 4:1. w24.07 12 ¶14-15

Is-Sibt, 18 t’April

“Jekk xi ħadd jagħmel dnub, għandna xi ħadd ġust mal-Missier li se jgħinna.”—1 Ġw. 2:1.

L-iktar deċiżjoni importanti li xi ħadd jistaʼ jieħu hi li jiddedika ħajtu lil Ġeħova u jsir parti mill-familja tiegħu. Allura jixtieq li kulħadd jieħu din id-deċiżjoni. Hu jridna nkunu l-ħbieb tiegħu u li ngħixu għal dejjem. (Dewt. 30:​19, 20; Gal. 6:​7, 8) Ġeħova ma jġegħelniex naqduh, imma jħalli lil kull wieħed u waħda minna jiddeċiedi x’se jagħmel. Imma l-anzjani x’għandhom jagħmlu jekk xi ħu jew oħt tagħmel dnub serju? Jekk ma tindimx, għandha titneħħa mill-kongregazzjoni. (1 Kor. 5:13) Imma Ġeħova vera jixtieq li kull min għamel dnub serju jindem u jerġaʼ jkollu ħbiberija tajba miegħu, anki jekk ikun tneħħa mill-kongregazzjoni. Kien minħabba f’hekk li Ġeħova pprovda l-fidwa, biex ikun jistaʼ jaħfer id-dnubiet taʼ dawk li jindmu. Peress li Ġeħova jħobb ħafna, jipprova jgħin lil dawk li għamlu dnub serju biex jindmu.—Żak. 1:3; Rum. 2:4; Ġak. 4:8. w24.08 14 ¶1-2

Il-Ħadd, 19 t’April

“Jekk issir għaref, jien se nifraħ.”—Prov. 23:15.

Fit-tielet ittra tiegħu, l-appostlu Ġwanni kiteb li kien ferħan jara li l-aħwa kienu qed jobdu lil Ġeħova. Sa dak iż-żmien, xi aħwa kienu qed jgħallmu l-gideb u bdew joħolqu l-problemi fil-kongregazzjoni. Imma kien hemm Kristjani oħra li kienu “mexjin fil-verità.” Huma kienu qed jobdu lil Ġeħova u “mexjin skond il-kmandamenti tiegħu.” (2 Ġw. 4, 6) Dawn il-qaddejja leali għamlu lil Ġwanni u lil Ġeħova ferħanin. (Prov. 27:11) X’nistgħu nitgħallmu? Jekk nibqgħu leali lejn Ġeħova, mhux biss inkunu ferħanin aħna imma anki oħrajn. (1 Ġw. 5:3) Pereżempju, bħalissa aħna ferħanin għax nafu li qed inferrħu lil Ġeħova peress li qed nipprovaw nevitaw il-ħażin u nobduh. Minħabba f’hekk anki l-anġli jifirħu. (Lq. 15:10) Meta naraw lil aħwa jibqgħu leali, aħna nkunu ferħanin. (2 Tes. 1:4) U fis-sistema l-ġdida, aħna se nkunu ferħanin għax bqajna leali lejn Ġeħova. w24.11 12 ¶17-18

It-Tnejn, 20 t’April

“Kompli agħmel dak li jaqbel lil ħaddieħor, u mhux biss dak li jaqbel lilek.”—1 Kor. 10:24.

Kemm trid iddum issir taf lil xi ħadd qabel tgħidlu li għandek grazzja miegħu? Jekk tgħidlu malajr wisq forsi jaħseb li qabel tieħu deċiżjoni ma taħsibx sew dwarha. (Prov. 29:20) Imma jekk iddum wisq u l-persuna l-oħra tinduna kif tħossok, forsi tidher li int iddum ħafna biex tieħu deċiżjoni. (Ekk. 11:4) Qabel tgħid lil xi ħadd kif tħossok żomm f’moħħok li jekk toħroġ miegħu, mhux bilfors se tiżżewġu. Imma trid tkun ċert li int lest għaż-żwieġ u li l-persuna l-oħra tistaʼ tkun tajba biex tiżżewwiġha. Xi trid tagħmel jekk tinduna li xi ħadd jixtieq isir jafek aħjar imma inti ma tħossokx l-istess dwaru? Prova urih li m’intix interessata b’dak li tagħmel. Jekk iġġiegħlu jaħseb li hemm xi ċans li tibda toħroġ miegħu imma fil-verità m’intix interessata, ma tkunx qed turi qalb tajba.—Efes. 4:25. w24.05 22-23 ¶9-10

It-Tlieta, 21 t’April

“Nerġaʼ niġi u niħodkom miegħi ħalli tkunu fejn inkun jien.”—Ġw. 14:3.

Il-magħżulin li huma leali biss se ‘jiġu aċċettati’ minn Ġesù u jidħlu fis-Saltna tas-sema. Jekk wieħed mill-magħżulin ma jibqax attent, mhux se jiġi aċċettat. (Mat. 24:31) Imma l-qaddejja taʼ Ġeħova kollha, anki dawk li għandhom it-tama li jgħixu fuq l-art, għandhom jibqgħu attenti u leali. Aħna nafu lil Ġeħova sew, allura ċerti li kulma jagħmel hu tajjeb u ġust. B’hekk, m’għandniex għalfejn ninkwetaw jekk fi żmienna Ġeħova għadu jagħżel lil xi wħud biex ikunu magħżulin. Nistgħu niftakru f’dak li qal Ġesù fl-eżempju tal-ħaddiema fl-għalqa tad-dwieli. (Mat. 20:​1-16) Il-ħaddiema li bdew jaħdmu fl-għalqa tard filgħaxija qalgħu l-istess paga bħal dawk li bdew jaħdmu kmieni filgħodu. Allura b’mod simili, ma tagħmilx differenza meta Ġeħova jagħżel lil dawk li se jkunu maʼ Ġesù fis-sema. Huma se jieħdu l-premju tagħhom jekk jibqgħu leali. w24.09 24 ¶15-17

L-Erbgħa, 22 t’April

“Kristu bata għalikom u ħallielkom eżempju biex timitawh kemm jistaʼ jkun.”—1 Pt. 2:21.

Ġesù hu l-aqwa eżempju taʼ kif tissaporti meta tiġi trattat ħażin. Ħafna nies ittrattawh ħażin inkluż tal-familja tiegħu. Dawn qalu li kien telaq minn moħħu. Il-mexxejja reliġjużi qalu li kien qed jaħdem mad-demonji, u s-suldati Rumani waqqgħuh għaċ-ċajt, sawtuh, u qatluh. (Mrk. 3:​21, 22; 14:55; 15:​16-20, 35-37) Imma hu baqaʼ jissaporti u qatt m’għamel xi ħaġa ħażina. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju tiegħu? (1 Pt. 2:​21-23) Ġesù hu l-aqwa eżempju taʼ x’għandna nagħmlu meta niġu trattati ħażin. Pereżempju, hu kien jaf meta kellu jitkellem u meta kellu joqgħod kwiet. (Mat. 26:​62-64) Kultant meta oħrajn gidbu dwaru, hu ddeċieda li ma jgħid xejn. (Mat. 11:19) Meta tkellem, hu m’għajjarx lura u m’heddidx lil oħrajn. w24.11 4-5 ¶9-10

Il-Ħamis, 23 t’April

“Kristu Ġesù ġie fid-dinja biex isalva lill-midinbin.”—1 Tim. 1:15.

Immaġina li tajt rigal speċjali lil xi ħadd li tħobb. Dan ir-rigal ikun vera tajjeb għalih għax tkun taf li jistaʼ jużah ħafna. Imma min jaf kemm tkun diżappuntat li kieku dik il-persuna titfaʼ dak ir-rigal f’kexxun u tinsieh. Però li kieku taraha tużah u tirringrazzjak għalih, żgur li tieħu pjaċir. Dan l-eżempju kif għandu x’jaqsam mar-rigal tal-fidwa li tana Ġeħova? Ġeħova tana lil Ibnu biex imut għalina, allura min jaf kemm jieħu pjaċir meta nuruh li napprezzaw ir-rigal li tana u l-imħabba li għandu għalina. Din l-imħabba mmotivatu biex jipprovdi l-fidwa. (Ġw. 3:16; Rum. 5:​7, 8) Maż-żmien jistaʼ jkun li ma nibqgħux napprezzaw ir-rigal tal-fidwa. Jekk jiġrilna hekk, inkunu qisna tfajna r-rigal li tana Ġeħova f’kexxun u nsejnieh. Biex ma nħallux dan jiġri hemm bżonn li taʼ spiss naħsbu dwar dak kollu li Ġeħova u Ġesù għamlu għalina. w25.01 26 ¶1-2

Il-Ġimgħa, 24 t’April

“Immedita fuq dawn l-affarijiet; iffoka għalkollox fuqhom, ħalli kulħadd ikun jistaʼ jara l-progress li qed tagħmel.”—1 Tim. 4:15.

Ħu li jikkwalifika biex isir anzjan m’għandux ikun “wieħed li għadu kif sar Kristjan.” Vera li m’għandekx għalfejn tkun ilek mgħammed għal ħafna snin, imma għandek bżonn iż-żmien biex issir Kristjan matur. Qabel ma ssir anzjan trid turi li int umli u li tieħu pjaċir taqdi lil Ġeħova f’kull assignment li jkollok, bħalma kien jagħmel Ġesù. B’hekk, int se tkun paċenzjuż u tistenna lil Ġeħova biex itik iktar privileġġi. (Mat. 20:23; Flp. 2:​5-8) Uri li int leali billi tgħix b’mod kif iridek Ġeħova u timxi dejjem mad-direzzjoni li jtina permezz tal-organizzazzjoni. Il-Bibbja turi li l-anzjani għandhom ikunu kwalifikati biex jgħallmu. Imma dan ifisser li tkun taf tagħti taħditiet vera sbieħ? Le, mhux bilfors. Jistaʼ jkun li anzjan ikun tajjeb ħafna biex jgħallem fuq is-service u jinkuraġġixxi lill-aħwa meta jżurhom, imma fuq il-platform mhux daqshekk. w24.11 23-24 ¶14-15

Is-Sibt, 25 t’April

“Jien inħobb il-kmandamenti tiegħek iktar mid-deheb, saħansitra iktar mid-deheb fin.”—Slm. 119:127.

Jekk taqra xi ħaġa mill-Bibbja li ma tifhimx, fittex dwarha. Imbagħad matul il-ġurnata immedita dwar dak li studjajt u x’tgħallimt dwar Ġeħova, Ġesù, u l-imħabba tagħhom għalik. (Salm 119:97) Jekk ma ssibx xi ħaġa ġdida jew interessanti kull darba li taqra l-Bibbja jew tagħmel riċerka, tħossokx skuraġġit. Immaġinak qisek xi ħadd li jfittex id-deheb. Ħafna drabi biex xi ħadd isib biċċa deheb, jaf idum ħafna sigħat jew ġranet ifittex. Imma ma jaqtax qalbu għax jaf li anki l-iżgħar biċċa li jsib hi prezzjuża. Kull ħaġa ġdida li nitgħallmu mill-Bibbja hi ħafna iktar prezzjuża mid-deheb. (Prov. 8:10) Mela kun paċenzjuż u ibqaʼ aqra l-Bibbja ħalli titgħallem affarijiet ġodda.—Slm. 1:2. w25.01 24-25 ¶14-15

Il-Ħadd, 26 t’April

“Bħalma Ġeħova ħafrilkom mill-qalb, agħmlu hekk intom ukoll.”—Kol. 3:13.

Ġeħova jixtieqna nimitawh. Allura aħna rridu naħfru mill-qalb anki lil dawk li jweġġgħuna. (Slm. 86:5; Lq. 17:4; Efes. 4:32) Meta xi ħadd jgħid jew jagħmel xi ħaġa li biha jweġġagħna, aħna nħossuha ħafna, speċjalment jekk ikun xi ħabib jew xi ħadd tal-familja. (Slm. 55:​12-14) L-uġigħ li nħossu nistgħu nqabbluh ma’ daqqa taʼ sikkina. (Prov. 12:18) Meta persuna tweġġagħna forsi nipprovaw ma nagħtux kas kif inkunu qed inħossuna. Imma dan mhux tajjeb għax inkunu qisna qed inħallu s-sikkina fil-ferita. B’mod simili, jekk ma nagħtux kas kif inkunu qed inħossuna mhux se jonqos l-uġigħ li nkunu qed inħossu. Meta xi ħadd iweġġagħna għall-ewwel jaf inħossuna rrabjati. Anki l-Bibbja tgħid li nistgħu nħossuna hekk. Imma tgħidilna wkoll li m’għandniex nibqgħu rrabjati. (Slm. 4:4; Efes. 4:26) Għala? Għax jekk inkunu rrabjati, il-biċċa l-kbira ma nagħmlux affarijiet tajbin. (Ġak. 1:20) Meta jiġrilek xi ħaġa, ma tistax tikkontrolla kif tħossok imma tistaʼ tiddeċiedi tibqax irrabjat jew le. w25.02 15 ¶4-6

It-Tnejn, 27 t’April

L-għerf se jsalvalu ħajtu.—Ekk. 7:12.

Ġesù ta eżempju dwar raġel li kien sinjur f’affarijiet materjali imma ma kienx “sinjur f’affarijiet li huma importanti għal Alla.” (Lq. 12:​16-21) Ħadd minna ma jaf x’se jiġri għada. (Prov. 23:​4, 5; Ġak. 4:​13-15) Ukoll, Ġesù qal li dawk kollha li jridu jsiru dixxipli tiegħu jridu jkunu lesti li jitilqu dak kollu li għandhom. (Lq. 14:33) Il-Kristjani tal-bidu fil-Lhudija hekk kellhom jagħmlu, imma għamlu dan bil-ferħ. (Lhud 10:34) Fi żmienna, ħafna aħwa għax ma vvotawx fl-elezzjonijiet tilfu x-xogħol. (Riv. 13:​16, 17) X’għen lid-dixxipli taʼ Ġesù jafdaw f’Ġeħova? Huma konvinti mill-wegħda: “Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.” (Lhud 13:5) Mela ma jkunx ħażin li nfaddlu xi ħaġa għall-futur, imma jekk jiġri xi ħaġa li ma nkunx qed nistennew irridu nkunu konvinti li Ġeħova se jieħu ħsiebna. w25.03 29-30 ¶13-14

It-Tlieta, 28 t’April

“Issa li diġà tgħallimna t-tagħlim bażiku dwar il-Kristu, ejja nimmaturaw u ma nkunux kuntenti biss li nerġgħu nagħmlu l-pedament.”—Lhud 6:1.

Ġeħova jaf li aħna ma nistgħux insiru Kristjani maturi waħedna. Allura tana l-anzjani biex jieħdu ħsiebna u jgħallmuna nimitaw lil Ġesù. B’hekk inkunu nistgħu nkomplu nikbru spiritwalment u nsiru Kristjani maturi. (Efes. 4:​11-13) Itina wkoll l-ispirtu tiegħu biex jgħinna ħalli jkollna “l-moħħ taʼ Kristu.” (1 Kor. 2:​14-16) Apparti minn hekk, Ġeħova tana l-evanġelji biex nitgħallmu kif kien jaħseb Ġesù, x’qal, u x’għamel meta kien fuq l-art. Jekk nimitaw il-mod kif Ġesù kien jaħseb u jagħmel l-affarijiet, aħna nistgħu nsiru Kristjani maturi. Imma biex insiru Kristjani maturi, hemm bżonn li nitgħallmu iktar mit-tagħlim bażiku dwar Kristu Ġesù. w24.04 4-5 ¶11-12

L-Erbgħa, 29 t’April

“Il-fatt li kapaċi taħseb se jgħinek, u li tifhem x’inhu tajjeb u ħażin se jipproteġik.”—Prov. 2:11.

Aħna kuljum nieħdu deċiżjonijiet. Xi wħud minnhom huma faċli, bħal x’se nieklu filgħodu jew x’ħin se norqdu. Però, hemm deċiżjonijiet oħra li huma iktar diffiċli. Dawn jaf jaffettwaw is-saħħa u l-ferħ tagħna, in-nies li nħobbu, u anki kif naqdu lil Ġeħova. Aħna nixtiequ li d-deċiżjonijiet tagħna jkunu taʼ ġid għalina u għall-familja tagħna, u fuq kollox aħna nixtiequ li d-deċiżjonijiet tagħna jferrħu lil Ġeħova. (Rum. 12:​1, 2) Pass importanti biex tieħu deċiżjoni tajba hu li jkollok il-fatti. Dan għala huwa importanti? Immaġina li xi ħadd imur għand tabib għax għandu problema serja taʼ saħħa. Se jaqbad it-tabib jiddeċiedi x’mediċina se jagħtih mingħajr ma l-ewwel jara x’għandu u jsaqsih xi mistoqsijiet? Żgur li le. L-istess int, se tieħu deċiżjoni tajba jekk l-ewwel taħseb dwar il-fatti. w25.01 14 ¶1-3

Il-Ħamis, 30 t’April

“Ġeħova se jaħfer id-dnub tiegħek. Int ma tmutx.”—2 Sam. 12:13.

Ġeħova hu mimli ħniena u “ma jixtieqx li xi ħadd jinqered.” (2 Pt. 3:9) Hu kif wera ħniena maʼ wħud li għamlu dnubiet serji? Ir-Re David għamel ħafna dnubiet serji, inkluż li ħa mara taʼ raġel ieħor u qatel. Imma hu veru ddispjaċieh għal dak li għamel, u Ġeħova wera ħniena u ħafirlu. (2 Sam. 12:​1-12) Ir-Re Manasse għamel affarijiet ħżiena għal kważi ħajtu kollha. Minkejja l-affarijiet li għamel, Ġeħova xorta wrieh ħniena u ħafirlu għax Manasse wera li veru ddispjaċieh. (2 Kron. 33:​9-16) Dawn l-eżempji jfakkruna li Ġeħova juri ħniena meta jara li n-nies iddispjaċiehom tal-ħażen li għamlu. B’hekk hu se jirxoxta wħud bħal dawn. w24.05 4 ¶12

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja