18-24 TAʼ MEJJU 2026
GĦANJA 35 “X’inhu l-iktar importanti?”
Tħalli Xejn Itellfek Milli Tagħmel l-Iktar Ħaġa Importanti
“Ibqgħu ifhmu xi jrid Ġeħova.”—EFES. 5:17.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Kif nistgħu nżommu lil Ġeħova l-ewwel f’ħajjitna anki meta jiġrulna affarijiet li jinkwetawna jew jiħdulna l-ħin u l-enerġija.
1-2. Xi ħaġa importanti, kif tistaʼ tibda ttellifna?
META kien l-aħħar darba li kien hemm xi ħaġa li bdiet ittellfek? Forsi kien hemm xi ħaġa li tellfitek minn dak li qed tagħmel u kellek bżonn tiddeċiedi x’kien l-iktar importanti. Pereżempju, immaġina li jdoqqlok il-mowbajl waqt li tkun qed issuq. It-telefonata jaf tkun importanti, imma int tifhem li dak il-ħin din se ttellfek. Allura li tiffoka fuq li ssuq ikun iktar importanti.
2 Ħajjitna hi mimlija b’affarijiet li huma importanti. Aħna nafu li l-iktar importanti hu li niffokaw fuq l-affarijiet spiritwali.a (Mat. 6:33) In-nies taʼ Ġeħova, bħal dawk li jsuqu sew, jipprovaw jifhmu x’jistaʼ jtellifhom milli jpoġġu lil Ġeħova l-ewwel f’ħajjithom.—Prov. 4:25; Mat. 6:22.
3. Dan l-artiklu kif se jgħinna?
3 Aħna ma nixtiqux li jkun hemm xi ħaġa li ttellifna milli npoġġu lil Ġeħova l-ewwel f’ħajjitna. Imma hemm ħafna affarijiet li jistgħu jtellfuna. (Luqa 21:34-36) Allura, biex jgħinna niffokaw fuq li naqdu lil Ġeħova, se niddiskutu (1) x’jistaʼ jtellifna milli npoġġu lil Ġeħova l-ewwel f’ħajjitna, (2) x’għamel Ġesù biex ma jkun hemm xejn xi jtellfu mill-iktar affarijiet importanti, u (3) x’nistgħu nagħmlu biex ma jkun hemm xejn xi jtellifna.
X’JISTAʼ JTELLIFNA MILLI NPOĠĠU LIL ĠEĦOVA L-EWWEL F’ĦAJJITNA?
4-6. X’inhuma xi affarijiet li faċli jtellfuna?
4 Kulħadd għandu ħafna affarijiet importanti x’jieħu ħsieb. Pereżempju, jaf għandna problemi taʼ saħħa jew għandna xi affarijiet importanti li rridu nagħmlu għall-familja jew għalina nfusna. Ovvjament, dawn huma importanti u għandhom bżonn l-attenzjoni tagħna. Imma jistgħu jibdew itellfuna? Iva, jekk nispiċċaw naħsbu fuqhom il-ħin kollu, imbagħad mhux se jkollna ħin u saħħa għal affarijiet oħra.
5 Apparti minn hekk, ħafna minna ngħixu f’postijiet fejn hemm ħafna vjolenza, fejn hu diffiċli biex naqilgħu biżżejjed flus, jew fejn hemm mard li jittieħed malajr. (2 Tim. 3:1) Meta ngħaddu minn affarijiet bħal dawn, nistgħu tant insiru ansjużi li nibdew naħsbu dwarhom biss.
6 Forsi nafu b’nies li ħajjithom inqalbet taʼ taħt fuq minħabba affarijiet bħal dawn. Allura, nistgħu nifhmu li jkunu inkwetati ħafna. Il-bniedem ma ġiex maħluq biex ikun il-ħin kollu stressat. Xi nies jaħsbu li ma jistgħux jgħixu l-ħajja li xtaqu. B’hekk, huma jqattgħu ħafna ħin jagħmlu affarijiet biex jieħdu pjaċir ħalli jinsew il-problemi. X’nistgħu nagħmlu jekk insibu ruħna f’sitwazzjonijiet bħal dawn? Ġesù wkoll setaʼ kellu xi jtellfu, allura ejja naraw x’għamel biex jibqaʼ jpoġġi lil Ġeħova l-ewwel.
ĠESÙ X’GĦAMEL BIEX MA JKOLLU XEJN XI JTELLFU?
7. X’setaʼ tellef lil Ġesù?
7 Ġesù setaʼ kellu ħafna affarijiet xi jtellfuh, bħal problemi soċjali u politiċi. Fi żmienu, kien hemm ħafna foqra u morda. (Mat. 14:14; Mrk. 14:7) Apparti minn hekk, ir-Rumani u anki xi Lhud għamlu l-ħajja tan-nies diffiċli ħafna. Meta n-nies raw li Ġesù kellu l-qawwa u l-kapaċità li jagħmel il-mirakli, huma riedu jagħmluh re. (Ġw. 6:14, 15) Iktar minn hekk, Satana ħajjar lil Ġesù u offrielu li jagħmlu l-mexxej tad-dinja. Ġesù setaʼ ħaseb li kien ikun tajjeb jekk jibda jmexxi hu. (Mat. 4:8, 9) Meta Ġesù beda jispjega lid-dixxipli tiegħu dwar it-tbatija kollha li kellu jgħaddi minnha, l-appostlu Pietru qallu: “Toqgħodx tgħid hekk Mulej.” Kliem bħal dan setaʼ wassal lil Ġesù biex jagħżel ħajja iktar faċli.—Mat. 16:21, 22.
8. X’għamel Ġesù biex ma jkollux x’jistaʼ jtellfu?
8 X’għamel Ġesù biex ma jkollux x’jistaʼ jtellfu? Hu għamel tliet affarijiet. L-ewwel, hu kien jaħseb kif jaħseb Ġeħova. (Ġw. 8:28; 14:9) It-tieni, hu dejjem kellu ħafna x’jagħmel f’affarijiet spiritwali. (Mat. 9:35) U t-tielet, kien jaf sew x’inhu vera importanti. (Ġw. 4:34) B’mod sod, hu rrifjuta l-offerta taʼ Satana. Għalkemm kien jaf li Pietru pprova jgħinu, Ġesù m’aċċettax il-parir li tah għax ma kienx jaqbel maʼ dak li ried Ġeħova. (Mat. 4:10; 16:23) Ġesù ma ħalliex dak li jaħsbu, jgħidu, jew jagħmlu n-nies itellfuh milli jagħmel dak li jrid Ġeħova. Veru, aħna jaf għandna affarijiet differenti li jistgħu jtellfuna milli kellu Ġesù. Imma nistgħu nagħmlu l-istess tliet affarijiet li għamel Ġesù biex nibqgħu nżommu lil Ġeħova l-ewwel f’ħajjitna.
KIF NISTGĦU MA NĦALLU XEJN ITELLIFNA?
9. Xi jfisser li ‘tibqaʼ tifhem xi jrid Ġeħova’? (Efesin 5:17)
9 Tgħallem aħseb bħal Ġeħova. Meta tagħmel hekk, se jgħinek ‘tibqaʼ tifhem xi jrid Ġeħova.’ (Aqra Efesin 5:17.) Int tistaʼ titgħallem x’jogħġob lil Ġeħova billi taqra l-Kelma tiegħu u timmedita fuqha. Int tistaʼ tagħmel dan anki meta l-Bibbja ma titkellimx dwar iċ-ċirkustanzi speċifiċi tiegħek. Kif? Studja l-Bibbja biex issir familjari maʼ kif Ġeħova jaħseb dwar l-affarijiet u kun lest li tpoġġi fil-prattika dak li titgħallem.
10. Kif nistgħu nitgħallmu dwar kif jaħseb Ġeħova?
10 Aħna nistgħu nitgħallmu dwar kif jaħseb Ġeħova billi nistudjaw il-Bibbja u billi naraw kif jittratta man-nies bi mħabba. (Ġer. 45:5) Hekk kif naqraw il-Bibbja, nistgħu nsaqsu mistoqsijiet bħal: ‘Dan x’jgħallimni dwar Ġeħova? X’bidliet hemm bżonn nagħmel biex nara l-affarijiet kif jarahom Ġeħova?’ Ovvjament, aħna nafu li l-mod kif jaħseb Ġeħova hu bil-wisq aħjar minn tagħna. (Isa. 55:9) Allura, aħna nitolbu lilu biex jgħallimna nagħmlu dak li jrid hu. (Slm. 143:10) U aħna nitolbu lilu wkoll biex jgħinna naħsbu iktar bħalu.—1 Ġw. 5:14.
11. Ġeħova xi jridna nagħmlu?
11 Ġeħova jridna nkunu lesti għat-tmiem taʼ din is-sistema. Huwa għalhekk li jridna niftakru x’inhu l-iktar importanti. (Mat. 24:44) Hu ma jridniex ninkwetaw iżżejjed u nispiċċaw nimtlew bl-ansjetà. (Mat. 6:31, 32) Allura jtina pariri tajbin ħalli nkunu nafu x’għandna nagħmlu meta nibdew ninkwetaw dwar is-saħħa, ix-xogħol, id-dar, jew il-familja tagħna. Hu jistidinna biex nitolbuh għall-għerf u s-saħħa biex inkampaw mal-problemi tagħna, u żgur se jagħtihomlna.—Slm. 55:22; Prov. 3:5-7.
12. X’se jgħinna nibqgħu ferħanin anki meta jiġru affarijiet koroh fid-dinja? (Mattew 5:3)
12 Involvi ruħek sew f’affarijiet spiritwali. Kulħadd jinkwieta dwar l-affarijiet koroh li qed jiġru, imma aħna ma nistgħux inwaqqfuhom. Allura, biex ma ninkwetawx iżżejjed, aħna ninvolvu ruħna sew fix-xogħol taʼ Ġeħova. Jekk nagħmlu kulma nistgħu biex ikollna ħbiberija tajba maʼ Ġeħova, imbagħad se nkunu ferħanin għax Ġeħova ħalaqna biex nagħmlu hekk. (Aqra Mattew 5:3.) Aħna nagħmlu dan billi nistudjaw il-Bibbja u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex naqdu lil Ġeħova. Meta nagħmlu hekk, se nogħġbu lil Ġeħova u nkunu qed nużaw il-ħin bl-aħjar mod.—Prov. 23:15.
13. Kif nistgħu ‘nużaw il-ħin bl-aħjar mod’?
13 Aħna determinati li ‘nużaw il-ħin bl-aħjar mod.’ (Efes. 5:15, 16; ara n-nota taʼ studju bl-Ingliż “making the best use of your time.”) Dawn il-versi mhux qed jirreferu għal kif nużaw il-ħin fil-ħajja taʼ kuljum biss, imma jfakkruna wkoll li għandna noqogħdu attenti kif nużaw il-ħin qabel jiġi t-tmiem. Kif nistgħu nużaw il-ħin tagħna bl-aħjar mod? Jekk inqattgħu ħafna ħin nisimgħu l-aħbarijiet dwar l-affarijiet koroh li qed jiġru madwarna, dan jistaʼ jiskuraġġina u jiħdilna ħafna mis-saħħa li nistgħu nużaw għal Ġeħova. Kemm ikun aħjar jekk nagħmlu limitu kemm naqraw u naraw aħbarijiet! Meta nagħmlu hekk, se jkollna iktar ħin u enerġija għal Ġeħova. Allura nagħmlu tajjeb li naħsbu kif nistgħu nagħmlu iktar fix-xogħol tal-ippritkar, bħal li nagħmlu iktar żjajjar lura. Aħna nifhmu li huwa importanti ħafna li nieħdu kull opportunità biex ngħinu n-nies ħalli “jiġu salvati u jkollhom għarfien eżatt dwar il-verità.”—1 Tim. 2:4.
14. B’liema mod ħajjitna tmur aħjar meta jkollna ħafna x’nagħmlu fix-xogħol taʼ Ġeħova? (Ara wkoll l-istampa.)
14 Il-fatt li jkollna ħafna x’nagħmlu fix-xogħol taʼ Ġeħova, se jgħinna biex ma ninsewx il-verità dwar għala jiġru tant affarijiet koroh fid-dinja. Aħna mhux se ninkwetaw iżżejjed meta naraw il-vjolenza, il-faqar, jew pandemiji għax nafu li l-Bibbja qalet li dawn kollha kellhom jiġru. Ġeħova se jeqred dawn l-affarijiet kollha u jġib ġenna tal-art, u allura mhux se jkun hemm għalfejn ninkwetaw iżżejjed. Aħna nistgħu nibqgħu kalmi hekk kif nibqgħu nafdaw f’Ġeħova li se jgħinna nkampaw.—Slm. 16:8; 112:1, 6-8.
Involvi ruħek fix-xogħol taʼ Ġeħova għalkemm qed jiġru ħafna affarijiet koroh fid-dinja (Ara paragrafu 14)b
15. Meta nużaw “l-għaqal,” kif jgħinna? (1 Pietru 4:7)
15 Ftakar x’inhu l-iktar importanti. Illum, ħafna moħħhom biex jieħdu pjaċir u ma jaħsbux fit-tmiem taʼ din id-dinja li dalwaqt ġej. Filwaqt li m’hemm xejn ħażin f’li nieħdu pjaċir, irridu nużaw “l-għaqal” biex nevitaw li naħsbu bħan-nies tad-dinja. (Aqra 1 Pietru 4:7.) Dan xi jfisser għalina? Jekk nagħmlu hekk, se jgħinna biex ma nqattgħux wisq ħin nagħmlu dak li jogħġobna biss u biex nieħdu deċiżjonijiet għaqlin. Meta nużaw il-ħin tagħna bil-għaqal, inkunu qed nuru li jimpurtana minn dak li jaħseb Ġeħova u li nifhmu x’inhu l-iktar importanti.—2 Tim. 1:7.
16. Ġesù fuq xiex iffoka ftit qabel ma miet?
16 Ġesù dejjem ftakar x’kien l-iktar importanti. Anki qabel ma miet, hu kien jaf li l-iktar importanti kien li jibqaʼ leali lejn Ġeħova u li jagħmel dak li jrid hu. B’hekk, hu talab bil-ħniena. Imma d-dixxipli m’għamlux hekk. Huma “tant kemm inkwetaw li għejew,” u b’hekk raqdu minflok talbu.—Luqa 22:39-46; Ġw. 19:30.
17. Ħafna għala jużaw is-social media, u kif tistaʼ ttellifhom? (Ara wkoll l-istampa.)
17 Bħad-dixxipli taʼ Ġesù, aħna wkoll qed ngħixu fi żmien stressanti u kultant inħossuna għajjenin u mdejqin. Minħabba dak li qed jiġri f’dan iż-żmien tat-tmiem, nistgħu nibdew ninkwetaw. Illum, ħafna nies jispiċċaw iqattgħu ħafna ħin fuq is-social media biex jinsew il-problemi tagħhom. Huma jużawha biex jikkomunikaw mal-ħbieb u maʼ tal-familja biex jgħidulhom x’inhu jiġri f’ħajjithom u jibagħtulhom xi ritratti. Huma jużawha wkoll biex jaraw ħafna vidjows u biex jilagħbu. Imma tant hemm affarijiet x’jaqraw u jaraw, li dawn in-nies jispiċċaw iqattgħu ħafna mill-ħin u l-enerġija tagħhom fuq dawn l-affarijiet. Biex ikollna ħarsa bilanċjata lejn is-social media, forsi nistgħu nsaqsu lilna nfusna, ‘Meta nuża s-social media, inħossni aħjar jew ittellifni minn dak li hu l-iktar importanti?’
Hemm bżonn noqogħdu attenti biex ma nħallux is-social media, id-divertiment, u l-ħin liberu jtellfuna (Ara paragrafu 17)
18. Għala rridu noqogħdu attenti kif nużaw il-ħin liberu tagħna?
18 M’hemm xejn ħażin li kultant tieħu pjaċir u tirrilassa, imma rridu noqogħdu attenti x’nagħżlu li naraw u x’nilagħbu, kemm fuq it-televixin u kemm fuq l-internet. Irridu noqogħdu attenti wkoll kemm inqattgħu ħin. Pereżempju, meta jispiċċa vidjow jaf mill-ewwel jitlaʼ ieħor u niġu mħajrin narawh ukoll. Xi wħud minn dawn il-vidjows jaf ikollhom il-vjolenza jew l-immoralità. Wieħed minn ħutna fl-Asja hekk ġralu. Għall-ewwel kien jara films qosra. Imma peress li kien ikompli jara dak li jitlaʼ wara, beda jara vidjows li kien fihom l-immoralità. Imbagħad spiċċa jara l-pornografija. Iżda bl-għajnuna tal-anzjani u tal-ħbieb kbar tiegħu, hu qataʼ l-vizzju. Hu neħħa ċertu apps u llimita kemm iqattaʼ ħin fuq il-mowbajl. Din l-esperjenza tgħallimna għala hemm bżonn noqogħdu attenti meta niġu biex nagħżlu kif inqattgħu l-ħin liberu tagħna.
19. X’jistaʼ jiġri jekk niffokaw fuq li nirrilassaw jew li nieħdu pjaċir?
19 Apparti minn hekk, hemm bżonn nużaw l-għaqal dwar kemm nużaw ħin għall-vaganzi jew għall-affarijiet li nagħmlu biex nieħdu pjaċir. Kultant kulħadd għandu bżonn jirrilassa u jieħu brejk mir-rutina taʼ kuljum. Dan jagħmlilna tajjeb u jgħinna biex nibqgħu b’saħħitna. Imma jekk niffokaw wisq fuq dawn l-affarijiet, jistgħu jiħdulna l-ħin mill-affarijiet iktar importanti. (Flp. 1:10) Kulħadd irid jiddeċiedi għalih innifsu dak li se jagħmel u kemm se jqattaʼ ħin jagħmlu. Meta tkun se tieħu deċiżjonijiet bħal dawn, saqsi lilek innifsek: ‘Il-ħin li qed inqattaʼ biex nieħu pjaċir u għall-vaganzi, juri li qed nuża l-għaqal? Qed inpoġġi l-affarijiet l-iktar importanti l-ewwel u nipprepara lili nnifsi għat-“tmiem taʼ kollox”?’
20. Għala jkun tajjeb li ma jkunx hemm xi jtellifna?
20 Aħna mmorru minn fuq meta ma nħallu xejn itellifna milli nagħmlu dak li hu l-iktar importanti, jiġifieri li naqdu lil Ġeħova. (Isa. 48:17) Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, se nkunu nistgħu nissaportu l-problemi tagħna aħjar. Mhux se ninkwetaw iżżejjed minħabba dak li jkun qed jiġri fid-dinja. U aħna se nevitaw li nqattgħu wisq ħin f’affarijiet li nieħdu pjaċir nagħmlu. Allura, ejja nibqgħu determinati li nagħmlu l-aħjar tagħna biex naħsbu bħal Ġeħova, nibqgħu involuti f’affarijiet spiritwali, u nibqgħu nżommu f’moħħna x’inhu l-iktar importanti. Meta nagħmlu hekk, se nkunu nistgħu npoġġu lil Ġeħova l-ewwel f’ħajjitna u ‘naqbdu qabda soda mal-ħajja vera.’—1 Tim. 6:19.
GĦANJA 129 Aħna se nibqgħu nissaportu
a ESPRESSJONI SPJEGATA: L-affarijiet spiritwali tagħna jirreferu għal kwalunkwe ħaġa li għandha x’taqsam mal-qima tagħna għal Ġeħova, bħal li nistudjaw il-Bibbja, immorru l-laqgħat, nagħmlu l-qima bħala familja, u noħorġu service. Jinkludi wkoll li nieħdu sehem fil-manutenzjoni u fil-bini tas-swali tas-Saltna, ngħinu f’każ taʼ diżastru, ngħinu fil-konvenzjonijiet, jew naqdu f’Betel.
b X’TURINA L-ISTAMPA: Koppja baqgħet tipprietka minflok ma tinkwieta żżejjed dwar x’qed jiġri fid-dinja.