27 T’APRIL–3 TAʼ MEJJU 2026
GĦANJA 99 Mirjadi t’aħwa
Preparat għall-Problemi li Se Jkollok Wara li Titgħammed?
“Jalla nibqaʼ nimxi kif tixtieqni int.”—SLM. 17:5.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Kif il-Kristjani jistgħu jippreparaw għall-problemi li jistgħu jinqalgħu wara li jitgħammdu.
1-2. X’se jgħinna nibqgħu qrib taʼ Ġeħova? Agħti eżempju.
AĦNA nafu li f’din id-dinja se jkollna l-problemi. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: ‘Żgur li se jkun hemm nies li jfixklu lil oħrajn.’ (Mat. 18:7) Dan jurina li jistaʼ jkollna problemi li jdgħajfu l-fidi tagħna. Pereżempju, jistaʼ jkollna l-problemi mal-aħwa. Imma aħna nistgħu nippreparaw għalihom u nibqgħu qrib taʼ Ġeħova.
2 Aħseb dwar dan. In-nies taʼ Ġeħova spiss jiġu mfakkra biex ikunu preparati għal meta jinqalaʼ xi diżastru naturali. Xi rridu nagħmlu biex inkunu preparati? L-ewwel, irridu nkunu nafu x’diżastru jistaʼ jinqalaʼ fejn inkunu qed ngħixu. Dan huwa importanti ħafna speċjalment jekk m’ilniex ngħixu hemm. Meta nkunu nafu dan, aħna se nkunu nistgħu nippjanaw biex b’hekk inkunu safe u nkunu nafu x’għandna bżonn. (Prov. 21:5) Bl-istess mod, ikun tajjeb li nkunu nafu xi problemi jistgħu jinqalgħu wara li nitgħammdu għax dan se jgħinna nkunu nafu xi rridu nagħmlu. B’hekk inkunu nistgħu nkampaw magħhom aħjar u nibqgħu qrib taʼ Ġeħova. (Slm. 17:5) F’dan l-artiklu se nikkunsidraw tliet problemi li nistgħu niffaċċjaw u kif nistgħu nippreparaw għalihom minn issa.a
JEKK ĦU JEW OĦT TWEĠĠGĦEK
3. Liema problema nistgħu niffaċċjaw fil-kongregazzjoni?
3 Tiftakar l-ewwel darba li mort laqgħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova u rajt l-imħabba taʼ bejniethom? Minħabba din l-imħabba, int kont ċert li sibt il-verità. (Ġw. 13:35; Kol. 3:12) Blancab hekk ħassitha. Imma wara li tgħammdet ġrat xi ħaġa li ma kinitx qed tistenna. Hi tgħid: “Kien hemm oħt li ma ttrattanix sew. Innotajt ukoll li kienet qed titkellem negattiv dwar oħrajn. Ma kontx qed nistenna dan. Jien tgħallimt li x-Xhieda taʼ Ġeħova jaħdmu iebes biex juru qalb tajba u jżommu l-paċi.” Għalkemm ix-Xhieda taʼ Ġeħova jagħmlu l-aħjar tagħhom biex itejbu l-kwalitajiet Kristjani, aħna m’aħniex perfetti. (Efes. 4:23, 24; 1 Ġw. 1:8) Għalhekk, illum jew għada, aktarx li xi ħadd mill-aħwa se jgħid jew jagħmel xi ħaġa li biha jweġġgħek. (Ġak. 3:8) B’dispjaċir, xi wħud waqfu jaqdu lil Ġeħova minħabba problemi bħal dawn.
4. X’se jgħinna nkunu lesti jekk ħu jew oħt tweġġagħna? (Efesin 4:32)
4 X’tistaʼ tagħmel issa biex tkun lest jekk ħu jew oħt tagħmel xi ħaġa li tweġġgħek jew li ddejqek? Aħseb sew dwar il-parir li nsibu f’Efesin 4:32 u tgħallem kif tistaʼ turi l-kwalitajiet li jissemmew hemmhekk. (Aqra Efesin 4:32.) Jekk tagħmel l-aħjar li tistaʼ biex tkun qalbek tajba u turi l-ħniena, żgur li dan se jgħinek tevita ħafna problemi m’oħrajn. Agħmilha l-mira tiegħek li taħfer mill-qalb lill-oħrajn jekk jonqsuk. X’jistaʼ jgħinek? Aħseb f’kemm-il darba titlob lil Ġeħova biex jaħfer lilek, u kemm jagħmel dan mill-qalb. (Mat. 6:12) Meta taħseb f’kemm-il darba Ġeħova jaħfirlek, se jkun iktar faċli għalik biex taħfer lill-oħrajn.
5. Liema prinċipju mill-Bibbja jistaʼ jgħinna meta xi ħadd iweġġagħna? (Proverbji 19:11) (Ara wkoll l-istampi.)
5 Aqra Proverbji 19:11. Il-Bibbja tgħid li meta nkunu għaqlinc ma nirrabjawx malajr jekk xi ħadd iweġġagħna. Dan il-prinċipju għen lil Rima, li ilha mgħammda għal xi snin. Hi tgħid: “Meta nħoss li l-aħwa jgħidu jew jagħmlu xi ħaġa li tweġġaʼ, jiġini f’moħħi Proverbji 19:11. Jien nikkunsidra ċ-ċirkustanzi u l-background tagħhom, u nipprova naħseb għala huma aġixxew hekk. Jien nipprova wkoll naħdem magħhom fuq is-service. Meta nagħmel hekk, insir nafhom aħjar.” Kemm hu parir tajjeb. Int tistaʼ ssir taf lill-aħwa aħjar minn issa. Iktar ma tifhimhom, iktar se jkun faċli għalik biex taħfrilhom meta jgħidu jew jagħmlu xi ħaġa li tweġġaʼ.
Jekk għandek xi nuqqas taʼ qbil maʼ xi ħadd mill-aħwa, ipprova aħdem miegħu fil-ministeru (Ara paragrafu 5)
6. X’jistaʼ jgħinna biex ikollna ħbiberiji tajbin mal-aħwa fil-kongregazzjoni?
6 X’tistaʼ tagħmel biex ikollok ħbiberiji tajbin mal-aħwa? Meta tkun qed issir tafhom, kun ċert li tiffoka fuq il-kwalitajiet tajbin tagħhom. (Ara l-prinċipju fi Proverbji 10:12; Rum. 12:10; Flp. 2:2, 3) Innota kif dan għen lil ħu jismu Mark. Wara li tgħammed, hu beda jqattaʼ iktar ħin mal-aħwa tal-kongregazzjoni tiegħu. Għalhekk, hu beda jinnota d-difetti tagħhom. X’għen lil Mark biex ma jitfixkilx u jibqaʼ qrib Ġeħova u l-aħwa? Hu jgħid: “Jien irrealizzajt li n-nuqqasijiet tal-aħwa huma żgħar ħafna meta mqabblin mal-affarijiet ħżiena li jagħmlu n-nies tad-dinja. Għalhekk, iddeċidejt li minflok noqgħod nhewden fuq id-difetti tagħhom, niffoka fuq il-kwalitajiet tajbin tagħhom.” Jekk tagħmel l-istess, se jkollok ħbiberiji tajbin maʼ dawk fil-kongregazzjoni tiegħek.
META TIBDA TIXTIEQ DAK LI ĦALLEJT WARAJK
7. Għala jistaʼ jkun li nibdew nixtiequ dak li ħallejna warajna?
7 Meta sirt taf bil-verità, żgur li kont ferħan ħafna li ma bqajtx tagħmel parti mid-dinja taʼ Satana. Forsi ssibha diffiċli biex temmen li xi ħadd jerġaʼ jkun irid l-affarijiet li ħalla warajh. Imma meta jkollok il-problemi, jistaʼ jkun li tibda taħseb dwar l-affarijiet li kellek jew li kont tagħmel qabel ma bdejt taqdi lil Ġeħova u jaf tibda terġaʼ tixtieqhom. (Ara l-prinċipju f’Numri 11:4-6.) Pereżempju, xi aħwa telqu xogħol li bih kienu qed isiru famużi imma li kien qed jiħdilhom ħafna ħin. Oħrajn kellhom ħbieb li ma baqgħux jagħmluha magħhom meta bdew jistudjaw il-Bibbja. Jerġaʼ oħrajn jaf għelbu xi vizzju li Ġeħova jobgħod imma li kien jagħtihom pjaċir. X’ħasra tkun kieku Kristjan iħalli xi ħaġa mill-passat tiegħu tbiegħdu minn Ġeħova! Allura, x’tistaʼ tagħmel issa ħalli jiġri x’jiġri qatt ma terġaʼ tmur għal dak li ħallejt warajk?
8. X’nitgħallmu mill-eżempju t’Abraham u Sara?
8 Fil-Bibbja nsibu eżempji taʼ qaddejja leali li setgħu bdew jimmissjaw dak li ħallew warajhom. Pereżempju, Abraham u Sara obdew lil Ġeħova u telqu mill-belt iffortifikata taʼ Ur biex jgħixu fit-tined. (Lhud 11:8, 9) Naturalment, jistaʼ jkun li xi kultant ftakru fil-kumditajiet li kellhom f’Ur. Imma “kieku baqgħu jaħsbu” jew jixtiequ l-affarijiet li kellhom fil-passat, huma jaf kienu jitħajru jerġgħu jmorru lura Ur. Minflok, huma ffokaw fuq l-affarijiet sbieħ li Ġeħova kien wiegħed li se jagħtihom fil-futur.—Lhud 11:15, 16.
9. L-appostlu Pawlu kif kien iqishom l-affarijiet li ħalla warajh? (Filippin 3:7, 8, 13)
9 L-appostlu Pawlu biddel ħajtu biex jaqdi lil Ġeħova. Qabel sar Kristjan, hu kien studja maʼ Gamaljel li kien għalliem tal-Liġi stmat ħafna. (Atti 22:3) Pawlu setaʼ sar mexxej reliġjuż importanti ħafna fil-Ġudaiżmu. (Gal. 1:13, 14) Però, meta aċċetta l-aħbar tajba, ħalla dan kollu warajh. Wara li sar Kristjan, dejjem kellu ħajja faċli? Le. Hu ġie msawwat, mitfugħ il-ħabs, u l-poplu tiegħu stess kien jobogħdu. (2 Kor. 11:23-26) Kieku hu ffoka biss fuq il-provi u qabbel il-ħajja li kien qed jgħix mal-ħajja li kellu qabel, hu setaʼ kkonkluda li l-ħajja tiegħu kienet aħjar qabel sar dixxiplu taʼ Ġesù. Imma minflok, Pawlu ffoka fuq il-privileġġ tal-għaġeb li kellu li jaqdi lil Kristu Ġesù u fuq il-futur mill-isbaħ li kien hemm jistennieh. Pawlu kien konvint li l-barkiet kienu bil-wisq iktar minn kwalunkwe sagrifiċċju li għamel.—Aqra Filippin 3:7, 8, 13.
10. Fuq xiex għandna naħsbu spiss? (Marku 10:29, 30) (Ara wkoll l-istampi.)
10 X’inhi l-lezzjoni? Jekk tibda taħseb dwar l-affarijiet li tlaqt biex sirt Kristjan, agħmel ċert li tiftakar ukoll għala tlaqthom. (Ekk. 7:10) Qabbel dak li tlaqt mal-barkiet li għandek issa għax qiegħed fil-verità. Int għandek ħbiberija mill-qrib m’Alla Ġeħova. (Prov. 3:32) Fil-kongregazzjoni u tmur fejn tmur fid-dinja, hemm ħafna aħwa li jħobbuk. (Aqra Marku 10:29, 30.) U aħseb dwar il-futur mill-isbaħ li Ġeħova wiegħed li se jagħtik! (Isa. 65:21-23) Jekk spiss taħseb dwar il-barkiet li jiġu għax taqdi lil Ġeħova, aktarx mhux se tkun tixtieq l-affarijiet li ħallejt warajk.
Minflok ma tibda tixtieq l-affarijiet li ħallejt warajk, ħu pjaċir bix-xogħol tal-ippritkar li Ġeħova tak (Ara paragrafu 10)e
11. X’titgħallem mill-esperjenza taʼ Rosemary?
11 Oħt li jisimha Rosemary tgħammdet meta kellha madwar 50 sena. Innota x’għamlet biex ma tkunx tixtieq dak li ħalliet warajha. Hi tgħid: “Għall-bidu, fil-Milied kont inħossni mdejqa, għax f’dik il-ġurnata kont nieħu pjaċir inqattaʼ l-ħin mal-familja tiegħi. Kont nieħu pjaċir nagħti rigali lil dawk li nħobb u nara lit-tfal imdawrin mas-siġra tal-Milied. Wiċċhom kien jixgħel bil-ferħ waqt li kienu jiftħu r-rigali.” X’għen lil Rosemary? Hi tgħid: “Sibt mod kif nieħu pjaċir mal-familja tiegħi fi żmien ieħor. Kull sena nagħżel ġurnata, nistieden lill-familja tiegħi, intihom ir-rigali, u ngħidilhom għala nħobbhom.” Rosemary ffaċċjat sfida oħra. Hi tgħid: “Meta bdejt nitgħallem il-verità, il-ħbieb li kelli telquni. Xi kultant kont nimmissjahom u nħossni waħdi.”d X’għenha? Hi bdiet tiftiehem biex toħroġ service m’aħwa differenti. Rosemary tgħid: “Dan għenni biex nagħmel ħbieb ġodda li jien sirt inħobb u napprezza.” X’tistaʼ titgħallem mill-esperjenza tagħha? Forsi timmissja xi affarijiet li kienu jogħġbuk qabel tgħallimt il-verità, imma int jistaʼ jkollok affarijiet oħra li huma ħafna aħjar u li jistgħu jagħmluk vera ferħan. (Flp. 4:8, 9) U ftakar li Ġeħova dejjem se jagħtik ħafna iktar minn dak li tlaqt biex taqdih.
JEKK XI ĦADD MA JIBQAX JAQDI LIL ĠEĦOVA
12. Liema sitwazzjoni fil-kongregazzjoni tistaʼ tkun diffiċli ħafna għalik?
12 Meta sirt Xhud, x’aktarx li kont ferħan ħafna li ħriġt minn din id-dinja ħażina u bdejt tagħmel parti mill-uniku poplu li jgħallem il-verità u jipprova jagħmel dak li hu tajjeb. (Isa. 65:14) Imma xi kultant jaf tismaʼ li xi ħadd għamel dnub serju u anki jitneħħa mill-kongregazzjoni. (1 Kor. 5:13) Ara kif sitwazzjoni bħal din affettwat lil oħt jisimha Samar. Hi tgħid: “Ftit wara li tgħammidt, anzjan għamel dnub serju u tneħħa mill-kongregazzjoni. Vera ħassejtni mħawda għax ma ridtx nemmen li anzjan kien se jasal li jagħmel dnub u jweġġaʼ lil Ġeħova u l-aħwa fil-kongregazzjoni.” Bla dubju, aħna rridu nkunu konvinti li l-aħwa jħobbu lil Ġeħova u jridu jibqgħu qrib tiegħu. (1 Kor. 13:4, 7) Imma rridu nkunu realistiċi; kull sena ikun hemm min jitneħħa mill-kongregazzjoni. U dan jistaʼ jkun diffiċli ħafna għalik speċjalment jekk dak li jagħżel li jitlaq lil Ġeħova jkun ħabib, xi ħadd tal-familja, jew xi ħadd li tirrispetta ħafna.
13. X’nistgħu nagħmlu issa biex ma nitfixklux jekk xi ħadd li nħobbu jieqaf jaqdi lil Ġeħova?
13 X’tistaʼ tagħmel minn issa ħalli ma titfixkilx jekk xi ħadd li tħobb jieqaf jaqdi lil Ġeħova? Kompli saħħaħ il-ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova. (Ġak. 4:8) Tħallix il-ħbiberija tiegħek m’Alla tiddependi fuq dak li jagħmel ħaddieħor. Pereżempju, għalkemm aħna spiss nistudjaw il-Bibbja u nitolbu flimkien mal-familja jew mal-aħwa tal-kongregazzjoni, għandna bżonn ukoll nitolbu lil Ġeħova u nistudjaw il-Bibbja b’mod personali.—Slm. 1:2; 62:8.
14. X’nitgħallmu mill-eżempju tal-appostlu Pietru? (Ġwanni 6:66-68)
14 Nistgħu nitgħallmu lezzjoni wkoll mill-mod kif l-appostlu Pietru aġixxa meta ħafna dixxipli ma baqgħux jimxu wara Ġesù. Pietru wkoll setaʼ ħassu mfixkel dak iż-żmien. Imma nnota x’qal fi Ġwanni 6:66-68. (Aqra.) Minflok ma ffoka fuq dak li kienu qed jagħmlu oħrajn, Pietru ffoka fuq il-veritajiet li kien qallu Ġesù. B’hekk, hu ma tfixkilx. Bl-istess mod, anki jekk oħrajn jieqfu jaqdu lil Ġeħova, ftakar li din hi l-organizzazzjoni li għallmitek il-verità dwar Ġeħova. Kompli apprezza l-affarijiet li tgħallimt u ibqaʼ leali lejn Ġeħova! Samar li ssemmiet diġà tgħid, “Jien dejjem infakkar lili nnifsi li meta persuna tagħmel xi ħaġa ħażina ma jfissirx li l-aħwa kollha qed jagħmlu l-ħażin jew li t-tagħlim tal-organizzazzjoni hu ħażin. Jagħmlu x’jagħmlu n-nies, Ġeħova xorta jibqaʼ Alla tal-għaġeb.”
15. X’titgħallem mill-esperjenza taʼ Emily?
15 Aħseb dwar l-eżempju taʼ Emily. Ġimgħa biss wara li tgħammdet, ommha telqet il-familja u tneħħiet mill-kongregazzjoni. Hi tgħid: “Qatt ma immaġinajt li dan setaʼ jiġri lili. Din kienet l-ikbar sfida li ffaċċjajt, u lil ommi nimmissjaha ħafna.” X’għen lil Emily? Hi tgħid: “Jien mhux waħdi. Jien mhux biss nirċievi l-għajnuna mingħand missieri imma anki mingħand oħrajn fil-kongregazzjoni, li għalija huma bħal familja. Kulħadd qed jgħaddi minn xi prova. Għalhekk huwa importanti li nibqgħu qrib xulxin u ninkuraġġixxu lil xulxin.” (1 Pt. 5:9) M’għandekx għalfejn tistenna li tinqalaʼ xi problema biex issaħħaħ il-ħbiberija tiegħek mal-aħwa. Sir af lill-aħwa sew minn issa. Jekk tagħmel hekk, jiġri x’jiġri, x’aktarx li m’intix se tħossok waħdek.
16. X’għandna niftakru? (Ara wkoll l-istampa.)
16 Ftakar ukoll li Ġeħova jiddixxiplina lil dawk li jħobb. (Lhud 12:6) Hu jrid li dawk kollha li tneħħew mill-kongregazzjoni jerġgħu jiġu lura. (2 Pt. 3:9) Mela kun ċert li jekk xi ħadd li tħobb tneħħa mill-kongregazzjoni, l-anzjani se jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jgħinuh jerġaʼ lura għand Ġeħova.—2 Tim. 2:24, 25.
Jekk xi ħabib jew xi ħadd minn tal-familja tneħħa mill-kongregazzjoni, ftakar li l-anzjani jridu jgħinuh biex jerġaʼ lura għand Ġeħova (Ara paragrafu 16)f
17. Minn xiex nistgħu nkunu ċerti?
17 Illum rajna biss ftit mill-problemi li tistaʼ tiffaċċja wara li titgħammed. Vera, xi wħud minnhom jistgħu jkunu diffiċli, imma m’għandekx għalfejn tibżaʼ. Hemm ħafna x’tistaʼ tagħmel biex tkun preparat. U dejjem ftakar li Ġeħova se jgħinek biex tkun tistaʼ tibqaʼ leali lejh. Hu diġà għenek u jrid ikompli jgħinek għal dejjem! (1 Pt. 5:10) Hu dejjem se jagħtik is-saħħa u jgħinek tissaporti kull prova li tiffaċċja. Jekk tkompli tħalli lil Ġeħova jgħinek, int se tibqaʼ qrib tiegħu għal dejjem, jiġri x’jiġri!—Slm. 119:165; Rum. 8:38, 39.
GĦANJA 154 Imħabba bla Tmiem
a Għalkemm dan l-artiklu hu indirizzat għal dawk l-uħud li m’ilhomx mgħammdin, ilkoll kemm aħna nistgħu nibbenefikaw mil-lezzjonijiet li fih.
b L-ismijiet ġew mibdulin.
c Jekk inkunu għaqlin, mhux se nieħdu għalina malajr meta oħrajn iweġġgħuna. Minflok se nippruvaw naħsbu għala l-persuna tkellmet jew aġixxiet b’dak il-mod. L-għaqal jgħinna biex nibqgħu kalmi u naħfru lil ħutna.
d Ilkoll kemm aħna għandna ngħinu lil dawk li qed jistudjaw il-Bibbja u lil dawk li m’ilhomx li tgħammdu biex iħossuhom maħbubin. Ara paragrafi 15 u 16 tal-artiklu “Il-Kongregazzjoni Kollha Tistaʼ Tgħin Student Jasal għall-Magħmudija” f’It-Torri tal-Għassa taʼ Marzu 2021.
e X’JURUNA L-ISTAMPI: Waqt li qed tipprietka, oħt tara grupp taʼ nisa jilagħbu sport li hi kienet taf tilgħab ħafna. Iktar tard, l-oħt tagħti xhieda lil waħda min-nisa li kienet qed tilgħab. Jistaʼ jkun li fil-passat kienu jilagħbu flimkien.
f X’TURINA L-ISTAMPA: Żewġ anzjani qed iżuru raġel li tneħħa mill-kongregazzjoni u qed jinkuraġġuh biex jerġaʼ lura għand Ġeħova.