LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w26 Jannar pp. 8-13
  • Int Jistaʼ Jirnexxilek Tirbaħ Ħsibijiet Negattivi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Int Jistaʼ Jirnexxilek Tirbaħ Ħsibijiet Negattivi
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’ĠIEGĦEL LIL PAWLU JKOLLU ĦSIBIJIET NEGATTIVI
  • X’GĦAMEL PAWLU META ĦASSU SKURAĠĠIT
  • X’SE JGĦINNA NĦOSSUNA INKURAĠĠITI
  • KUN ĊERT LI ĠEĦOVA SE JGĦINEK U JBIERKEK
  • Kif Tistaʼ Tikkumbatti Sentimenti Negattivi?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Kif Tistaʼ Tieħu Iktar Pjaċir Fuq is-Service
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Kun Umli u Aċċetta li Hemm Affarijiet li Ma Tafx
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Ġeħova “Jfejjaq lil Dawk taʼ Qalbhom Maqsuma”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
w26 Jannar pp. 8-13

9-15 TAʼ MARZU 2026

GĦANJA 45 Il-meditazzjoni taʼ qalbi

Int Jistaʼ Jirnexxilek Tirbaħ Ħsibijiet Negattivi

“Kemm jien miskin!”—RUM. 7:24.

DAK LI SE NITGĦALLMU

X’nistgħu nagħmlu meta jibdew ġejjin ħsibijiet li jagħmluna ansjużi u mdejqin.

1-2. L-appostlu Pawlu kif ġieli ħassu, u l-eżempju tiegħu kif jistaʼ jgħinna? (Rumani 7:​21-24)

X’JIĠI f’moħħok meta taħseb fl-appostlu Pawlu? Timmaġinah bħala missjunarju kuraġġuż, għalliem tas-sengħa, jew raġel li kiteb ħafna kotba tal-Bibbja? Dawn kollha jiddeskrivuh sew. Imma bħal ħafna minna, Pawlu ġieli ħassu mdejjaq, skuraġġit, u ansjuż.

2 Aqra Rumani 7:​21-24. Fl-ittra tiegħu lir-Rumani, Pawlu tkellem dwar kif ġieli kien iħossu. Ħafna minna jaf inħossuna bħalu. Hu kien raġel leali u vera ried jobdi lil Alla. Imma minħabba li kien imperfett, mhux dejjem kien faċli jagħmel dak li jrid Alla. Apparti minn hekk, Pawlu kien iħossu ħati meta kien jiftakar x’għamel qabel sar Kristjan u ġieli ħassu frustrat minħabba problema f’ħajtu li ma kinitx qed tmur għall-aħjar.

3. X’se nikkunsidraw f’dan l-artiklu? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.)

3 Minkejja li kultant Pawlu kellu ħsibijiet negattivi,a hu ħadem iebes biex jiġġildilhom. F’dan l-artiklu se nwieġbu dawn il-mistoqsijiet: X’ġiegħel lil Pawlu jħossu skuraġġit? X’għamel meta ġewh ħsibijiet negattivi? U aħna x’nistgħu nagħmlu meta nħossuna mdejqin?

X’ĠIEGĦEL LIL PAWLU JKOLLU ĦSIBIJIET NEGATTIVI

4. X’ġiegħel lil Pawlu jkollu ħsibijiet negattivi?

4 L-affarijiet li għamel fil-passat. Qabel ma sar Kristjan, Pawlu, li qabel kien magħruf bħala Sawl, għamel affarijiet li wara ddispjaċieh li għamilhom. Pereżempju, hu ra u approva l-qtil taʼ Stiefnu, raġel leali. (Atti 7:58; 8:1) Ukoll, Sawl kien għamel kulma setaʼ biex jippersegwita bl-aħrax lill-Kristjani.—Atti 8:3; 26:​9-11.

5. Pawlu kif ħassu minħabba l-affarijiet li għamel fil-passat?

5 Wara li sar Kristjan, l-appostlu Pawlu ħassu ħati minħabba l-affarijiet li kien għamel qabel. Jistaʼ jkun li iktar m’għadda żmien, iktar ħassu ħażin dwar l-affarijiet kattivi li kien għamel. Pereżempju, fis-sena 55, fl-ewwel ittra tiegħu lill-Korintin, hu kiteb: “Ma jixraqlix li nissejjaħ appostlu, għax ippersegwitajt il-kongregazzjoni t’Alla.” (1 Kor. 15:9) Madwar ħames snin wara, fl-ittra lill-​Efesin, hu ddeskriva lilu nnifsu bħala li kien “l-inqas importanti” mill-aħwa kollha. (Efes. 3:8) U meta kiteb lil Timotju, Pawlu qallu li qabel kien ‘jidgħi kontra Alla, jippersegwita lin-nies tiegħu, u jitkellem bl-aħrax kontra tagħhom.’ (1 Tim. 1:13) Tistaʼ timmaġina kif setaʼ ħassu Pawlu meta żar kongregazzjonijiet u ltaqaʼ m’aħwa li kien ippersegwita jew mal-familji tagħhom?

6. X’inhi ħaġa oħra li ġiegħlet lil Pawlu jħossu ansjuż? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.)

6 Xewka fil-laħam. Pawlu qabbel xi ħaġa li kienet qed tikkaġunalu ħafna tbatija maʼ “xewka fil-laħam.” (2 Kor. 12:7) Hu ma qalx eżatt x’kienet, imma jistaʼ jkun li kienet xi marda jew problema li għamlitu ansjuż.b

7. Għala kien diffiċli għal Pawlu biex dejjem jagħmel dak li hu tajjeb? (Rumani 7:​18, 19)

7 L-imperfezzjonijiet. Pawlu kien iħossu skuraġġit meta kien jagħmel l-iżbalji. (Aqra Rumani 7:​18, 19.) Hu ried jagħmel dak li hu tajjeb, imma minħabba l-imperfezzjonijiet tiegħu ġieli ma kienx jagħmel it-tajjeb. Hu ammetta li fih kien hemm ġlieda bejn li ma jaġixxix fuq xewqat ħżiena u li jagħmel it-tajjeb. Hu ħadem iebes biex dejjem isir persuna aħjar. (1 Kor. 9:27) Allura nistgħu nimmaġinaw kemm kien iħossu skuraġġit meta kien jgħid jew jagħmel xi ħaġa li kien ħadem iebes biex jirranġaha!

X’GĦAMEL PAWLU META ĦASSU SKURAĠĠIT

8. Pawlu x’għamel biex jiġġieled kontra x-xewqat ħżiena tiegħu?

8 Bħalma naraw fl-ittri tiegħu, Pawlu ħaseb ħafna dwar kif l-ispirtu t’Alla jistaʼ jgħin lill-aħwa jiġġieldu kontra xewqat ħżiena. (Rum. 8:13; Gal. 5:​16, 17) Hu spiss tkellem dwar xewqat ħżiena li l-Kristjani għandhom jevitaw biex jogħġbu lil Ġeħova. (Gal. 5:​19-21, 26) Dan jurina li hu ħaseb dwar kif jistaʼ jkun Kristjan aħjar u studja l-Iskrittura biex jara x’għandu jirranġa u kif. Mela nistgħu nkunu ċerti li hu stess applika l-pariri li ta lil oħrajn.

9-10. X’għen lil Pawlu meta ħassu skuraġġit? (Efesin 1:7) (Ara wkoll l-istampa.)

9 Avolja kultant Pawlu kien iħossu skuraġġit, kien hemm ħafna affarijiet li għenuh jibqaʼ pożittiv. Pereżempju, hu kien jieħu pjaċir jismaʼ affarijiet sbieħ dwar il-kongregazzjonijiet. (2 Kor. 7:​6, 7) Il-ħbiberiji li kellu mal-aħwa wkoll għamluh ferħan. (2 Tim. 1:4) U peress li kellu ħbiberija b’saħħitha maʼ Ġeħova, hu kien ferħan li setaʼ jaqdih “b’kuxjenza nadifa.” (2 Tim. 1:3) Anki waqt li kien il-ħabs f’Ruma, Pawlu inkuraġġixxa lill-aħwa: “Dejjem ifirħu minħabba l-Mulej.” (Flp. 4:4) Meta naqraw dak li kiteb, nistgħu naraw li ma kienx joqgħod jaħseb il-ħin kollu dwar l-iżbalji u l-problemi tiegħu. Jidher ċar li meta kien jibda jaħseb b’mod negattiv, mill-ewwel kien jaħseb dwar affarijiet li jagħmluh ferħan.

10 Xi ħaġa oħra li għenet lil Pawlu jibqaʼ ferħan kienet il-fidwa. Hu żamm f’moħħu li Ġeħova jħobbu u li kien provda l-fidwa għalih ukoll. (Gal. 2:20; aqra Efesin 1:7.) Minħabba f’hekk, hu kien ċert li grazzi għas-sagrifiċċju taʼ Ġesù, Ġeħova kien ħafirlu d-dnubiet tiegħu. (Rum. 7:​24, 25) Minkejja l-iżbalji li kien għamel fil-passat u l-imperfezzjonijiet tiegħu, Pawlu setaʼ jqim lil Alla bil-ferħ.—Lhud 9:​12-14.

Grupp taʼ stampi: 1. L-appostlu Pawlu qed jimmedita. 2. Hu jiftakar x’għamel snin qabel meta kkmanda lil uffiċjal biex ikaxkar raġel Kristjan barra d-dar. 3. Hu jimmedita wkoll fuq il-mewt taʼ Ġesù fuq iz-zokk tat-tortura.

Għalkemm Pawlu ġieli ħassu mdejjaq ħafna minħabba l-affarijiet ħżiena li kien għamel fil-passat, meta kien jaħseb dwar il-fidwa kien iħossu aħjar (Ara paragrafi 9-10)


11. L-eżempju taʼ Pawlu għala hu inkuraġġanti għalina?

11 Bħal Pawlu, aħna wkoll jaf inħossu li l-ħin kollu qegħdin fi ġlieda. Din tistaʼ tkun ġlieda biex naħsbu, nitkellmu, jew nagħmlu affarijiet li jogħġbu lil Ġeħova. Jaf inħossuna skuraġġiti ħafna kultant. Oħt jisimha Eliza,c li għandha 26 sena, tgħid hekk dwar l-isfida tagħha: “Meta naħseb dwar is-sitwazzjoni taʼ Pawlu, inħossni inkuraġġita li naf li mhux jien biss inħossni hekk. Dan jgħinni nħossni aħjar. Ifakkarni li Ġeħova jaf minn xiex għaddejjin in-nies tiegħu.” X’nistgħu nagħmlu biex bħal Pawlu nogħġbu lil Ġeħova u nkunu ferħanin anki f’mumenti li nħossuna skuraġġiti?

X’SE JGĦINNA NĦOSSUNA INKURAĠĠITI

12. Rutina spiritwali tajba kif tgħinna niġġieldu ħsibijiet negattivi?

12 Żomm rutina spiritwali tajba. Meta jkollna rutina spiritwali tajba, se nkunu iktar kapaċi niffokaw fuq affarijiet pożittivi. Nistgħu nqabblu rutina bħal din maʼ drawwiet tajbin li jgħinuna nibqgħu b’saħħitna. Meta nieklu tajjeb, nagħmlu l-eżerċizzju, u norqdu biżżejjed, normalment inħossuna aħjar. B’mod simili, ilkoll kemm aħna nafu kemm inħossuna tajjeb meta naqraw il-Bibbja kuljum; nippreparaw, nattendu, u nieħdu sehem fil-laqgħat; u anki noħorġu service. Jekk nibqgħu nagħmlu dawn l-affarijiet, se jgħinuna naħsbu fuq affarijiet pożittivi u mhux fuq affarijiet li jiskuraġġuna.—Rum. 12:​11, 12.

13-14. Xi aħwa kif ħassewhom meta żammew rutina spiritwali tajba?

13 Ara l-eżempju taʼ John, li meta kellu 39 sena sar jaf li qabdu kanċer rari. Għall-ewwel, hu kellu ħsibijiet negattivi u ma riedx jemmen li kien qabdu kanċer taʼ din l-età. Dak iż-żmien, it-tifel tiegħu kellu biss tliet snin. X’għamel John biex ikampa maʼ dawn il-ħsibijiet negattivi? Hu jgħid: “Minkejja li kont inkun għajjien ħafna, għamilt ċert li l-familja tiegħi żżomm rutina spiritwali tajba. Kull ġimgħa konna mmorru l-laqgħat kollha, noħorġu service, u nagħmlu l-qima bħala familja. Konna nagħmluhom anki meta kien ikun diffiċli ħafna.” Meta jħares lura, John jgħid: “Għall-ewwel ikun hemm ix-xokk, imma mbagħad tgħallimt kif Ġeħova jagħtina s-saħħa li jkollna bżonn u kemm iħobbna. Bħalma Ġeħova għen lili, jien ċert li se jgħin lill-aħwa.”

14 Eliza, li ssemmiet qabel, tgħid: “Kull darba li mmur il-laqgħat u nagħmel l-istudju persunali, niftakar kemm Ġeħova jismagħni u jħobbni, u dan jagħmilni ferħana.” Nolan, indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet fl-Afrika, jispjega x’għen lilu u lill-mara tiegħu, Diane: “Aħna nibqgħu nitolbu, nistudjaw il-Bibbja, nattendu l-laqgħat, u nippritkaw anki meta nħossuna skuraġġiti. Imbagħad Ġeħova dejjem jgħinna nħossuna iktar ferħanin. Nipprovaw inżommu f’moħħna li Ġeħova se jgħinna u jberikna; mhux dejjem inkunu nafu kif, imma konvinti li se jagħmel hekk.”

15. X’nistgħu nagħmlu meta nħossuna mdejqin? Agħti eżempju.

15 Jekk nibqgħu nħossuna mdejqin, hemm affarijiet oħra li forsi jkollna nagħmlu. Pereżempju, immaġina li qed juġgħek dahrek. Biex jgħaddilek jistaʼ jkun li jkollok bżonn tagħmel iktar milli tmur timxi kuljum. L-ewwel, trid issir taf minn fejn ġej l-uġigħ. Allura forsi jkollok tagħmel xi riċerka jew titkellem maʼ tabib. B’mod simili, biex naraw għala qed inħossuna skuraġġiti u x’nistgħu nagħmlu, irridu nagħmlu riċerka fil-Bibbja u fil-pubblikazzjonijiet tagħna. Jistaʼ jkun ukoll li jkollna nitkellmu maʼ xi ħu jew oħt matura li tistaʼ ttina pariri tajbin dwar is-sitwazzjoni tagħna. Ejja naraw xi affarijiet oħra li nistgħu nagħmlu.

16. X’jistaʼ jgħinek tifhem għala tħossok ansjuż? (Salm 139:​1-4, 23, 24)

16 Bit-talb għid lil Ġeħova jgħinek tifhem x’għandek bżonn verament. Ir-Re David kien jaf li Ġeħova jafu sew. Allura David talab lil Ġeħova biex jgħinu jifhem ‘il-ħsibijiet li jinkwetawh.’ (Aqra Salm 139:​1-4, 23, 24.) Anki int tistaʼ titlob lil Ġeħova biex jgħinek tifhem għala qed tħossok ansjuż u kif tistaʼ tħossok kalm. Tistaʼ anki ssaqsi xi mistoqsijiet bħal pereżempju, ‘X’inhu li jqabbadni l-ansjetà? Hemm xi ħaġa li dejjem iġġegħelni nħossni ansjuż? Meta jiġuni ħsibijiet negattivi, nipprova naħseb fuq xi ħaġa li tagħmilni ferħan minflok?’

17. Liema suġġetti tistaʼ tistudja biex jgħinuk taħseb fuq affarijiet inkuraġġanti? (Ara wkoll l-istampa.)

17 Addatta l-istudju persunali għal dak li għandek bżonn int. Minn żmien għal żmien, tistaʼ ssib t’għajnuna li tistudja dwar waħda mill-kwalitajiet taʼ Ġeħova. Pereżempju, l-appostlu Pawlu bbenefika ħafna meta ħaseb dwar il-fidwa u l-maħfra taʼ Ġeħova. Int tistaʼ tagħmel l-istess. Uża l-Gwida għall-Pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova u artikli minn fuq il-website biex tistudja dwar il-ħniena, il-maħfra, u l-imħabba u l-lealtà taʼ Ġeħova. Meta ssib artikli li jgħinuk, ħu nota tagħhom u agħmilhom f’lista. Poġġi l-lista f’post fejn tistaʼ ssibha malajr, u meta tħossok ansjuż erġaʼ għaddi dawn l-artikli. Hekk kif taqra l-iskritturi fl-artikli, aħseb fil-fond kif tistaʼ timita lil Ġeħova u kif l-affarijiet li jgħidlek jistgħu jgħinuk tħossok aħjar.—Flp. 4:8.

Ħu żagħżugħ qed juża l-Bibbja, it-tablet, u notebook biex jagħmel l-istudju personali. Hu qed jikteb nota fuq il-Bibbja.

Studja suġġetti li se jgħinuk tiġġieled ħsibijiet negattivi (Ara paragrafu 17)


18. Xi aħwa liema suġġetti sabu t’għajnuna li jistudjaw?

18 Eliza, li ssemmiet qabel, għamlet proġett taʼ studju persunali fuq Ġob. Hi tgħid: “Jien għaddejt minn ħafna provi f’daqqa. Ġob kellu ħafna problemi u vera ħassu skuraġġit. Imma għalkemm ma kienx jaf għala qed ibati, hu kompla jistrieħ fuq Ġeħova.” (Ġob 42:​1-6) Diane, li ssemmiet qabel, tgħid: “Jien u żewġi qed nagħmlu proġett taʼ studju fuq il-ktieb Ersaq Qrib Lejn Ġeħova. Aħna napprezzaw ħafna li Ġeħova jifformana bħalma jagħmel wieħed li jaħdem bit-tafal. Meta nħossuna skuraġġiti minħabba l-iżbalji li għamilna, niftakru li Ġeħova qed jgħallimna u jgħinna nsiru nies aħjar. Dan isaħħaħ il-ħbiberija tagħna miegħu.”—Isa. 64:8.

KUN ĊERT LI ĠEĦOVA SE JGĦINEK U JBIERKEK

19. Kultant x’se nħossu, imma minn xiex nistgħu nkunu konvinti?

19 Anki jekk ikollna rutina spiritwali tajba u nadattaw l-istudju persunali għal dak li għandna bżonn aħna, xorta ġieli se nħossuna mdejqin jew ansjużi. Xorta se jkun hemm ġranet li se nħossuna vera skuraġġiti! Però, bl-għajnuna taʼ Ġeħova, nistgħu nieqfu naħsbu fuq affarijiet negattivi u nħossuna iktar kalmi. Nistgħu nkunu konvinti li fil-biċċa l-kbira tal-ġranet se ngawdu l-ħajja u nkunu ferħanin għax għandna ħbiberija sabiħa maʼ Ġeħova u għax nafu li hu ferħan b’dak li nistgħu nagħmlu għalih.

20. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

20 Ejja ma nħallux ħsibijiet negattivi dwar il-passat, il-problemi li jkollna, u l-imperfezzjonijiet tagħna jikkontrollawlna ħajjitna. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, nistgħu nħossuna kalmi meta nkunu ansjużi. (Slm. 143:10) Aħna nħarsu ’l quddiem għad-dinja l-ġdida meta kull ħsieb se jagħmilna ferħanin. F’dak iż-żmien xejn mhu se jġegħelna ninkwetaw u kull filgħodu se nqumu ferħanin li se naqdu lil Ġeħova, Alla tagħna!

INT KIF TWIEĠEB?

  • X’setaʼ ġiegħel lill-appostlu Pawlu biex xi kultant iħossu skuraġġit u ansjuż?

  • X’għen lil Pawlu jaqdi lil Ġeħova bil-ferħ anki meta kultant kellu ħsibijiet negattivi?

  • X’nistgħu nagħmlu meta nħossuna mdejqin jew ansjużi?

GĦANJA 34 Nimxu bl-integrità

a F’dan l-artiklu qegħdin nitkellmu dwar uħud li xi kultant iħossuhom imdejqin jew ansjużi. Dan l-artiklu mhux qed jitkellem għal uħud li jħossuhom dipressi għal tul taʼ żmien u li għandhom bżonn l-għajnuna taʼ tabib.

b Jistaʼ jkun li Pawlu kien ibati mill-vista u jekk ma kienx jara sew, jistaʼ jkun li kien isibha diffiċli biex jikteb lill-kongregazzjonijiet, jivvjaġġa, u jipprietka. (Gal. 4:15; 6:11) Pawlu jistaʼ jkun ukoll li kien ansjuż fuq x’qalu fuqu xi għalliema foloz. (2 Kor. 10:10; 11:​5, 13) Kien x’kien li għamlu ansjuż, li nafu hu li kultant kien ikun imdejjaq.

c Xi ismijiet ġew mibdulin.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja