LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w26 Jannar pp. 14-19
  • Għala Kellna Bżonn il-Fidwa

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala Kellna Bżonn il-Fidwa
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • MINĦABBA L-FIDWA, ĠEĦOVA JISTAʼ JAĦFRILNA
  • MINĦABBA L-FIDWA, GĦANDNA TAMA LI NSIRU PERFETTI
  • MINĦABBA L-FIDWA, IN-NIES JISTAʼ JERĠAʼ JKOLLHOM ĦBIBERIJA TAJBA MAʼ ĠEĦOVA
  • Il-FIDWA TURI LI ĠEĦOVA JĦENN ĦAFNA
  • X’Nitgħallmu mill-Fidwa?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • X’Se Tagħmel Biex Turi li Tapprezza l-Fidwa?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
  • Il-Barkiet li Għandna Peress li Ġeħova Jħobbna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Għala Għandek Tapprezza li Ġeħova Jaħfirlek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
w26 Jannar pp. 14-19

16-22 TAʼ MARZU 2026

GĦANJA 20 Int tajt lill-Iben għażiż tiegħek

Għala Kellna Bżonn il-Fidwa

“Min se jeħlisni mill-ġisem li qed iwassalni għall-mewt?”—RUM. 7:24.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Minħabba l-fidwa, Ġeħova jistaʼ jaħfrilna dnubietna, għandna t-tama li nsiru perfetti, u nistgħu nsiru ħbieb tiegħu.

1-2. Għala għandna bżonn lil xi ħadd biex isalvana? (Rumani 7:​22-24) (Ara wkoll l-istampa.)

IMMAĠINA din is-sitwazzjoni. Taqaʼ binja u raġel jinqabad taħt il-ġebel. Hu għadu ħaj, imma ma jistax jiċċaqlaq u ma jistax joħroġ sakemm ma jgħinux xi ħadd. L-unika ħaġa li jistaʼ jagħmel hi li jgħajjat għall-għajnuna u jittama li jsalvah xi ħadd.

2 Kollha kemm aħna qegħdin f’sitwazzjoni simili. F’liema sens? Meta Adam irribella kontra l-Ħallieq tiegħu, hu sar midneb. Peress li aħna kollha t-tfal tiegħu, kollha kemm aħna sirna midinbin. Minħabba f’hekk, il-bnedmin kollha maqbudin fid-dnub, bħal dak ir-raġel fl-eżempju li nqabad taħt il-ġebel, u bħalu aħna rridu lil xi ħadd biex isalvana. Fl-ittra lir-Rumani, Pawlu spjega sew is-sitwazzjoni midinba tagħna. (Aqra Rumani 7:​22-24.) Hu talab biex jinħeles mill-ġisem li kien qed iwasslu għall-mewt. Bħal dak l-eżempju, Pawlu wkoll ħassu maqbud fid-dnub li rċieva minn Adam, li kien se jwasslu għall-mewt. (Rum. 6:23) Aħna qegħdin fl-istess sitwazzjoni diffiċli. Aħna wkoll għandna bżonn lil xi ħadd biex isalvana!

Raġel imweġġaʼ maqbud f’binja li waqgħet, qed joħroġ idu biex xi ħadd isalvah.

Bħalma raġel li hu maqbud f’binja li waqgħet għandu bżonn min isalvah, aħna maqbudin mid-dnub u għandna bżonn li xi ħadd isalvana (Ara paragrafi 1-2)


3. Il-fidwa b’liema modi ssalvana?

3 Apparti li Pawlu semma s-sitwazzjoni diffiċli li kien fiha, hu qal li għandna wkoll tama. Hu saqsa: “Min se jeħlisni mill-ġisem li qed iwassalni għall-mewt?” Wara hu qal: “Nirringrazzja lil Alla għax hu jeħlisni permezz taʼ Ġesù Kristu l-Mulej tagħna!” (Rum. 7:25) Pawlu kien qed jitkellem dwar is-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa.a Minħabba l-fidwa, (1) Ġeħova jistaʼ jaħfrilna dnubietna, (2) għandna t-tama li fil-futur se nkunu perfetti, u (3) jistaʼ jkollna ħbiberija mill-qrib maʼ Ġeħova. Aħna u niddiskutu dawn il-punti, se nħobbu iżjed lil Ġeħova, “l-Alla li jagħti t-tama.” (Rum. 15:13) Aħna wkoll se napprezzaw iżjed dak li għamel Ġesù għalina, li “permezz tas-sagrifiċċju [tiegħu], dnubietna ġew maħfurin.”—Kol. 1:14.

MINĦABBA L-FIDWA, ĠEĦOVA JISTAʼ JAĦFRILNA

4-5. Għala kollha kemm aħna għandna bżonn il-fidwa? (Ekkleżjasti 7:20)

4 Biex Ġeħova jkun jistaʼ jaħfrilna dnubietna, għandna bżonn il-fidwa. Kollha kemm aħna niżbaljaw, kemm b’dak li ngħidu u anki b’dak li nagħmlu. (Aqra Ekkleżjasti 7:20.) Imma hemm xi dnubiet li huma serji iktar minn oħrajn. Pereżempju, il-Liġi taʼ Mosè kienet tgħid li jekk Iżraeli jagħmel adulterju jew joqtol lil xi ħadd, kellu jinqatel. (Lev. 20:10; Num. 35:​30, 31) Ovvjament, mhux id-dnubiet kollha huma daqshekk serji, imma xorta huma dnubiet. Pereżempju, David qal: “Se noqgħod attent biex ma niżbaljax b’dak li ngħid.” (Slm. 39:1) Dan jurina li anki b’dak li ngħidu nistgħu nidinbu.—Ġak. 3:2.

5 Aħseb dwar dak li għedt u għamilt fil-passat. Ġieli għedt xi ħaġa lil xi ħadd li wara xtaqt li m’għedthiex? Ġieli għamilt xi affarijiet li wara ddispjaċiek? Kollha kemm aħna għedna jew għamilna xi affarijiet li wara ddispjaċiena. Il-Bibbja tgħid: “Jekk ngħidu: ‘M’għandniex dnub,’ inkunu qed nidħqu bina nfusna u ma nkunux qed nemmnu bil-verità.”—1 Ġw. 1:8.

6-7. X’inhi l-bażi biex Ġeħova jaħfrilna dnubietna? (Ara wkoll l-istampa.)

6 Il-fidwa tagħmilha possibbli biex Ġeħova jaħfrilna. (Efes. 1:7) Imma għalkemm Ġeħova jistaʼ jaħfrilna d-dnubiet tagħna minħabba l-fidwa, dan ma jfissirx li hu ma jimpurtahx meta nidinbu. Ġeħova jobgħod meta nagħmlu dnub. (Isa. 59:2) Minħabba l-ġustizzja perfetta tiegħu, Ġeħova kellu bżonn jagħmel xi ħaġa biex ikun jistaʼ jaħfrilna.

7 Skont il-Liġi taʼ Mosè, l-Iżraelin kellhom joffru sagrifiċċji t’annimali biex ipattu għad-dnubiet tagħhom. (Lev. 4:27-31; 17:11) Dawk is-sagrifiċċji wrew li n-nies kellhom bżonn sagrifiċċju ħafna aħjar. Kien is-sagrifiċċju taʼ Ġesù li se jġib ħafna barkiet sbieħ għan-nies kollha. Is-sagrifiċċju tiegħu provda l-bażi legali biex Ġeħova jaħfrilna dnubietna. Pawlu fehem il-benefiċċji li l-mewt taʼ Ġesù kienet se ġġib għan-nies kollha. Meta kiteb lill-Kristjani f’Korintu, l-ewwel qalilhom l-affarijiet ħżiena li kienu għamlu fil-passat. Imma mbagħad qalilhom: “Issa ġejtu maħsulin; ġejtu meqjusin qaddisin; ġejtu meqjusin ġusti f’isem il-Mulej Ġesù Kristu u bl-ispirtu tal-Alla tagħna.”—1 Kor. 6:​9-11.

Familja minn Iżrael ferħanin jagħtu nagħġa lil qassis fit-tempju.

L-Iżraelin kellhom joffru sagrifiċċji tal-annimali biex ipattu għad-dnubiet tagħhom. Dan wera li aħna kellna bżonn is-sagrifiċċju taʼ Ġesù biex jinħafrulna d-dnubiet tagħna u jkollna benefiċċji sbieħ oħrajn (Ara paragrafi 6-7)


8. Dwar xiex tistaʼ taħseb fil-ġimgħat qabel it-Tifkira?

8 Int u tipprepara biex tattendi t-Tifkira taʼ din is-sena, ħu l-ħin biex taħseb kif ħajtek hi aħjar minħabba li Ġeħova ħafirlek. Pereżempju, minħabba l-fidwa, m’għandekx għal xiex tħossok ħażin jew imdejjaq minħabba dnubiet serji li għamilt fil-passat u li diġà ħdimt għalihom. Issibha diffiċli biex temmen li Ġeħova vera ħafirlek għad-dnubiet li kont għamilt? Forsi ġieli ħsibt, ‘Nifhem li Ġeħova jistaʼ jaħfirli, imma jien ma nistax naħfer lili nnifsi.’ Jekk tħossok hekk, ftakar f’dan: Ġeħova hu l-wieħed li jaħfer, u hu ta r-responsabbiltà lil Ġesù biex jiġġudikana. Ġeħova ma ta lill-ebda persuna, inkluż lilek, id-dritt biex tiddeċiedi lil min għandu jaħfer jew ma jaħfirx. Il-Bibbja tgħid: “Jekk nimxu fid-dawl bħalma [Ġeħova] stess qiegħed fid-dawl, . . . id-demm t’Ibnu Ġesù se jnaddafna minn kull dnub.” (1 Ġw. 1:​6, 7) Nistgħu nkunu ċerti minn dan daqs kemm aħna ċerti minn kwalunkwe tagħlim ieħor li hemm fil-Bibbja. Minħabba l-fidwa, Ġeħova għandu l-bażi legali biex jaħfrilna, u l-Bibbja tgħid li hu ‘lest li jaħfer.’—Slm. 86:5.

MINĦABBA L-FIDWA, GĦANDNA TAMA LI NSIRU PERFETTI

9. Fil-Bibbja l-kelma “dnub” xi tfisser? (Salm 51:5 u n-nota taʼ taħt)

9 Il-kelma “dnub” fil-Bibbja ma tirreferix biss għal li tagħmel xi ħaġa ħażina imma anki għall-imperfezzjoni li titwieled biha. (Aqra Salm 51:5 u n-nota taʼ taħt.) Minħabba d-dnub li writna, mhux talli kultant ikollna ħsibijiet ħżiena u nagħmlu affarijiet ħżiena, imma anki ġisimna ma jaħdimx bil-mod kif iddisinjah Ġeħova, u minħabba f’hekk nimirdu, nixjieħu, u mmutu. Għalhekk anki t-trabi li jkunu għadhom kif twieldu u m’għamlu xejn ħażin jistgħu jimirdu u anki jmutu. Dan jgħinna nifhmu wkoll għala n-nies, kemm tajbin u kemm ħżiena, ibatu u jmutu. Minħabba d-dnub li għamel Adam, kollha kemm aħna qegħdin f’din is-sitwazzjoni kerha.

10. Adam u Eva kif ħassewhom wara li dinbu?

10 Aħseb dwar kif ħassewhom Adam u Eva wara li dinbu u saru imperfetti. Id-dnub ġegħelhom iħossuhom ħażin. Eżatt wara li dinbu, il-kuxjenza tagħhom mill-ewwel bdiet tniggiżhom. (Rum. 2:15) Huma ħassew li kien hemm xi ħaġa ħażina. Fil-fatt huma ħassew li riedu jgħattu partijiet minn ġisimhom, u bħal żewġ kriminali nħbew mill-Ħallieq tagħhom. (Ġen. 3:​7, 8) Għall-ewwel darba, Adam u Eva bdew iħossu ħtija, biżaʼ, uġigħ, u mistħija. Dawn kienu emozzjonijiet li baqgħu jħossu sakemm mietu.—Ġen. 3:​16-19.

11. Kif inħossuna peress li aħna imperfetti?

11 Peress li kollha kemm aħna imperfetti, xi kultant anki aħna nħossu ħtija, biżaʼ, uġigħ, u mistħija. L-uġigħ fiżiku u emozzjonali huwa minħabba l-imperfezzjoni tagħna. Anki meta nippruvaw intejbu ħajjitna u nevitaw il-problemi, dejjem se jkun hemm xi problemi li ma nistgħux insolvu waħedna. Għala? Għax il-Bibbja tispjega li peress li Adam u Eva dinbu, in-nies ‘ġew ikkundannati għal ħajja mingħajr tama.’ (Rum. 8:20) Dan narawh jiġri kemm b’mod persunali u kemm madwar id-dinja. Pereżempju, ħafna nies qed jippruvaw jieħdu ħsieb l-ambjent, iwaqqfu l-vjolenza, jgħinu lill-foqra, u jwaqqfu l-gwerer. Għalkemm ġieli jirnexxilhom jagħmlu xi ftit progress, xorta ma jirnexxilhomx isolvuhom dawn il-problemi. Imma minħabba l-fidwa, għandna tama vera. X’inhi din it-tama?

12. Il-fidwa x’tama ttina?

12 Minħabba l-fidwa għandna t-tama li “l-ħolqien . . . se jinħeles mid-dnub u l-mewt.” (Rum. 8:21) Dan ifisser li meta fil-Ġenna tal-art nirċievu l-benefiċċji kollha tal-fidwa u nsiru perfetti, mhux se nbatu iżjed b’mard fiżiku, mentali, jew emozzjonali. U qatt iktar mhu se nerġgħu nħossu ħtija, biżaʼ, uġigħ, jew mistħija. Iktar minn hekk, l-isforzi tagħna biex nieħdu ħsieb l-ambjent u ngħixu fil-paċi mhumiex se jkunu għalxejn. Dan għax il-“Prinċep tal-Paċi,” Ġesù, il-wieħed li ħallas il-fidwa għalina, se jkun qed imexxi u se jgħinna nirnexxu.—Isa. 9:​6, 7.

13. Fil-ġimgħat qabel it-Tifkira, dwar xiex iktar tistaʼ taħseb sew?

13 Aħseb kif se tkun ħajtek meta ma tibqax imperfett. Kull filgħodu se tqum u ħa tħossok b’saħħtek. Qatt mhu se tinkwieta li int jew dawk li tħobb mhux se jkollhom ikel x’jieklu, se jimirdu, jew imutu. Imma anki issa stess tistaʼ tħossok kalm jekk ‘ikollok fiduċja sħiħa fit-tama li għandek.’ “Din it-tama hi bħal ankra għalina, li tgħinna biex inkunu sodi u żguri.” (Lhud 6:​18, 19) Bħalma ankra tgħin biex iżżomm dgħajsa f’postha, jekk b’mod regulari taħseb dwar it-tama li għandek se tkun tistaʼ żżomm fidi soda u tissaporti l-provi li jkollok. Int tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se “jippremja lil dawk li jaqduh bil-ħeġġa.” (Lhud 11:6) Allura, grazzi għall-fidwa, minn issa tistaʼ tħossok inkuraġġit minħabba t-tama li għandek għall-futur.

MINĦABBA L-FIDWA, IN-NIES JISTAʼ JERĠAʼ JKOLLHOM ĦBIBERIJA TAJBA MAʼ ĠEĦOVA

14. Wara li Adam u Eva dinbu, x’ġaralha l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova, u għala?

14 Minn meta Adam u Eva dinbu, in-nies ma setax jibqaʼ jkollhom ħbiberija mill-qrib maʼ Ġeħova. Il-Bibbja anki tgħid li n-nies saru qishom l-għedewwa t’Alla. (Rum. 8:​7, 8; Kol. 1:21) Għala? Għax il-livelli taʼ Ġeħova huma perfetti, allura ma jistax ma jagħtix kas meta xi ħadd jagħmel dnub. Fil-fatt, dwar Ġeħova, il-Bibbja tgħid: “Għajnejk huma wisq puri biex jaraw dak li hu ħażin; u int ma tippermettix il-ħażen.” (Ħab. 1:13) Id-dnub biegħed lin-nies minn Alla. Sakemm ma tissolviex il-ħsara li hemm bejnietna u bejn Ġeħova, ħadd minna ma jistaʼ jkollu ħbiberija miegħu. Il-fidwa kienet is-soluzzjoni biex aħna jerġaʼ jkollna ħbiberija maʼ Ġeħova.

15. Il-mewt taʼ Ġesù kif għamlitha possibbli biex in-nies jerġaʼ jkollhom ħbiberija tajba maʼ Ġeħova?

15 Il-Bibbja tgħid li Ġesù “hu s-sagrifiċċju biex jeħlisna mid-dnub u jgħinna jkollna l-ħbiberija m’Alla.” (1 Ġw. 2:2) Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù kif ippermetta li n-nies jerġaʼ jkollhom ħbiberija maʼ Ġeħova? Il-mewt taʼ Ġesù tat lil Alla tagħna, li hu perfett, id-dritt legali biex jerġaʼ jkollu ħbiberija mill-qrib man-nies. (Rum. 3:​23-26) Hu saħansitra setaʼ jikkunsidra ‘ġusti’ lil dawk li qdewh b’lealtà qabel il-mewt taʼ Kristu. (Ġen. 15:​1, 6) Kif? Għax Ġeħova kien konvint għalkollox li Ibnu Ġesù kien se jħallas il-fidwa. (Isa. 46:10) Il-fidwa għamlitha possibbli biex in-nies ikollhom ħbiberija tajba m’Alla.

16. Dwar xiex tistaʼ taħseb iżjed int u tipprepara biex tattendi t-Tifkira taʼ din is-sena? (Ara wkoll l-istampa.)

16 Aħseb fil-benefiċċji kollha li għandek bħalissa peress li għandek ħbiberija tajba maʼ Ġeħova. Pereżempju, lil Ġeħova tistaʼ tgħidlu ‘Missier,’ bħalma għallimna Ġesù. (Mat. 6:9) Kultant, jaf anki ssejjaħ lil Ġeħova l-“Ħabib” tiegħek. Meta lil Ġeħova ngħidulu “Missier” jew “Ħabib,” irridu nagħmlu dan b’rispett kbir u b’umiltà. Għala? Minħabba li aħna midinbin, ma jistax ikollna ħbiberija maʼ Ġeħova bis-saħħa tagħna. Minħabba l-fidwa biss jistaʼ jkollna ħbiberija maʼ Ġeħova. Ġeħova għamilha possibbli biex “permezz tad-demm li Kristu xerred fuq iz-zokk tat-tortura . . . ikun hemm ħbiberija bejn Alla u dawk li huma fis-sema u fuq l-art.” (Kol. 1:​19, 20) Għalhekk, nistgħu ngawdu ħbiberija maʼ Ġeħova anki bħalissa li aħna imperfetti.

Suldati Rumani qed jippreparaw biex isammru lil Ġesù maʼ zokk tat-tortura. Żewġ suldati qed iressqu lil Ġesù viċin iz-zokk waqt li suldat ieħor għandu martell u musmar f’idu.

Is-sagrifiċċju tal-mewt taʼ Ġesù biss setaʼ jagħti bażi legali biex Ġeħova jkollu ħbiberija tajba man-nies (Ara paragrafu 16)


Il-FIDWA TURI LI ĠEĦOVA JĦENN ĦAFNA

17. Il-fidwa kif turina li Ġeħova jħenn ħafna? (Efesin 2:​4, 5)

17 Il-fidwa turi li Ġeħova “jħenn ħafna.” Hu “tana l-ħajja . . . meta konna bħallikieku mejtin minħabba d-dnubiet tagħna.” (Aqra Efesin 2:​4, 5.) Dawk li huma “lesti li jaċċettaw il-verità li twassal għal ħajja taʼ dejjem” qed jgħajtu għall-għajnuna, għax huma jafu li huma maqbudin bid-dnub li writna u għandhom bżonn lil xi ħadd biex isalvahom. (Atti 13:48) Ġeħova jgħinhom billi jagħmel ċert li jitgħallmu dwar l-aħbar tajba tas-Saltna, ħalli jkunu jistgħu jsiru jafu lilu u lil Ibnu Ġesù. (Ġw. 17:3) Satana kien żbaljat għall-aħħar meta ħaseb li bid-dnub t’Adam u Eva kien se jwaqqaf lil Alla milli jwettaq l-iskop tiegħu.

18. Waqt li naħsbu sew fuq il-fidwa, liema kwistjoni importanti rridu nżommu f’moħħna?

18 Waqt li naħsbu sew dwar il-benefiċċji li l-fidwa tagħmel possibbli għalina persunali, irridu niftakru fir-raġuni prinċipali għala Ġeħova provda l-fidwa. Hu ta l-fidwa mhux biex isalvana biss, imma wkoll biex jagħmel xi ħaġa iktar importanti. Il-fidwa hija l-mod kif Ġeħova jwieġeb dak li Satana akkużah bih fil-ġnien tal-Għeden. (Ġen. 3:​1-5, 15) Permezz tal-fidwa, Ġeħova jqaddes lil ismu, jiġifieri juri li l-affarijiet ħżiena li Satana qal dwaru mhumiex veri. Ukoll hu jsalvana mid-dnub u l-mewt, u b’hekk juri li hu Alla li jħobb. U minħabba l-qalb tajba kbira tiegħu, minkejja li aħna midinbin, Ġeħova jħallina nuru li l-gideb li Satana qal dwaru mhuwiex veru. (Prov. 27:11) Kif tistaʼ turi li tapprezza l-fidwa? Se nwieġbu din il-mistoqsija fl-artiklu li jmiss.

IL-FIDWA KIF TAGĦMILHIELNA POSSIBBLI LI . . .

  • jinħafrulna dnubietna?

  • ikollna tama li nsiru perfetti?

  • inkunu ħbieb maʼ Ġeħova?

GĦANJA 19 L-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej

a ESPRESSJONI SPJEGATA: Fidwa hija l-prezz li jitħallas biex jinħeles ilsir. Is-sagrifiċċju tal-mewt taʼ Ġesù huwa l-fidwa li teħles lin-nies li jobdu lil Alla mid-dnub u l-mewt.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja