2-8 TAʼ MARZU 2026
GĦANJA 97 Ħajjitna tiddependi mill-Kelma t’Alla
Kompli Strieħ Fuq il-Gwida taʼ Ġeħova
L-ISKRITTURA GĦAS-SENA 2026: “Ferħanin huma dawk li jafu li għandhom bżonn lil Alla.”—MAT. 5:3.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Ġeħova pprovdielna gwida li tagħmilna vera ferħanin. Se naraw xi rridu nagħmlu biex inkomplu nħallu lil Ġeħova jiggwidana u nkunu vera ferħanin.
1. X’inhuma xi affarijiet li n-nies għandhom bżonn? (Mattew 5:3)
ĠEĦOVA jaf eżatt x’għandhom bżonn in-nies. Pereżempju, hu jaf li għandna bżonn l-ikel, il-ħwejjeġ, u post fejn ngħixu. Jekk ma jkollniex dawn l-affarijiet nistgħu mmutu jew il-ħajja ssir vera diffiċli. Imma minbarra dawn l-affarijiet materjali, Ġeħova jaf li għandna bżonn xi ħaġa oħra. Hu ħalaqna bil-bżonn li nsiru nafuh u nfittxu l-gwida tiegħu. (Aqra Mattew 5:3.) Jekk irridu nkunu vera ferħanin, irridu nifhmu li għandna bżonn inkunu ħbieb taʼ Ġeħova u mbagħad nibqgħu nafdawh.
2. Is-sitwazzjoni tagħna kif inhi bħal taʼ xi ħadd li jittallab?
2 Il-frażi oriġinali li ntużat għal “dawk li jafu li għandhom bżonn lil Alla” tagħti l-idea taʼ xi ħadd fqir u li għandu bżonn l-għajnuna. Immaġina xi ħadd li jittallab. Hu għandu l-ħwejjeġ maħmuġin u mqattgħin, u jidher li ma tantx għandu x’jiekol. Matul il-ġurnata, hu jintefaʼ fil-ġenb tat-triq fis-sħana u mbagħad mal-lejl iħoss ħafna bard. In-nies jevitawh kemm jistaʼ jkun minħabba l-mod kif jidher. Hu għajjien u mdejjaq. Dan ir-raġel jaf li biex jibqaʼ ħaj u jerġaʼ jġib saħħtu lura għandu bżonn jitlob għall-għajnuna. Bl-istess mod, dawk li jafu li għandhom bżonn lil Alla ma jiddejqux jitolbuh għall-għajnuna u jisimgħu minnu.
3. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
3 F’dan l-artiklu l-ewwel se niddiskutu x’nistgħu nitgħallmu minn mara mill-Feniċja, li talbet bil-ħniena lil Ġesù biex jgħinha. Se naraw kif nistgħu nimitawha jekk irridu lil Ġeħova jiggwidana. Imbagħad se niddiskutu l-eżempji li ħallewlna Pietru, Pawlu, u r-Re David, li kollha kienu rġiel li riedu l-għajnuna taʼ Ġeħova f’ħajjithom.
TLIET KWALITAJIET IMPORTANTI LI GĦANDNA BŻONN
4. Mara mill-Feniċja xi xtaqet lil Ġesù jagħmel?
4 Darba waħda, mara mill-Feniċja marret għand Ġesù. Hi qaltlu: “It-tifla tiegħi qed tbati ħafna għax għandha demonju fiha.” (Mat. 15:21-28) Il-mara niżlet għarkopptejha u talbet lil Ġesù bil-ħniena biex jgħin lit-tifla tagħha. Din il-mara wriet kwalitajiet importanti ħafna b’dak li għamlet. Ejja naraw kif nistgħu nimitaw tlieta minnhom.
5. Il-mara liema kwalitajiet uriet, u Ġesù kif għenha? (Ara wkoll l-istampa.)
5 Il-mara mill-Feniċja wriet li vera kienet umli. Għala nistgħu ngħidu hekk? Għax hi ma ħaditx għaliha minħabba l-mod kif weġibha Ġesù. Hu qabbilha ma’ kelb żgħir li n-nies li ma kinux Lhud kienu jżommuh id-dar bħala pet. Kieku Ġesù qal dak il-kliem lilek, kif kont tħossok? Kont ħa tħossok offiż u titlaq ’l hemm? Il-mara mill-Feniċja m’għamlitx hekk. Hi kienet umli. Imma xi ħaġa oħra li għamlet kienet li ma qatgħetx qalbha. Dan narawh ċar mill-mod kif baqgħet titlob lil Ġesù għall-għajnuna. Hi għala għamlet hekk? Għax kellha fidi kbira f’Ġesù. Fil-fatt, meta Ġesù ra kemm kellha fidi b’saħħitha, iddeċieda li jgħinha. Avolja kien għadu kif qalilha li hu kien mibgħut biex ‘jgħin lin-nies t’Iżrael biss, li kienu bħal nagħaġ mitlufin,’ Ġesù għenha u keċċa d-demonju mit-tifla tagħha.
Biex Ġesù jgħinha, il-mara mill-Feniċja kellha bżonn l-umiltà, li ma taqtax qalbha, u l-fidi (Ara paragrafu 5)
6. Kif nistgħu nimitaw lill-mara mill-Feniċja?
6 Jekk irridu nibbenefikaw mill-gwida li jagħti Ġeħova, hemm bżonn li nimitaw lill-mara mill-Feniċja. Irridu nkunu umli, ma naqtgħux qalbna, u jkollna fidi b’saħħitha. Xi ħadd li hu umli biss se jibqaʼ jitlob lil Alla għall-għajnuna. Hemm bżonn ukoll li jkollna fidi b’saħħitha fi Kristu Ġesù u nafdaw lil dawk li qed juża biex imexxi lin-nies tiegħu. (Mat. 24:45-47) Ġeħova u Ġesù jieħdu pjaċir meta aħna nkunu umli, ma naqtgħux qalbna u nibqgħu nitolbu għall-għajnuna, u jkollna l-fidi. U jekk nagħmlu hekk, żgur se jgħinuna u jiggwidawna. (Ara l-prinċipju f’Ġakbu 1:5-7.) Imma issa ejja naraw kif Ġeħova jiggwidana u jtina dak li għandna bżonn biex inkunu ferħanin. Se naraw x’hemm bżonn nagħmlu biex nibbenefikaw minn dak li Ġeħova jipprovdilna billi nistudjaw l-eżempji tal-appostli Pietru u Pawlu u tar-Re David.
BĦAL PIETRU KOMPLI STUDJA L-KELMA T’ALLA
7. Ġesù liema xogħol ta lil Pietru, imma Pietru x’kellu bżonn jibqaʼ jagħmel? (Lhud 5:14; 6:1)
7 Aħseb dwar l-eżempju tal-appostlu Pietru. Hu kien wieħed mill-ewwel Lhud li nduna li Ġesù kien il-Messija. Hu rrealizza li Ġeħova kien qed juża lil Ġesù biex jgħallem lin-nies kif jistaʼ jkollhom il-ħajja taʼ dejjem. (Ġw. 6:66-68) Qabel ma Ġesù telaʼ s-sema, hu qal lil Pietru: “Itmaʼ n-nagħaġ żgħar tiegħi.” (Ġw. 21:17) Pietru għamel dak li qallu Ġesù u għen biex il-kongregazzjonijiet jitgħallmu dwar Ġeħova. Ġeħova użah ukoll biex jikteb żewġ ittri li saru parti mill-Bibbja. Imma anki Pietru kellu bżonn jiekol ikel spiritwali. Pereżempju, hu studja l-ittri li l-appostlu Pawlu kien kiteb u li kienu diġà saru parti mill-Bibbja. Pietru qal li xi affarijiet li kiteb Pawlu “[kienu] diffiċli biex tifhimhom.” (2 Pt. 3:15, 16) Imma hu kellu fidi li Ġeħova se jgħinu jifhem “l-ikel solidu” li kiteb Pawlu u jgħinu japplikah.—Aqra Lhud 5:14; 6:1.
8. Pietru x’għamel meta rċieva direzzjoni ġdida mingħand Ġeħova?
8 Pietru wera li kellu fidi f’Ġeħova għax obda d-direzzjoni li rċieva. Pereżempju, meta Pietru kien fil-belt taʼ Ġaffa, deherlu anġlu u qallu biex jiekol annimali li skont il-Liġi li Alla ta lil Mosè, il-Lhud ma kellhomx jikluhom. Pietru, li kien trabba u għex skont ir-reliġjon tal-Lhud ħajtu kollha, ħass li ma kienx sew li jiekol minn dawk l-annimali. Fil-fatt, għall-ewwel wieġeb: “Żgur li le Mulej, għax jien qatt ma kilt xi ħaġa li skont il-Liġi hi mniġġsa u mhux nadifa.” Imbagħad, l-anġlu qallu: “Dak li naddaf Alla tibqax tgħidlu mniġġes.” (Atti 10:9-15) Imbagħad Pietru fehem u obda. Kif nafu? Wara l-viżjoni li kellu, marru tlett irġiel għandu u qalulu li s-sid tagħhom, Kornelju, ried li Pietru jmur għandu. Qabel ma ra l-viżjoni, Pietru qatt ma kien se jidħol fid-dar taʼ Kornelju peress li Kornelju ma kienx Lhudi. Il-mexxejja Lhud kienu jgħallmu li hu ħażin li n-nies imorru għand dawk li mhumiex Lhud. (Atti 10:28, 29) Imma Pietru fehemha d-direzzjoni l-ġdida, li Ġeħova jixtiequ jipprietka l-aħbar tajba lin-nies kollha, u obda mill-ewwel. (Prov. 4:18) Hu pprietka lil Kornelju u l-familja tiegħu, u wara kellu l-privileġġ li jarahom ikollhom fidi f’Ġesù, jirċievu l-ispirtu qaddis, u jitgħammdu.—Atti 10:44-48.
9. B’liema żewġ modi tistaʼ tibbenefika jekk tistudja affarijiet li jistgħu jkunu diffiċli biex tifhimhom?
9 Bħal Pietru, hemm bżonn li b’mod regulari nistudjaw il-Kelma t’Alla. Meta nagħmlu hekk, taʼ spiss se niltaqgħu m’affarijiet li jkunu faċli biex nifhmuhom. Imma hemm bżonn ukoll li nieħdu pjaċir nistudjaw affarijiet li jistgħu jkunu diffiċli biex nifhmuhom. Dawn huma bħal ikel solidu. Aħna rridu nwarrbu l-ħin biex nistudjaw fil-fond il-Kelma t’Alla u rridu nagħmlu sforz biex nifhmu affarijiet li ma konniex nifhmuhom. Għala? Minn tal-inqas għal żewġ raġunijiet: L-ewwel, se nitgħallmu affarijiet dwar Ġeħova li se jgħinuna nħobbuh u nirrispettawh iktar. U t-tieni, meta nitgħallmu xi ħaġa ġdida dwar Ġeħova li ma konniex nafu qabel, se tikbrilna iktar ix-xewqa biex nitkellmu m’oħrajn dwaru. (Rum. 11:33; Riv. 4:11) Xi ħaġa oħra li nistgħu nitgħallmu minn Pietru hi: Meta nirċievu xi bidla f’dak li nemmnu, irridu nbiddlu l-mod kif naħsbu u dak li nagħmlu malajr kemm jistaʼ jkun. B’hekk biss Ġeħova se jkun jistaʼ jkompli jiggwidana u aħna se nkunu nistgħu nkomplu naqduh b’lealtà.
BĦAL PAWLU URI KWALITAJIET LI JOGĦĠBU LIL ALLA
10. Skont Kolossin 3:8-10, kif nistgħu nagħmlu lil Ġeħova ferħan?
10 Jekk irridu nkunu ferħanin u nħallu lil Ġeħova jiggwidana, irridu naħdmu biex ikollna personalità li togħġbu. Ġeħova jgħidilna xi rridu nagħmlu. L-appostlu Pawlu qal li rridu ‘ninżgħu l-personalità l-qadima’ u ‘nilbsu l-ġdida.’ (Aqra Kolossin 3:8-10.) Jieħu l-ħin u rridu nagħmlu sforz biex nitgħallmu nimitaw il-kwalitajiet taʼ Ġeħova. Aħseb dwar l-eżempju tal-appostlu Pawlu stess. Minn meta kien żgħir, hu ħadem iebes biex jagħmel lil Alla ferħan. (Gal. 1:14; Flp. 3:4, 5) Imma ma kienx fehem kif għandu jqim lil Alla kif suppost. Pawlu ma kienx jaf il-verità dwar x’għallem Ġesù. Hu kien kburi, allura għamel affarijiet li ma jogħġbux lil Alla. Fil-fatt, hu qal li kien ‘jitkellem bl-aħrax.’—1 Tim. 1:13.
11. Pawlu x’bidla kellu bżonn jagħmel? Spjega.
11 Qabel sar Kristjan, Pawlu kienet taqbiżlu ħafna. Fil-fatt, fil-ktieb tal-Atti hemm miktub li Pawlu tant kien irrabjat għad-dixxipli li “kien determinat li jġiegħel lid-dixxipli tal-Mulej ibatu u joqtolhom.” (Atti 9:1) Wara li sar Kristjan, hu żgur ħadem iebes biex jikkontrolla r-rabja, u sar paċenzjuż u kalm. (Efes. 4:22, 31) Però, meta Pawlu u Barnaba kellhom argument, spiċċaw biex “kellhom xi jgħidu sew.” (Atti 15:37-39) Dak il-ħin, Pawlu m’għamilx l-affarijiet kif xtaqu Ġeħova, imma hu kompla jaħdem iebes ħalli ‘jiddixxiplina sew lil ġismu’ biex ikun it-tip taʼ persuna li xtaqu Ġeħova.—1 Kor. 9:27.
12. X’għen lil Pawlu jkompli jagħmel il-bidliet fil-personalità tiegħu?
12 Pawlu rnexxielu jbiddel il-personalità tiegħu għax ma straħx fuqu nnifsu. (Flp. 4:13) Bħal Pietru, hu straħ fuq “is-saħħa li jagħti Alla.” (1 Pt. 4:11) Imma xorta waħda, meta kien jiżbalja, hu ħassu skuraġġit. Però, meta kien jiġri hekk, hu kien jiftakar f’kulma kien għamel għalih Ġeħova u dan kien jgħinu jkompli jagħmel il-bidliet biex jogħġob lil Ġeħova.—Rum. 7:21-25.
13. Kif nistgħu nimitaw lil Pawlu?
13 Aħna nistgħu nimitaw lil Pawlu billi nibqgħu naħdmu iebes u nilbsu l-personalità l-ġdida. Anki jekk ilna snin sħaħ fil-verità, żgur se nagħmlu xi żbalji. Pereżempju, jaf nirrabjaw jew ngħidu xi ħaġa li biha nweġġgħu lil ħaddieħor. Imma meta jiġri hekk, ma rridux naħsbu li qatt ma nistgħu nagħmlu lil Ġeħova ferħan. Minflok, irridu nibqgħu nipprovaw nagħmlu l-bidliet li hemm bżonn. (Rum. 12:1, 2; Efes. 4:24) Però, hemm bżonn li nżommu din il-ħaġa importanti f’moħħna: Li nilbsu l-personalità l-ġdida mhuwiex bħal meta nkunu qed nilbsu ħwejjeġ letterali, li nistgħu nbiddlu skont is-size li jiġina. Il-personalità l-ġdida ġejja mingħand Ġeħova u aħna rridu nadattaw skont il-livelli li jtina hu u naħdmu iebes biex nilħquhom.
BĦAL DAVID ĦALLI LIL ĠEĦOVA JIPPROTEĠIK
14-15. Ġeħova b’liema modi jipproteġina? (Salm 27:5) (Ara wkoll l-istampa.)
14 Biex inkunu vera ferħanin, għandna bżonn ukoll li Ġeħova jipproteġina. Hu b’liema modi jipproteġina, u kif nistgħu nagħmlu ċert li nħalluh jipproteġina?
15 Ir-Re David kien ċert li meta jgħaddi minn żmien diffiċli, Ġeħova kien se jieħu ħsiebu. (Aqra Salm 27:5.) Imma llum Ġeħova kif jipproteġihom lin-nies tiegħu? Hu jipproteġina minn kull ħaġa jew kull min jistaʼ jkissrilna l-fidi fih. Ġeħova jwegħedna li l-‘ebda arma li ssir biex tagħmlilna l-ħsara mhi se tirnexxi.’ (Slm. 34:7; Isa. 54:17) Hu vera li Satana, id-demonji, u dawk li jippersegwitawna huma b’saħħithom, imma nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova hu ħafna iktar b’saħħtu minnhom. Anki jekk joqtluna, Ġeħova se jirxoxtana. (1 Kor. 15:55-57; Riv. 21:3, 4) Mod ieħor kif Ġeħova jipproteġina hu meta nkunu ansjużi. Hu jgħinna biex ma niqfux naqduh. (Prov. 12:25; Mat. 6:27-29) U Missierna tas-sema, peress li jħobbna, itina l-aħwa li jissapportjawna u jinkuraġġuna meta ngħaddu minn żmien diffiċli. Hu jtina wkoll lill-anzjani li jgħallmuna u jgħinuna nżommu fidi b’saħħitha. (Isa. 32:1, 2) U meta mmorru l-laqgħat nitgħallmu modi oħra taʼ kif Ġeħova jgħinna u jipproteġina.—Lhud 10:24, 25.
Oħt qed tfittex il-protezzjoni taʼ Ġeħova billi tattendi l-laqgħat mal-aħwa (Ara paragrafi 14-15)
16. Ġeħova b’liema modi pproteġa lil David?
16 Meta David obda lil Ġeħova, hu kien protett mill-ħsara u l-problemi li jiġu fuq dawk li jidinbu apposta. (Ara l-prinċipju fi Proverbji 5:1, 2.) Imma meta David m’obdiex lil Ġeħova, bata minħabba d-deċiżjonijiet tiegħu. Ġeħova ma neħħilux il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet ħżiena li kien ħa. (2 Sam. 12:9, 10) Imma xi ngħidu dwar meta David bata minħabba oħrajn u mhux għax kien għamel xi ħaġa ħażina? Meta ġara hekk, hu fetaħ qalbu ma’ Ġeħova dwar dak kollu li kien jinkwetah, u Ġeħova pproteġieh. Kif? Hu inkuraġġieh billi wiegħdu li se jieħu ħsiebu u għenu jħoss li hu kien iħobbu.—Slm. 23:1-6.
17. Kif nistgħu nimitaw lil David?
17 Aħna nistgħu nimitaw lil David billi meta nkunu se nieħdu deċiżjoni, nitolbu lil Ġeħova u nfittxu għall-pariri tiegħu. Imma hemm bżonn nifhmu wkoll li xi drabi jistaʼ jkun li nbatu mhux għax Ġeħova jkun telaqna jew ma jkunx qed jipproteġina, imma minħabba l-konsegwenzi taʼ deċiżjoni ħażina li nkunu ħadna. Imma anki meta nobdu lil Ġeħova nistgħu nbatu. (Gal. 6:7, 8) U meta jiġri hekk, tistaʼ tiftaħ qalbek ma’ Ġeħova u tkun ċert li hu se jinkuraġġik u jgħinek tħoss l-imħabba tiegħu.—Flp. 4:6, 7.
KOMPLI STRIEĦ FUQ ĠEĦOVA GĦALL-GWIDA
18. (a) Illum ħafna nies x’jaħsbu dwar li jfittxu gwida mingħand Alla? (b) Jekk irridu li Ġeħova jkompli jiggwidana, x’hemm bżonn nagħmlu? (Ara wkoll l-istampi.)
18 L-iskrittura li ġiet magħżula għal din is-sena tgħid: “Ferħanin huma dawk li jafu li għandhom bżonn lil Alla.” Hu importanti li nagħmlu dan iktar minn qatt qabel. Għala? Għax aħna mdawrin b’nies li ma jaċċettawx li għandhom bżonn lil Alla u l-gwida tiegħu. U ħafna oħrajn jemmnu f’Alla imma jippreferu jaqduh kif jogħġob lilhom u mhux kif irid hu. Imbagħad hemm nies oħra li joqogħdu fuq il-gwida tan-nies. Minħabba f’hekk, mhumiex ferħanin. Qatt m’għandna nħallu lil dawn in-nies jinfluwenzawna. Kif? Jistaʼ jirnexxilna biss jekk inkomplu nistudjaw il-Kelma t’Alla, nibqgħu nitgħallmu nuru kwalitajiet li jogħġbu lil Alla, u nobdu lil Ġeħova u nħalluh jipproteġina.
Aħna rridu nkomplu nitgħallmu dwar Ġeħova, nuru kwalitajiet li jogħġbuh, u nħalluh jipproteġina (Ara paragrafu 18)a
GĦANJA 162 Il-Bżonn li Nsir Naf lil Alla
a X’JURUNA L-ISTAMPI: L-oħt tal-istampa taʼ qabel qed tfittex il-gwida taʼ Ġeħova billi tistudja It-Torri tal-Għassa, qed turi qalb tajba għax tixtieq li jkollha kwalitajiet li jogħġbu lil Ġeħova, u qed taċċetta l-għajnuna mingħand l-anzjani li bi mħabba qed jgħinuha u jinkuraġġuha.