Il-Manuskritt Mitluf Taʼ John Milton
FTIT kien hawn kittieba li ħallew impatt kbir fuq id-dinja taʼ madwarhom daqskemm ħalla John Milton, l-awtur tal-poeżija storika bl-Ingliż Paradise Lost. Skond wieħed bijografu, Milton “kien maħbub minn ħafna nies, mibgħud minn xi wħud, iżda ftit kienu dawk in-nies li qatt ma semgħu bih.” Sa llum, xogħlu kkontribwixxa bil-kbir għal-letteratura u l-kultura Ingliża.
John Milton kif kellu influwenza bħal din? X’kien li għamel ix-xogħol finali tiegħu—On Christian Doctrine—tant kontroversjali li baqaʼ ma ġiex pubblikat għal 150 sena?
Il-Ħajja Bikrija Tiegħu
John Milton twieled f’familja sinjura ħafna minn Londra fl-1608. “Missieri ħejjieni minn kmieni fit-tfulija tiegħi biex nistudja l-letteratura, u minn meta kelli 12-il sena rari kont immur norqod qabel nofsillejl tant kemm kont inħobb nistudja,” jiftakar Milton. Hu kien imur tajjeb ħafna fl-iskola u kien ħa l-lawrja taʼ master’s fl-Università taʼ Cambridge fl-1632. Wara dan, hu kompla jaqra kotba taʼ l-istorja u l-letteratura klassika.
Milton ried ikun poeta, iżda lura fi żmienu l-Ingilterra kienet għaddejja mill-ġlieda iebsa tar-rivoluzzjoni. Il-parlament, immexxi primarjament minn Oliver Cromwell, ħatar qorti li ordnat li jinqatel ir-Re Karlu I fl-1649. Billi uża proża persważiva, Milton iġġustifika din l-azzjoni u sar kelliemi għall-gvern taʼ Cromwell. Fil-fatt, qabel ma kiseb il-fama bħala poeta, John Milton kien diġà magħruf sew għall-fuljetti tiegħu dwar il-politika u l-morali.
Wara li ġiet restawrata l-monarkija bl-inkurunazzjoni taʼ Karlu II fl-1660, ir-relazzjoni li Milton kellu qabel maʼ Cromwell poġġietlu ħajtu fil-periklu. Milton kellu jinħeba għal xi żmien, u kien biss bl-għajnuna taʼ sħabu li kienu fil-poter li rnexxielu jiskansa l-mewt. Matul dan kollu, hu baqaʼ interessat ħafna f’affarijiet spiritwali.
“Il-Livelli tal-Bibbja”
Meta ddeskriva l-interessi spiritwali li kellu fil-bidu, Milton kiteb: “Mindu kont għadni tifel, jien bdejt niddedika ruħi għal studju bis-serjetà tat-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid bil-lingwi oriġinali tagħhom.” Milton beda jqis l-Iskrittura Mqaddsa bħala l-unika gwida taʼ min joqgħod fuqha fi kwistjonijiet morali u spiritwali. Iżda l-eżaminar tiegħu tal-kotba tradizzjonali dwar ir-reliġjon li kienu aċċettati dak iż-żmien ħallewh diżappuntat bil-kbir. “Kont tal-fehma li ma jkunx xieraq li nibbaża t-twemmin jew it-tama tiegħi taʼ salvazzjoni fuq dawn il-kotba,” hu kiteb iktar tard. Determinat li janalizza t-twemmin tiegħu b’mod strett “mal-livelli tal-Bibbja,” Milton beda jagħmel listi taʼ skritturi li ħass li kienu importanti taħt titli ġenerali u kkwota skritturi Bibliċi minn dawn il-listi.
Illum, John Milton huwa mfakkar l-iktar għall-kompożizzjoni taʼ Paradise Lost, poeżija narrattiva tar-rakkont Bibliku dwar it-telfien tal-perfezzjoni tal-bniedem. (Ġenesi, kapitlu 3) Primarjament, huwa dan ix-xogħol, li ġie pubblikat għall-ewwel darba fl-1667, li wassal biex Milton jikseb fama letterarja, speċjalment f’pajjiżi fejn huwa mitkellem l-Ingliż. Iktar tard, hu ppubblika poeżija li tkompli mar-rakkont bl-isem Paradise Regained. Dawn il-poeżiji jippreżentaw l-iskop oriġinali t’Alla għall-bnedmin—li jgawdu ħajja perfetta f’Ġenna taʼ l-art—u jirreferu għar-restawrazzjoni tal-Ġenna fuq l-art li Alla kellu jagħmel permezz taʼ Kristu. Per eżempju, f’Paradise Lost, Mikiel l-arkanġlu jbassar iż-żmien meta Kristu se “jippremja lill-uħud leali Tiegħu, u jagħtihom hena etern, kemm jekk fis-sema jew fl-art, ladarba mbagħad l-art se tkun kollha ġenna, post taʼ ħafna iktar hena minn dan taʼ l-Għeden, u ġranet ħafna iktar henjin.”
Il-Manuskritt “On Christian Doctrine”
Għal bosta snin, Milton ried ukoll jikteb ktieb b’diskussjonijiet dettaljati dwar il-ħajja u d-duttrina Kristjana. Minkejja li sa l-1652 kien għema għalkollox, hu ħadem fuq dan il-proġett bl-għajnuna tas-segretarji sa ma miet fl-1674. Milton semma x-xogħol finali tiegħu A Treatise on Christian Doctrine Compiled From the Holy Scriptures Alone. Fid-daħla tal-ktieb tiegħu, hu kiteb: “Ħafna mill-awturi li ttrattaw dan is-suġġett . . . niżżlu biss noti marġinali, b’referenza qasira għall-kapitlu u l-vers, dwar l-iskritturi li fuqhom jiddependi dak kollu li jgħallmu. Jien, mill-banda l-oħra, stinkajt biex nimla l-paġni tiegħi, saħansitra billi ma kienx hemm iktar post, bi kwotazzjonijiet meħudin mill-partijiet kollha tal-Bibbja.” Bħalma qal Milton, On Christian Doctrine jirreferi għall-Iskrittura jew jikkwota minnha iktar minn 9,000 darba.
Għalkemm Milton qabel ma kienx ħasibha darbtejn biex jesprimi l-opinjonijiet tiegħu, hu qagħad lura milli jippubblika dan il-manuskritt. Għala? Raġuni waħda hi li hu kien jaf li l-ispjegazzjonijiet Skritturali li kien hemm fih kienu differenti ħafna mit-tagħlim aċċettat mill-knisja. Iktar minn hekk, minħabba li l-pajjiż reġaʼ beda jitmexxa mir-Re, hu ma baqax ikollu l-approvazzjoni tal-gvern. Għalhekk, hu għandu mnejn kien qed jistenna żminijiet iktar kwieti. Kien x’kien il-każ, wara l-mewt taʼ Milton, is-segretarju tiegħu ħa l-manuskritt bil-Latin għand stamperija li rrifjutat li tistampahulu. Is-segretarju taʼ l-istat Ingliż imbagħad ikkonfiskalu l-manuskritt u refgħu. Kellhom jgħaddu seklu u nofs qabel ma l-manuskritt taʼ Milton ġie skopert.
Fl-1823, skrivan sab il-manuskritt tal-poeta famuż imgeżwer. Ir-Re Ġorġ IV, li dak iż-żmien kien qed jaħkem l-Ingilterra, ordna li x-xogħol ikun tradott mil-Latin u magħmul disponibbli għall-pubbliku. Meta ġie pubblikat bl-Ingliż sentejn wara, il-manuskritt qajjem kontroversja sħiħa fl-oqsma tat-teoloġija u tal-letteratura. Wieħed isqof stqarr minnufih li l-manuskritt kien falz, u rrifjuta li jemmen li Milton—meqjus minn ħafna nies bħala l-akbar poeta reliġjuż fl-Ingilterra—setaʼ ċaħad b’mod daqshekk sod id-duttrini li l-knisja kienet tqis bħala sagri. Billi basar reazzjoni bħal din u bil-konferma taʼ l-awtorità taʼ Milton, it-traduttur poġġa f’din l-edizzjoni tal-manuskritt noti taʼ taħt dettaljati b’500 xebh bejn On Christian Doctrine u Paradise Lost.a
It-Twemmin taʼ Milton
Sa żmien Milton, l-Ingilterra kienet ħaddnet ir-Riforma Protestanta u ma baqgħetx tissieħeb mal-Knisja Kattolika Rumana. Il-Protestanti ġeneralment kienu jemmnu li l-awtorità fuq kwistjonijiet taʼ fidi u morali kienet tiġi biss mill-Iskrittura Mqaddsa u mhux mill-papa. Madankollu, f’On Christian Doctrine, Milton wera li lanqas ħafna tagħlim u prattiki Protestanti ma kienu fi qbil maʼ l-Iskrittura. Fuq bażi Biblika, hu ċaħad id-duttrina Kalvinista tal-predestinazzjoni u minflok appoġġa r-rieda ħielsa. Hu ppromwova l-użu bir-rispett taʼ l-isem t’Alla, Ġeħova, u użah spiss fil-kitbiet tiegħu.
Milton uża l-Iskrittura biex jirraġuna li r-ruħ tal-bniedem tistaʼ tmut. Meta kkummenta dwar Ġenesi 2:7, Karm Żammit), hu kiteb: “Meta l-bniedem ġie maħluq b’dan il-mod, l-Iskrittura tgħid, fl-aħħar: u l-bniedem sar ruħ ħajja. . . . Il-bniedem m’huwiex doppju jew jistaʼ jinfired: mhux bħalma hu maħsub spiss, magħmul u kompost minn żewġ elementi differenti minn xulxin, ir-ruħ u l-ġisem. Għall-kuntrarju, il-bniedem kollu kemm hu huwa r-ruħ, u r-ruħ hija l-bniedem.” Milton imbagħad qajjem il-mistoqsija: “Il-bniedem kollu kemm hu jmut, jew il-ġisem fiżiku biss?” Wara li ppreżenta bosta versi Bibliċi li juru li l-bniedem kollu kemm hu jmut, hu żied jgħid: “Iżda l-iktar spjegazzjoni konvinċenti li nistaʼ nagħti dwar il-mewt tar-ruħ hija l-ispjegazzjoni t’Alla, Eżek[jel 18:]20 (KŻ ): ir-ruħ li tidneb, tmut.” Milton semma wkoll skritturi bħal Luqa 20:37 u Ġwanni 11:25 biex juri li t-tama tal-bnedmin mejtin hija fil-qawmien mir-raqda tal-mewt li se jseħħ fil-futur.
X’qanqal l-iktar reazzjoni qawwija għal On Christian Doctrine? Kienet il-prova sempliċi iżda qawwija mill-Bibbja li Kristu, l-Iben t’Alla, għandu pożizzjoni sekondarja għal Alla, il-Missier. Wara li kkwota Ġwanni 17:3 u Ġwanni 20:17, Milton staqsa: “Jekk il-Missier huwa l-Alla taʼ Kristu u l-Alla tagħna, u jekk hemm biss Alla wieħed, min jistaʼ jkun Alla ħlief il-Missier?”
Iktar minn hekk, Milton jenfasizza: “L-Iben innifsu u l-appostli tiegħu jirrikonoxxu f’dak kollu li jgħidu u jiktbu li l-Missier huwa akbar mill-Iben f’kollox.” (Ġwanni 14:28) “Tabilħaqq huwa Kristu li jgħid, f’Matt. xxvi. 39: Missier, jekk jistaʼ jkun, ħa jitwarrab minni dan il-kies. Madankollu, mhux kif irrid jien, imma kif trid int. . . . Għala jitlob lill-Missier biss, minflok lilu nnifsu, jekk hu stess verament Alla? Kieku hu stess huwa kemm bniedem u kemm Alla suprem, għala jitlob wara kollox għal xi ħaġa li qiegħda fil-poter tiegħu? . . . Bħalma l-Iben kullimkien jadura u jqim lill-Missier biss, hu jgħallimna wkoll biex nagħmlu l-istess.”
In-Nuqqasijiet taʼ Milton
John Milton fittex il-verità. Madankollu, hu xorta kien suġġett għan-nuqqasijiet tal-bnedmin, u xi wħud mill-opinjonijiet tiegħu setgħu kienu influwenzati minn xi esperjenzi koroh. Per eżempju, ftit wara li żżewġu, martu, it-tifla żagħżugħa taʼ sinjur Irjali, telqitu u marret lura għand il-familja tagħha għal madwar tliet snin. Matul dan iż-żmien, Milton kiteb fuljetti dwar id-divorzju, mhux biss fuq bażi taʼ infedeltà fiż-żwieġ—l-unika bażi li ta Ġesù—iżda wkoll f’każi fejn il-koppji ma jkunux jaqblu bejniethom. (Mattew 19:9) Milton ippromwova l-istess opinjoni f’On Christian Doctrine.
Minkejja n-nuqqasijiet taʼ Milton, On Christian Doctrine jippreżenta b’mod qawwi l-ħarsa tal-Bibbja fuq ħafna tagħlim importanti. Sa llum, dawk li jaqraw il-manuskritti tiegħu jitqanqlu sabiex ikejlu t-twemmin tagħhom stess mal-livelli perfetti taʼ l-Iskrittura Mqaddsa.
[Nota taʼ taħt]
a Traduzzjoni ġdida taʼ On Christian Doctrine, pubblikata mill-Università taʼ Yale fl-1973, saħansitra żżomm iktar mill-qrib mal-manuskritt oriġinali bil-Latin taʼ Milton.
[Stampa f’paġna 11]
Milton kien student ħerqan tal-Bibbja
[Sors]
Courtesy of The Early Modern Web at Oxford
[Stampa f’paġna 12]
Milton kiseb il-fama bil-poeżija “Paradise Lost”
[Sors]
Courtesy of The Early Modern Web at Oxford
[Stampa f’paġna 12]
Ix-xogħol finali taʼ Milton dam mitluf għal 150 sena
[Sors]
Image courtesy of Rare Books and Special Collections, Thomas Cooper Library, University of South Carolina
[Sors tal-Istampa f’paġna 11]
Image courtesy of Rare Books and Special Collections, Thomas Cooper Library, University of South Carolina