LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 9/15 pp. 11-13
  • Il-Manuskritt Mitluf Taʼ John Milton

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Manuskritt Mitluf Taʼ John Milton
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Ħajja Bikrija Tiegħu
  • “Il-​Livelli tal-​Bibbja”
  • Il-​Manuskritt “On Christian Doctrine”
  • It-​Twemmin taʼ Milton
  • In-​Nuqqasijiet taʼ Milton
  • Tistaʼ Temmen f’Art Magħmula Ġenna?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Ħajja taʼ Dejjem fuq l-Art—Tama li Nstabet mill-Ġdid
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Ġenna fuq l-art—Ħolma jew realtà?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2017
  • Fir-Rotta lejn Dinja Ġdida
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 9/15 pp. 11-13

Il-​Manuskritt Mitluf Taʼ John Milton

FTIT kien hawn kittieba li ħallew impatt kbir fuq id-​dinja taʼ madwarhom daqskemm ħalla John Milton, l-​awtur tal-​poeżija storika bl-​Ingliż Paradise Lost. Skond wieħed bijografu, Milton “kien maħbub minn ħafna nies, mibgħud minn xi wħud, iżda ftit kienu dawk in-​nies li qatt ma semgħu bih.” Sa llum, xogħlu kkontribwixxa bil-​kbir għal-​letteratura u l-​kultura Ingliża.

John Milton kif kellu influwenza bħal din? X’kien li għamel ix-​xogħol finali tiegħu​—On Christian Doctrine​—tant kontroversjali li baqaʼ ma ġiex pubblikat għal 150 sena?

Il-​Ħajja Bikrija Tiegħu

John Milton twieled f’familja sinjura ħafna minn Londra fl-​1608. “Missieri ħejjieni minn kmieni fit-​tfulija tiegħi biex nistudja l-​letteratura, u minn meta kelli 12-il sena rari kont immur norqod qabel nofsillejl tant kemm kont inħobb nistudja,” jiftakar Milton. Hu kien imur tajjeb ħafna fl-​iskola u kien ħa l-​lawrja taʼ master’s fl-​Università taʼ Cambridge fl-​1632. Wara dan, hu kompla jaqra kotba taʼ l-​istorja u l-​letteratura klassika.

Milton ried ikun poeta, iżda lura fi żmienu l-​Ingilterra kienet għaddejja mill-​ġlieda iebsa tar-​rivoluzzjoni. Il-​parlament, immexxi primarjament minn Oliver Cromwell, ħatar qorti li ordnat li jinqatel ir-​Re Karlu I fl-​1649. Billi uża proża persważiva, Milton iġġustifika din l-​azzjoni u sar kelliemi għall-​gvern taʼ Cromwell. Fil-​fatt, qabel ma kiseb il-​fama bħala poeta, John Milton kien diġà magħruf sew għall-​fuljetti tiegħu dwar il-​politika u l-​morali.

Wara li ġiet restawrata l-​monarkija bl-​inkurunazzjoni taʼ Karlu II fl-​1660, ir-​relazzjoni li Milton kellu qabel maʼ Cromwell poġġietlu ħajtu fil-​periklu. Milton kellu jinħeba għal xi żmien, u kien biss bl-​għajnuna taʼ sħabu li kienu fil-​poter li rnexxielu jiskansa l-​mewt. Matul dan kollu, hu baqaʼ interessat ħafna f’affarijiet spiritwali.

“Il-​Livelli tal-​Bibbja”

Meta ddeskriva l-​interessi spiritwali li kellu fil-​bidu, Milton kiteb: “Mindu kont għadni tifel, jien bdejt niddedika ruħi għal studju bis-​serjetà tat-​Testment il-​Qadim u t-​Testment il-​Ġdid bil-​lingwi oriġinali tagħhom.” Milton beda jqis l-​Iskrittura Mqaddsa bħala l-​unika gwida taʼ min joqgħod fuqha fi kwistjonijiet morali u spiritwali. Iżda l-​eżaminar tiegħu tal-​kotba tradizzjonali dwar ir-​reliġjon li kienu aċċettati dak iż-​żmien ħallewh diżappuntat bil-​kbir. “Kont tal-​fehma li ma jkunx xieraq li nibbaża t-​twemmin jew it-​tama tiegħi taʼ salvazzjoni fuq dawn il-​kotba,” hu kiteb iktar tard. Determinat li janalizza t-​twemmin tiegħu b’mod strett “mal-​livelli tal-​Bibbja,” Milton beda jagħmel listi taʼ skritturi li ħass li kienu importanti taħt titli ġenerali u kkwota skritturi Bibliċi minn dawn il-​listi.

Illum, John Milton huwa mfakkar l-​iktar għall-​kompożizzjoni taʼ Paradise Lost, poeżija narrattiva tar-​rakkont Bibliku dwar it-​telfien tal-​perfezzjoni tal-​bniedem. (Ġenesi, kapitlu 3) Primarjament, huwa dan ix-​xogħol, li ġie pubblikat għall-​ewwel darba fl-​1667, li wassal biex Milton jikseb fama letterarja, speċjalment f’pajjiżi fejn huwa mitkellem l-​Ingliż. Iktar tard, hu ppubblika poeżija li tkompli mar-​rakkont bl-​isem Paradise Regained. Dawn il-​poeżiji jippreżentaw l-​iskop oriġinali t’Alla għall-​bnedmin​—li jgawdu ħajja perfetta f’Ġenna taʼ l-​art​—u jirreferu għar-​restawrazzjoni tal-​Ġenna fuq l-​art li Alla kellu jagħmel permezz taʼ Kristu. Per eżempju, f’Paradise Lost, Mikiel l-​arkanġlu jbassar iż-​żmien meta Kristu se “jippremja lill-​uħud leali Tiegħu, u jagħtihom hena etern, kemm jekk fis-​sema jew fl-​art, ladarba mbagħad l-​art se tkun kollha ġenna, post taʼ ħafna iktar hena minn dan taʼ l-​Għeden, u ġranet ħafna iktar henjin.”

Il-​Manuskritt “On Christian Doctrine”

Għal bosta snin, Milton ried ukoll jikteb ktieb b’diskussjonijiet dettaljati dwar il-​ħajja u d-​duttrina Kristjana. Minkejja li sa l-​1652 kien għema għalkollox, hu ħadem fuq dan il-​proġett bl-​għajnuna tas-​segretarji sa ma miet fl-​1674. Milton semma x-​xogħol finali tiegħu A Treatise on Christian Doctrine Compiled From the Holy Scriptures Alone. Fid-​daħla tal-​ktieb tiegħu, hu kiteb: “Ħafna mill-​awturi li ttrattaw dan is-​suġġett . . . niżżlu biss noti marġinali, b’referenza qasira għall-​kapitlu u l-​vers, dwar l-​iskritturi li fuqhom jiddependi dak kollu li jgħallmu. Jien, mill-​banda l-​oħra, stinkajt biex nimla l-​paġni tiegħi, saħansitra billi ma kienx hemm iktar post, bi kwotazzjonijiet meħudin mill-​partijiet kollha tal-​Bibbja.” Bħalma qal Milton, On Christian Doctrine jirreferi għall-​Iskrittura jew jikkwota minnha iktar minn 9,000 darba.

Għalkemm Milton qabel ma kienx ħasibha darbtejn biex jesprimi l-​opinjonijiet tiegħu, hu qagħad lura milli jippubblika dan il-​manuskritt. Għala? Raġuni waħda hi li hu kien jaf li l-​ispjegazzjonijiet Skritturali li kien hemm fih kienu differenti ħafna mit-​tagħlim aċċettat mill-​knisja. Iktar minn hekk, minħabba li l-​pajjiż reġaʼ beda jitmexxa mir-​Re, hu ma baqax ikollu l-​approvazzjoni tal-​gvern. Għalhekk, hu għandu mnejn kien qed jistenna żminijiet iktar kwieti. Kien x’kien il-​każ, wara l-​mewt taʼ Milton, is-​segretarju tiegħu ħa l-​manuskritt bil-​Latin għand stamperija li rrifjutat li tistampahulu. Is-​segretarju taʼ l-​istat Ingliż imbagħad ikkonfiskalu l-​manuskritt u refgħu. Kellhom jgħaddu seklu u nofs qabel ma l-​manuskritt taʼ Milton ġie skopert.

Fl-1823, skrivan sab il-​manuskritt tal-​poeta famuż imgeżwer. Ir-​Re Ġorġ IV, li dak iż-​żmien kien qed jaħkem l-​Ingilterra, ordna li x-​xogħol ikun tradott mil-​Latin u magħmul disponibbli għall-​pubbliku. Meta ġie pubblikat bl-​Ingliż sentejn wara, il-​manuskritt qajjem kontroversja sħiħa fl-​oqsma tat-​teoloġija u tal-​letteratura. Wieħed isqof stqarr minnufih li l-​manuskritt kien falz, u rrifjuta li jemmen li Milton​—meqjus minn ħafna nies bħala l-​akbar poeta reliġjuż fl-​Ingilterra​—setaʼ ċaħad b’mod daqshekk sod id-​duttrini li l-​knisja kienet tqis bħala sagri. Billi basar reazzjoni bħal din u bil-​konferma taʼ l-​awtorità taʼ Milton, it-​traduttur poġġa f’din l-​edizzjoni tal-​manuskritt noti taʼ taħt dettaljati b’500 xebh bejn On Christian Doctrine u Paradise Lost.a

It-​Twemmin taʼ Milton

Sa żmien Milton, l-​Ingilterra kienet ħaddnet ir-​Riforma Protestanta u ma baqgħetx tissieħeb mal-​Knisja Kattolika Rumana. Il-​Protestanti ġeneralment kienu jemmnu li l-​awtorità fuq kwistjonijiet taʼ fidi u morali kienet tiġi biss mill-​Iskrittura Mqaddsa u mhux mill-​papa. Madankollu, f’On Christian Doctrine, Milton wera li lanqas ħafna tagħlim u prattiki Protestanti ma kienu fi qbil maʼ l-​Iskrittura. Fuq bażi Biblika, hu ċaħad id-​duttrina Kalvinista tal-​predestinazzjoni u minflok appoġġa r-​rieda ħielsa. Hu ppromwova l-​użu bir-​rispett taʼ l-​isem t’Alla, Ġeħova, u użah spiss fil-​kitbiet tiegħu.

Milton uża l-​Iskrittura biex jirraġuna li r-​ruħ tal-​bniedem tistaʼ tmut. Meta kkummenta dwar Ġenesi 2:​7, Karm Żammit), hu kiteb: “Meta l-​bniedem ġie maħluq b’dan il-​mod, l-​Iskrittura tgħid, fl-​aħħar: u l-​bniedem sar ruħ ħajja. . . . Il-​bniedem m’huwiex doppju jew jistaʼ jinfired: mhux bħalma hu maħsub spiss, magħmul u kompost minn żewġ elementi differenti minn xulxin, ir-​ruħ u l-​ġisem. Għall-​kuntrarju, il-​bniedem kollu kemm hu huwa r-​ruħ, u r-​ruħ hija l-​bniedem.” Milton imbagħad qajjem il-​mistoqsija: “Il-​bniedem kollu kemm hu jmut, jew il-​ġisem fiżiku biss?” Wara li ppreżenta bosta versi Bibliċi li juru li l-​bniedem kollu kemm hu jmut, hu żied jgħid: “Iżda l-​iktar spjegazzjoni konvinċenti li nistaʼ nagħti dwar il-​mewt tar-​ruħ hija l-​ispjegazzjoni t’Alla, Eżek[jel 18:]20 (KŻ ): ir-​ruħ li tidneb, tmut.” Milton semma wkoll skritturi bħal Luqa 20:37 u Ġwanni 11:25 biex juri li t-​tama tal-​bnedmin mejtin hija fil-​qawmien mir-​raqda tal-​mewt li se jseħħ fil-​futur.

X’qanqal l-​iktar reazzjoni qawwija għal On Christian Doctrine? Kienet il-​prova sempliċi iżda qawwija mill-​Bibbja li Kristu, l-​Iben t’Alla, għandu pożizzjoni sekondarja għal Alla, il-​Missier. Wara li kkwota Ġwanni 17:3 u Ġwanni 20:​17, Milton staqsa: “Jekk il-​Missier huwa l-​Alla taʼ Kristu u l-​Alla tagħna, u jekk hemm biss Alla wieħed, min jistaʼ jkun Alla ħlief il-​Missier?”

Iktar minn hekk, Milton jenfasizza: “L-​Iben innifsu u l-​appostli tiegħu jirrikonoxxu f’dak kollu li jgħidu u jiktbu li l-​Missier huwa akbar mill-​Iben f’kollox.” (Ġwanni 14:28) “Tabilħaqq huwa Kristu li jgħid, f’Matt. xxvi. 39: Missier, jekk jistaʼ jkun, ħa jitwarrab minni dan il-​kies. Madankollu, mhux kif irrid jien, imma kif trid int. . . . Għala jitlob lill-​Missier biss, minflok lilu nnifsu, jekk hu stess verament Alla? Kieku hu stess huwa kemm bniedem u kemm Alla suprem, għala jitlob wara kollox għal xi ħaġa li qiegħda fil-​poter tiegħu? . . . Bħalma l-​Iben kullimkien jadura u jqim lill-​Missier biss, hu jgħallimna wkoll biex nagħmlu l-​istess.”

In-​Nuqqasijiet taʼ Milton

John Milton fittex il-​verità. Madankollu, hu xorta kien suġġett għan-​nuqqasijiet tal-​bnedmin, u xi wħud mill-​opinjonijiet tiegħu setgħu kienu influwenzati minn xi esperjenzi koroh. Per eżempju, ftit wara li żżewġu, martu, it-​tifla żagħżugħa taʼ sinjur Irjali, telqitu u marret lura għand il-​familja tagħha għal madwar tliet snin. Matul dan iż-​żmien, Milton kiteb fuljetti dwar id-​divorzju, mhux biss fuq bażi taʼ infedeltà fiż-​żwieġ​—l-​unika bażi li ta Ġesù—iżda wkoll f’każi fejn il-​koppji ma jkunux jaqblu bejniethom. (Mattew 19:9) Milton ippromwova l-​istess opinjoni f’On Christian Doctrine.

Minkejja n-​nuqqasijiet taʼ Milton, On Christian Doctrine jippreżenta b’mod qawwi l-​ħarsa tal-​Bibbja fuq ħafna tagħlim importanti. Sa llum, dawk li jaqraw il-​manuskritti tiegħu jitqanqlu sabiex ikejlu t-​twemmin tagħhom stess mal-​livelli perfetti taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa.

[Nota taʼ taħt]

a Traduzzjoni ġdida taʼ On Christian Doctrine, pubblikata mill-​Università taʼ Yale fl-​1973, saħansitra żżomm iktar mill-​qrib mal-​manuskritt oriġinali bil-​Latin taʼ Milton.

[Stampa f’paġna 11]

Milton kien student ħerqan tal-​Bibbja

[Sors]

Courtesy of The Early Modern Web at Oxford

[Stampa f’paġna 12]

Milton kiseb il-​fama bil-​poeżija “Paradise Lost”

[Sors]

Courtesy of The Early Modern Web at Oxford

[Stampa f’paġna 12]

Ix-​xogħol finali taʼ Milton dam mitluf għal 150 sena

[Sors]

Image courtesy of Rare Books and Special Collections, Thomas Cooper Library, University of South Carolina

[Sors tal-​Istampa f’paġna 11]

Image courtesy of Rare Books and Special Collections, Thomas Cooper Library, University of South Carolina

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja