Serqa Sfrattata fl-Afrika tal-Punent
Kif irrakkontat minn Eunice Ebuh
“Ħallelin armati ppjanaw l-attakk tagħhom għal dik il-ġurnata meta aħna normalment ikollna l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni fid-dar tagħna. Aħna niftħu l-kanċelli tagħna beraħ għall-aħwa rġiel u nisa u għal uħud interessati. Il-ħallelin x’aktarx li kienu jafu d-drawwiet tagħna u l-ħin tal-laqgħa. Aħna nafu fiċ-ċert li huma kienu serqu karozza minn xi mkien ieħor u ġew jistennew ħdejn il-kanċell tagħna fil-ġurnata u fil-ħin taʼ l-istudju tal-ktieb.
“Kumbinazzjoni, dik il-ġimgħa li ġew kienet il-ġimgħa taż-żjara taʼ l-indokratur tas-circuit. Minflok ma ltqajna fid-dar tagħna, iltqajna fis-Sala tas-Saltna. Wara li spiċċat il-laqgħa, kien hemm laqgħa taʼ l-anzjani. Normalment jien u t-tfal konna mmorru d-dar, imma żewġi, li hu anzjan, talabna nistennewh. Qalilna li ma kienx se jdum. Għalhekk qgħadna nistennewh.
“Imbagħad sibna li l-karozza ma riditx tistartja. L-indokratur tas-circuit u żewġi ma setgħux jirranġawha. U lanqas il-mekkanik li konna ċempilnielu ma setaʼ jirranġaha.
“It-tfal kellhom jimxuha sad-dar. Wara ftit, jien mort id-dar ukoll. Wasalt madwar l-għaxra. La jien u lanqas it-tfal ma dħalna fid-drive-in bil-karozza, għax kieku kien ikollna niftħu l-kanċell il-kbir.
“Meta dħalt fil-kamra tas-sodda tiegħi, smajt sparatura, qawwija ħafna. Bdejt inberren dwar x’kien qed jiġri. Ipprovajt inċempel lill-pulizija, imma ma kienx hemm linja. Ġrejt isfel u għalaqt il-bieb taʼ barra taʼ l-azzar, imbagħad għaġġilt biex nagħlaq il-bieb tan-nofs. Tfejt id-dawl. Uliedi bdew jippanikkjaw, u għalhekk għedtilhom biex jibqgħu kalmi. Tlabna flimkien għall-protezzjoni taʼ Jehovah. Sadanittant, żewġi kien għadu ħdejn is-Sala tas-Saltna jitħabat biex jistartja l-karozza.
“Ħarist barra mit-tieqa u rajt raġel mixħut fit-triq barra l-kanċell. Mid-dehra l-ħallelin kienu telqu, u għalhekk daħħalt lir-raġel ferut fil-karozza tiegħi u ħadtu niġri l-isptar. Kien riskju, imma kelli nagħmel xi ħaġa. Iżda sfortunatament, l-għada miet.
“Minkejja dik it-traġedja, l-affarijiet setgħu kienu ħafna iktar agħar. Iż-żjara taʼ l-indokratur tas-circuit swiet biex ma jkollniex l-istudju tal-ktieb fid-dar tagħna. Il-ħsara fil-karozza swiet biex ma mmorrux id-dar bħala familja. Żewġi, li bla dubju kien jisfaʼ maħtuf mill-ħallelin, ma wasalx id-dar qabel ma kien tard ħafna. Dawn u fatturi oħrajn kienu taʼ vantaġġ għalina dak il-lejl.
“Jehovah hu l-post b’saħħtu tagħna u l-kenn tagħna. Hu bħalma tgħid l-iskrittura: ‘Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, għalxejn jishar l-għassies.’”—Salm 127:1.