Meta Ħallelin Armati Jattakkaw
ĠEWWA Ikoyi, raħal esklużiv fl-Afrika tal-Punent, id-djar kbar saru fortizzi. Ħafna minnhom għandhom ħitan għoljin tliet metri, u fuqhom għandhom ħadid ippontat, ħġieġ imkisser, jew barbed wire irromblat. L-għassiesa jgħassu kanċelli enormi maqfulin b’firrolli, staneg, ktajjen, u katnazzi. It-twieqi huma magħluqin bl-istaneg. Kanċelli taʼ l-azzar jisseparaw il-kmamar tas-sodda mill-bqija tal-kmamar l-oħrajn. Bil-lejl jinħallu klieb kbar—Alsatians u Rottweilers. Dwal qawwijin jeliminaw id-dlam, u meta kollox ikun sew, is-sistemi kkompjuterizzati taʼ sorveljanza jibdew jagħmlu ħsejjes irqaq.
Ħadd ma jiddubita dwar il-bżonn li jkollu d-dar tiegħu fiż-żgur. Titli fil-gazzetti jilmentaw: “Ħallelin Armati Jkaxkru Kulma Jsibu fil-Komunità”; “Is-Serq tat-Tfal Ħadd ma Jistaʼ Jsib Tarfu”; u “Paniku, hekk kif Klikek Jaħtfu [Belt].” Din hija s-sitwazzjoni f’ħafna pajjiżi. Bħalma bassret il-Bibbja, aħna verament qed ngħixu fi żminijiet kritiċi.—2 Timotju 3:1.
Ir-rata tal-kriminalità, inkluż dik tas-serq bl-armi, qed togħla globalment. Iktar spiss, il-gvernijiet m’humiex kapaċi jew ma jridux jipproteġu liċ-ċittadini tagħhom stess. F’xi pajjiżi l-pulizija, li huma inferjuri għall-kriminali fl-għadd u fl-armi, m’humiex mgħammrin biżżejjed biex iwieġbu għas-sejħiet għall-għajnuna. Il-biċċa l-kbira taʼ dawk li jinzertaw fuq il-post jevitaw li jiġu involuti.
Il-vittmi, li la jistgħu jistrieħu fuq l-għajnuna tal-pulizija u lanqas fuq dik tal-pubbliku jkollhom ifendu għal rashom. Anzjan Kristjan f’pajjiż li għadu qed jiżviluppa qal: “Jekk tgħajjat għall-għajnuna, il-ħallelin jimmankawk jew joqtluk. Torbotx fuq għajnuna minn barra. Jekk tiġi l-għajnuna, aħjar, imma toqgħodx tistennieha jew tgħajjat għaliha għax dan jistaʼ jfisser li qed tistieden iktar inkwiet.”
Il-Protezzjoni u l-Kelma t’Alla
Għalkemm il-Kristjani m’huma ebda parti mid-dinja, huma jinsabu fid-dinja. (Ġwann 17:11, 16) Għalhekk, bħal kulħadd, huma jagħmlu provvedimenti raġunevoli għas-sigurtà tagħhom. Madankollu, kuntrarju għal dawk li ma jaqdux lil Jehovah, in-nies t’Alla jfittxu l-protezzjoni ġewwa l-qafas tal-prinċipji Kristjani.
B’kuntrast, xi nies f’xi pajjiżi Afrikani jużaw il-maġija biex ifittxu li jipproteġu lilhom infushom mis-serq. Tabib b’setgħat maġiċi jistaʼ jagħmel qasma fil-polz, fis-sider, jew fid-dahar taʼ klijent. Imbagħad, jitfaʼ ftit sustanza maġika fil-qasma, jiġu offruti xi ritwali taʼ seħer, u l-persuna suppost li ma tkunx iktar suġġetta għal attakki mill-ħallelin. Oħrajn iżommu oġġetti li jġibu r-riżq jew sustanzi maġiċi fi djarhom, billi jemmnu li din l-“assigurazzjoni” se ġġiegħel lill-ħallelin iħalluhom bi kwiethom.
Il-veri Kristjani m’għandhomx x’jaqsmu maʼ l-ebda tip taʼ maġija. Il-Bibbja tikkundanna kull forma taʼ spiritiżmu, u bir-raġun, ladarba prattiċi bħal dawn jistgħu jġibu lin-nies f’kuntatt mad-demonji, l-istess demonji li qed jippromwovu l-vjolenza fuq l-art. (Ġenesi 6:2, 4, 11) Il-Bibbja tistqarr ċar u tond: ‘La tagħmlux sħarijiet.’—Levitiku 19:26.
B’disprament, xi nies ifittxu s-sigurtà billi jarmaw lilhom infushom b’armi tan-nar. Iżda l-Kristjani, jiħduh bis-serjetà l-kliem taʼ Ġesù, li qal: “Kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered.” (Mattew 26:52) In-nies t’Alla ‘x-xwabel tagħhom dewbuhom f’sikek’ u ma jixtrux armi tan-nar biex jipproteġu lilhom infushom mis-serq jew mill-attakki.—Mikea 4:3.
Xi ngħidu dwar li jkollna għassiesa armati? Waqt li din tkun kwistjoni taʼ deċiżjoni persunali, ftakar li arranġament bħal dan ikun qisu qed ipoġġi l-arma tan-nar f’idejn ħaddieħor. Min jimpjega lill-għassiesa, x’ikun qed jistenna minnhom jekk jiġi xi ħalliel? Mhux li jisparaw lill-ħalliel jekk ikun neċessarju biex jipproteġu lin-nies u l-affarijiet li jkunu qed jiġu mgħassin?
Il-waqfa li l-Kristjani jieħdu f’li jiċħdu l-maġija u l-armi bħala għodod taʼ protezzjoni tistaʼ tidher bluha f’għajnejn dawk li ma jafux lil Alla. Il-Bibbja, madankollu, tassigurana: “Min jittama fil-Mulej ikun fil-kenn.” (Proverbji 29:25) Waqt li Jehovah jipproteġi lin-nies tiegħu b’mod ġenerali, hu ma jintervienix f’kull każ biex jiddefendi lill-qaddejja tiegħu mis-serq. Ġob kien leali ferm, u madankollu Alla ppermetta lill-ħallelin biex jisirqu l-bhejjem taʼ Ġob, u joqtlu lill-qaddejja. (Ġob 1:14, 15, 17) Alla ppermetta wkoll li l-appostlu Pawlu jesperjenza “perikli mill-ħallelin.” (2 Korintin 11:26) Minkejja dan, Alla jgħallem lill-qaddejja tiegħu biex jgħixu mal-prinċipji li jnaqqsu r-riskju tas-serq. Hu jfornihom ukoll b’għarfien li jgħinhom biex jirreaġixxu għall-attentati tal-ħallelin b’modi li jnaqqsu l-probabbiltà li xi ħadd iweġġaʼ.
Innaqqsu t-Theddida tas-Serq
Wieħed għaref żmien ilu osserva: “L-għani x-xabaʼ ma jħallihx jieħu nagħsa.” (Koħèlet 5:11 [Koħèlet 5:12, NW]) Fi kliem ieħor, dawk li jippossiedu ħafna affarijiet jistgħu jsiru tant ansjużi dwar li jitilfu dak li jippossiedu, li lanqas jorqdu bl-inkwiet.
Għalhekk, mod wieħed kif innaqqsu mhux biss l-ansjetà imma wkoll it-theddida tas-serq, huwa li nevitaw li nakkumulaw abbundanza t’affarijiet li jqumu l-flus. L-appostlu ispirat kiteb: “Kull ma fiha d-dinja, jiġifieri l-ġibda tal-ġisem u l-ġibda taʼ l-għajnejn u l-kburija tal-ħajja [“l-iffanfrar bil-mezzi tal-ħajja taʼ dak li jkun,” NW], dan m’huwiex ġej mill-Missier imma mid-dinja.” (1 Ġwann 2:16) L-istess xewqat li jqanqlu lin-nies jixtru affarijiet għoljin iqanqlu lil oħrajn biex jisirqu. U “l-iffanfrar bil-mezzi tal-ħajja taʼ dak li jkun” jistaʼ jkun stedina għal dawk li huma inklinati li jisirqu.
Minbarra li ma noqogħdux nagħtu fil-għajn, protezzjoni oħra kontra s-serq hija li turi li int Kristjan veru. Jekk turi mħabba lejn oħrajn, tkun onest fl-attivitajiet tiegħek, u tkun attiv fil-ministeru Kristjan, int tistaʼ tibni reputazzjoni li int persuna tajba fil-komunità tiegħek, wieħed li jixraqlu r-rispett. (Galatin 5:19-23) Reputazzjoni taʼ Kristjan bħal din tistaʼ tkun bil-wisq iktar taʼ protezzjoni minn xi arma.
Meta Jiġu Ħallelin Armati
Iżda x’għandek tagħmel jekk il-ħallelin jirnexxilhom jidħlu f’darek u jikkonfrontawk? Ftakar li ħajtek hija iktar importanti minn dak li tippossiedi. Ġesù Kristu qal: “Biex bniedem ħażin ma tiqfulux; anzi jekk xi ħadd jagħtik daqqa taʼ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll; u lil min ikun irid . . . jeħodlok il-libsa, ħallilu wkoll il-mantar.”—Mattew 5:39, 40.
Dan hu parir għaqli. Għalkemm il-Kristjani m’humiex obbligati li jagħtu informazzjoni dwar ġidhom lill-kriminali, il-ħallelin x’aktarx isiru iktar vjolenti jekk jissuspettaw reżistenza, nuqqas taʼ kooperazzjoni, jew qerq. Ħafna minnhom, “billi tilfu kull sens morali,” faċilment jiġu pprovokati għal imġiba ħarxa u bla ħniena.—Efesin 4:19, NW.
Samuel jgħix ġo blokk t’appartamenti. Il-ħallelin dawru l-bini u bdew jidħlu minn appartament għal ieħor u jisirqu kulma jiġi għal idejhom. Samuel samaʼ l-isparar, bibien jitkissru, u nies jgħajtu, jibku, u jingħu. Kien impossibbli li jaħarbu. Samuel qal lil martu u lit-tliet uliedu biex jinżlu għarkobbtejhom, jgħollu jdejhom ’il fuq, jagħlqu għajnejhom, u jistennew. Meta l-ħallelin daħlu għandhom, Samuel kellimhom b’għajnejh lejn l-art, għax kien jaf li jekk iħares lejn wiċċhom, huma setgħu jaħsbu li iktar tard setaʼ jidentifikahom. “Idħlu,” qalilhom. “Dak kollu li tridu, ħuduh. Tistgħu tieħdu kulma tridu. Aħna Xhieda taʼ Jehovah, u mhux se nagħmlu reżistenza.” Il-ħallelin stagħġbu b’dan. Għal matul bejn wieħed u ieħor xi siegħa, ġew madwar 12-il raġel armati fi gruppi. Għalkemm serqu ġojjelli, flus, u apparat elettroniku, il-familja ma ġietx imsawta jew mogħtija daqqiet taʼ skieken kif ġralhom oħrajn fil-bini. Il-familja taʼ Samuel irringrazzjat lil Jehovah talli kienu għadhom ħajjin.
Dan jurina li meta jkun hemm il-flus u l-affarijiet materjali fin-nofs, il-vittmi tas-serq li ma jirreżistux jistgħu jnaqqsu l-probabbiltà li xi ħadd minnhom iweġġaʼ.a
Xi drabi, li Kristjan jagħti xiehda jistaʼ jipproteġih milli jiġi mweġġaʼ. Meta l-ħallelin attakkaw id-dar taʼ Ade, hu qalilhom: “Jien naf li l-affarijiet huma diffiċli għalikom, u li għalhekk tinsabu f’dan it-tip taʼ xogħol. Bħala Xhieda taʼ Jehovah, aħna nemmnu li xi darba kulħadd se jkollu biżżejjed x’jiekol kemm għalih u kif ukoll għall-familja tiegħu. Kulħadd se jgħix fil-paċi u fl-hena taħt is-Saltna t’Alla.” Dan naqqas l-aggressjoni tal-ħallelin. Wieħed minnhom qal: “Jiddispjaċina li ġejna f’darek, imma trid tifhimna li għandna l-ġuħ.” Għalkemm ġarrew dak li Ade kien jippossiedi, lilu u lill-familja tiegħu m’għamlulhom xejn.
Ibqaʼ Kalm
M’huwiex faċli li tibqaʼ kalm f’sitwazzjoni perikoluża, speċjalment meta l-mira ewlenija tal-ħallelin tkun li jbeżżgħu lill-vittmi sal-punt tas-sottomissjoni. It-talb se jgħinna. L-għajta tagħna għall-għajnuna, għalkemm f’qalbna u qasira, Jehovah jistaʼ jismagħha. Il-Bibbja tassigurana: “Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti, u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.” (Salm 34:16 [Salm 34:15, NW]) Jehovah jismagħna u jistaʼ jagħtina l-għerf biex nittrattaw bil-kalma kwalunkwe sitwazzjoni.—Ġakbu 1:5.
Minbarra t-talb, għajnuna oħra biex tibqaʼ kalm hija li tiddeċiedi minn qabel dwar x’tagħmel u x’ma tagħmilx jekk tiġi misruq. M’għandniex xi ngħidu, ma tistax tkun taf minn qabel f’liema sitwazzjoni se ssib ruħek. Xorta waħda, huwa tajjeb li żżomm xi prinċipji f’moħħok, sewwa sew bħalma huwa għaqli li jkollok proċeduri taʼ sigurtà f’moħħok f’każ li ssib ruħek ġo bini li jkun qed jaqbad. Meta taħseb minn qabel jgħinek tibqaʼ kalm, tevita li tippanikkja, u ma tweġġax.
Il-ħarsa t’Alla dwar is-serq hija mistqarra b’mod ċar: “Jien hu l-Mulej, li nħobb id-dritt, u nobgħod il-ħella u l-qerq.” (Isaija 61:8) Jehovah ispira lill-profeta tiegħu Eżekjel biex iniżżel is-serq bħala dnub serju ħafna. (Eżekjel 18:18) Madankollu, l-istess ktieb Bibliku juri wkoll li Alla se jaħfer bil-ħniena lill-persuna li tindem u tagħti lura dak li tkun serqet.—Eżekjel 33:14-16.
Minkejja li ngħixu f’dinja mimlija ħażen, il-Kristjani jifirħu bit-tama taʼ ħajja taħt is-Saltna t’Alla, meta mhux se jkun hemm iktar serq. Dwar dak iż-żmien, il-Bibbja twegħedna: “Imma kull wieħed [min-nies t’Alla] jinsab taħt id-dielja tiegħu, u taħt is-siġra tat-tin tiegħu; u ma jkunx hemm min iwerwirhom, għax fomm il-Mulej taʼ l-eżerċti tkellem.”—Mikea 4:4.
[Nota taʼ taħt]
a M’għandniex xi ngħidu, hemm limiti għal kooperazzjoni. Il-qaddejja taʼ Jehovah ma jikkooperaw fl-ebda mod li jikser il-liġi t’Alla. Per eżempju, Kristjan m’huwiex se jċedi għal stupru bla ma jirreżisti.