LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 12/15 pp. 26-29
  • Deċiżjoni Favur l-Għażla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Deċiżjoni Favur l-Għażla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • L-​Ordni Pubbliku u l-​Morali
  • Inkuraġġiment bla Ħsieb
  • Id-​Deċiżjoni
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 12/15 pp. 26-29

Deċiżjoni Favur l-​Għażla

DAK li jappoġġa l-​għażla informata m’hu ħadd ħlief l-​iktar Persunaġġ eminenti fl-​univers kollu. Dan hu l-​Ħallieq tagħna. Billi jippossiedi għarfien bla limitu tal-​bżonnijiet tal-​bniedem, hu jagħti b’idu miftuħa istruzzjonijiet, twissijiet u gwidi dwar il-​korsa għaqlija li wieħed għandu jieħu. Madankollu, hu ma jinsiex ir-​rieda ħielsa li biha żejjen lill-​ħlejjaq intelliġenti tiegħu. Il-​profeta tiegħu Mosè rrifletta l-​ħarsa t’Alla: “Il-​ħajja u l-​mewt, li jien illum qegħedt quddiemek, il-​barka u s-​saħta. Agħżel il-​ħajja biex tgħix int u nislek.”—Dewteronomju 30:19.

Dan il-​prinċipju jeffettwa l-​qasam tal-​mediċina. Il-​konċett taʼ l-​għażla informata, jew il-​kunsens informat, qiegħed iktar ma jmur jikseb il-​popolarità fil-​Ġappun u f’pajjiżi oħrajn fejn ma kienx daqstant komuni fil-​passat. Dr. Michitaro Nakamura fissru b’dan il-​mod il-​kunsens informat: “L-​idea hija li t-​tabib jispjega lill-​pazjent bi kliem li jifhmu kulħadd x’inhi l-​marda, il-​pronjosi, il-​metodu taʼ kura li se jintuża, u x’effetti jistaʼ jħalli, fil-​waqt li jirrispetta d-​dritt tal-​pazjent li jiddeċiedi għalih innifsu x’tip taʼ kura jrid.”​—Japan Medical Journal.

Għal bosta snin, it-​tobba fil-​Ġappun ippreżentaw diversi raġunijiet sabiex ma jimxux b’dan il-​mod mal-​pazjenti, u l-​qrati kellhom it-​tendenza li jċedu għall-​prattiċi stabbiliti fil-​mediċina. Għaldaqstant, sar pass taʼ ġgant meta għaddiet deċiżjoni favur l-​għażla informata mill-​Prim Imħallef Takeo Inaba tal-​Qorti Superjuri taʼ Tokjo fid-​9 taʼ Frar, 1998. X’kienet din id-​deċiżjoni, u x’kienet il-​kwistjoni li ġabet il-​każ quddiem il-​qrati?

Lura f’Lulju taʼ l-​1992, Misae Takeda, Xhud taʼ Jehovah taʼ 63 sena, ġiet f’kuntatt maʼ l-​Istitut taʼ l-​Isptar tax-​Xjenza Medika, fl-​Università taʼ Tokjo. Lil din l-​oħt kienu sabulha tumur qerriedi fil-​fwied u kellha bżonn tiġi operata. Billi xtaqet ħafna li tobdi l-​kmand tal-​Bibbja fuq l-​użu ħażin tad-​demm, lill-​kirurgi tagħha għamlithielhom ċara li hi xtaqet tirċievi biss kura mingħajr demm. (Ġenesi 9:3, 4; Atti 15:29) Il-​kirurgi aċċettaw formola taʼ eżenzjoni mir-​responsabbiltà fil-​każ li jinqalaʼ xi ħaġa kaġun tad-​deċiżjoni tagħha. Huma żgurawha li kienu se jirrispettaw ix-​xewqa tagħha.

Minkejja dan, wara l-​operazzjoni, u waqt li kienet għadha taħt il-​kalmanti, Misae ngħatat trasfużjoni tad-​demm​—eżatt il-​kuntrarju tax-​xewqat tagħha li kienet esprimiet b’mod ċar. L-​isforzi biex din it-​trasfużjoni bla awtorizzazzjoni tibqaʼ moħbija sfaw fix-​xejn meta impjegat taʼ l-​isptar mid-​dehra għadda l-​informazzjoni lil riporter tal-​gazzetti. Bħalma tistgħu timmaġinaw, din l-​oħt Kristjana sinċiera baqgħet maħsuda meta saret taf bit-​trasfużjoni bla awtorizzazzjoni. Hi kienet fdathom lill-​ħaddiema taʼ l-​isptar, għax ħasbet li dawn kienu se jżommu kelmthom u jirrispettaw it-​twemmin reliġjuż tagħha. Minħabba l-​uġigħ emozzjonali li sofriet sforz dan il-​ksur sfaċċat tar-​relazzjoni bejn it-​tabib u l-​pazjent u bit-​tama li tistabbilixxi preċedent sabiex oħrajn ma jiġux ittrattati bl-​istess mod, l-​oħt ressqet il-​każ fil-​qorti.

L-​Ordni Pubbliku u l-​Morali

Tliet imħallfin tal-​Qorti Distrettwali taʼ Tokjo semgħu l-​każ u qatgħuha favur il-​kirurgi u, għaldaqstant, kontra d-​dritt tal-​kunsens informat. Fid-​deċiżjoni tagħhom, mogħtija fit-​12 taʼ Marzu, 1997, dawn stqarrew li kwalunkwe attentat biex isir kuntratt għal kura mingħajr l-​iċken qatra demm kien invalidu. Ir-​raġunar tagħhom kien li dan kien jammonta għal ksur tal-​kojo ryozoku,a jew il-​livelli tas-​soċjetà, jekk kirurgu jagħmel ftehim speċjali biex ma jagħtix id-​demm anki jekk tiżviluppa qagħda kritika. L-​opinjoni tagħhom kienet li l-​obbligu ewlieni taʼ tabib huwa li jsalva l-​ħajja bl-​aħjar mod li jistaʼ, u għalhekk kuntratt bħal dan kien ikun invalidu mill-​bidu, ikun x’ikun it-​twemmin reliġjuż tal-​pazjent. Huma qatgħuha li fl-​analisi finali, l-​opinjoni professjonali tal-​kirurgu għandha tirbaħ lil kwalunkwe talba medika li jagħmel bil-​quddiem il-​pazjent.

Barra minn hekk, l-​imħallfin sostnew li għall-​istess raġunijiet, fil-​waqt li hu mistenni mill-​kirurgu li jispjega l-​proċedura bażika, l-​effetti, u l-​perikli taʼ l-​operazzjoni proposta, dan “jistaʼ ma jgħidx jekk huwiex bi ħsiebu juża d-​demm jew le.” Il-​ġudizzju tagħhom kien: “Wieħed ma jistax jiddetermina li huwa ksur tal-​liġi jew mhux xieraq li t-​tobba bħala l-​Konvenuti jirrikonoxxu x-​xewqat taʼ l-​Attriċi li ma taċċettax trasfużjonijiet tad-​demm taħt kwalunkwe ċirkustanza u jaġixxu bħallikieku se jonoraw ix-​xewqat tagħha, u b’hekk iwassluha biex taċċetta l-​operazzjoni msemmija.” Ir-​raġunar kien illi li kieku l-​kirurgi aġixxew mod ieħor, il-​pazjenta kellha mnejn tirrifjuta l-​operazzjoni u titlaq mill-​isptar.

Dik id-​deċiżjoni tal-​qorti ħasdet u bellhet lil kulmin hu favur tal-​kunsens informat. Waqt diskussjoni dwar id-​deċiżjoni li ttieħdet fil-​każ taʼ Takeda u x’effetti kien se jkollha fuq il-​kunsens informat fil-​Ġappun, il-​Professur Takao Yamada, awtorità minn taʼ quddiem fil-​liġi ċivili, kiteb: “Jekk ir-​raġunar taʼ din id-​deċiżjoni jitħalla jreġi, l-​irrifjutar tat-​trasfużjoni tad-​demm u l-​prinċipju legali tal-​kunsens informat isir jixbah lil xemgħa tnemnem fir-​riħ.” (Gazzetta legali Hogaku Kyoshitsu) Hu kkundanna bi kliem iebes l-​inforzar tat-​trasfużjoni tad-​demm bħala li hu “ksur sfaċċat tal-​fiduċja, simili għal attakk għal għarrieda.” Il-​Professur Yamada kompla li azzjoni bħal din li teqred il-​fiduċja m’għandha “assolutament qatt tkun permessa.”

Bil-​karattru mistħi tagħha, Misae sabitha iebsa biex tidher fil-​pubbliku. Imma meta rrealizzat li setgħet tieħu sehem f’li tiddefendi l-​isem taʼ Jehovah u l-​livelli taʼ tjieba rigward il-​qdusija tad-​demm, hi kienet determinata li tagħmel il-​parti tagħha. Lill-​avukat legali tagħha kitbitlu hekk: “Jien ma jien xejn ħlief ftit trab, anzi inqas minn hekk. Ma nafx x’użu għandha persuna bla ħila bħali. Imma meta nipprova nagħmel dak li Jehovah​—il-​wieħed li jistaʼ jġiegħel il-​ġebel jitkellem—​iridni nagħmel, hu jagħtini l-​qawwa.” (Mattew 10:18; Luqa 19:40) Meta xehdet matul il-​proċess, hi ddeskriviet b’leħen imriegħed it-​trawma emozzjonali li għaddiet minnha talli kienu ttradewha. “Ħassejtni attakkata, bħal mara li ġiet stuprata.” Kważi kulħadd beka fil-​qorti dakinhar wara li semgħu x-​xiehda tagħha.

Inkuraġġiment bla Ħsieb

Minħabba d-​deċiżjoni tal-​Qorti Distrettwali, il-​każ ġie minnufih appellat quddiem il-​Qorti Superjuri. Id-​diskussjonijiet tal-​ftuħ fil-​qorti taʼ l-​appell bdew f’Lulju taʼ l-​1997, u issa Misae, għalkemm safra mewt imma determinata, kienet tinsab hemmhekk bil-​qiegħda f’siġġu tar-​roti. Il-​kanċer kien reġaʼ feġġ, u kienet sejra għall-​agħar. Misae inkuraġġiet ruħha ħafna meta l-​prim imħallef, b’mossa mhux tas-​soltu, qal ċar u tond x’direzzjoni kienet bi ħsiebha tieħu l-​qorti. Hu għamilha ċara li l-​qorti taʼ l-​appell ma kinitx taqbel mas-​sentenza tal-​qorti tal-​maġistrati​—li tabib kellu d-​dritt li jinjora x-​xewqat tal-​pazjent, u jaġixxi bħallikieku kien se jikkoopera imma fl-​istess ħin bil-​ħsieb f’moħħu li jagħmel mod ieħor. Il-​prim imħallef qal li l-​qorti ma kinitx se tappoġġa l-​etika paternalistika taʼ “Shirashimu bekarazu, yorashimu beshi,”b li tfisser, “Żommhom fl-​injoranza u dipendenti fuq in-​nies tal-​mediċina.” Misae iktar tard qalet: “Ferħana ħafna bil-​kumment ġust taʼ l-​imħallef; huwa differenti għalkollox mid-​deċiżjoni li kienet ħadet qabel il-​Qorti Distrettwali.” Kompliet tgħid: “Għal dan kont qed nitolbu lil Jehovah.”

Ix-​xahar taʼ wara, Misae mietet, imdawra b’tal-familja u bil-​ħaddiema taʼ sptar differenti, fejn it-​twemmin sinċier tagħha ġie mifhum u rrispettat. Għalkemm kienu qalbhom sewda bil-​mewt tagħha, binha, Masami, u membri oħrajn tal-​familja kienu determinati li l-​każ jasal fi tmiemu, skond ix-​xewqat tagħha.

Id-​Deċiżjoni

Fl-​aħħar, fid-​9 taʼ Frar, 1998, it-​tliet imħallfin tal-​Qorti Superjuri għaddew is-​sentenza tagħhom, fejn waqqgħu d-​deċiżjoni tal-​qorti tal-​maġistrati. Il-​kamra żgħira tal-​qorti kienet mimlija riporters, akkademiċi, u oħrajn li kienu segwew il-​kawża fedelment sa l-​aħħar. Id-​deċiżjoni li ttieħdet dehret f’diversi gazzetti kbar u stazzjonijiet tat-​televixin. Xi ftit mit-​titli kienu: “Il-​Qorti: Il-​Pazjenti Jistgħu Jirrifjutaw il-​Kura”; “Il-​Qorti Superjuri: It-​Trasfużjoni Ksur tad-​Drittijiet”; “Tabib li Amministra Trasfużjoni tad-​Demm Mingħajr il-​Kunsens Jitlef Kawża fil-​Qorti”; u “Xhud taʼ Jehovah Mogħti Kumpens Minħabba Trasfużjoni.”

Ir-rapporti li ħarġu fuq din id-​deċiżjoni kienu eżatti u favorevoli għall-​aħħar. The Daily Yomiuri rrapportat: “L-​Imħallef Takeo Inaba qal li t-​tobba ma jistgħux jużaw proċeduri li l-​pazjent ikun irrifjuta.” Qalet ukoll b’mod ċar: “It-​tobba li taw [it-trasfużjoni tad-​demm] ċaħduha mill-​possibbiltà li tagħżel il-​kura li xtaqet.”

Il-gazzetta Asahi Shimbun semmiet li fil-​waqt li f’dan il-​każ il-​qorti ħasset li ma kienx hemm biżżejjed evidenza li kien jeżisti kuntratt, fejn iż-​żewġ naħat qablu li d-​demm ma kienx se jintuża anki f’sitwazzjoni taʼ ħajja u mewt, l-​imħallfin ma qablux mal-​qorti tal-​maġistrati rigward il-​legalità taʼ dan il-​kuntratt: “Jekk jeżisti qbil informat tajjeb bejn in-​naħat ikkonċernati li m’għandhiex tingħata trasfużjoni tad-​demm taħt kwalunkwe ċirkustanza, din il-​Qorti ma tqisux kontra l-​ordni pubblika, u, għaldaqstant, invalidu.” Barra minn hekk, din il-​gazzetta semmiet il-​ħarsa li kellhom l-​imħallfin li “kull esseri uman hu ddestinat li jmut xi darba, u l-​proċess lejn dak il-​mument tal-​mewt jistaʼ jiġi deċiż minn kull individwu.”

Fil-fatt, ix-​Xhieda taʼ Jehovah fittxew fil-​fond rigward din il-​ħaġa u jinsabu konvinti li qegħdin jagħżlu l-​aħjar mod biex jgħixu. Dan jinkludi li jirrifjutaw il-​perikli magħrufin tat-​trasfużjonijiet tad-​demm u minflok jaċċettaw proċeduri mingħajr demm li jintużaw bil-​kbir f’ħafna pajjiżi u li huma fi qbil mal-​liġi t’Alla. (Atti 21:25) Professur Ġappuniż tal-​liġi kostituzzjonali magħruf ħafna qal hekk: “Fir-​realtà, li tirrifjuta l-​kura [tat-trasfużjoni tad-​demm] f’dan il-​każ m’huwiex kwistjoni taʼ li tagħżel ‘kif se tmut’ imma, pjuttost, taʼ kif se tgħix.”

Id-deċiżjoni li ħadet il-​Qorti Superjuri għandha tiftaħ għajnejn it-​tobba, li d-​dritt li jiddeċiedu huma x’inhu l-​aħjar, ma japplikax f’kull qasam daqs kemm ħasbu xi wħud. U bis-​saħħa taʼ dan, ħafna sptarijiet oħrajn għandhom mnejn jistabbilixxu linji taʼ gwida etiċi. Fil-​waqt li d-​deċiżjoni taʼ din il-​qorti nistgħu ngħidu li ġiet aċċettata u hija inkuraġġanti għall-​pazjenti, li ftit li xejn kellhom id-​dritt jagħżlu l-​kura li xtaqu, mhux kulħadd laqagħha bil-​ferħ. L-​isptar tal-​gvern u t-​tliet tobba appellaw il-​każ quddiem il-​Qorti Suprema. Għalhekk irridu nistennew sabiex naraw jekk l-​ogħla qorti tal-​Ġappun hijiex se tappoġġa wkoll id-​drittijiet tal-​pazjent, sewwa sew bħalma jagħmel is-​Sovran taʼ l-​univers.

[Noti taʼ taħt]

a Konċett li m’huwiex definit legalment u li jitħalla f’idejn il-​maġistrat biex jinterpretah u japplikah.

b Dan kien il-​kredu tas-​sidien fewdali tal-​perijodu taʼ Tokugawa dwar kif kellhom jaħkmu fuq is-​sudditi tagħhom.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja