Futur fis-Sigurtà Taħt il-Ħakma t’Alla
L-ANSJETAJIET tagħna dwar il-futur dalwaqt jispiċċaw, għax Alla se jieħu ħsieb il-pjaneta Art billi jistabbilixxi l-gvern tiegħu stess, imsejjaħ is-Saltna t’Alla. Ġesù Kristu kellu f’moħħu dan il-futur mill-isbaħ meta għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.”—Mattew 6:9, 10.
Is-Saltna t’Alla la se tikkoopera mal-mexxejja politiċi umani u lanqas ma se taħdem permezz tagħhom. Minflok, se telimina kull traċċa taʼ tmexxija umana indipendenti minn Alla, bħalma turi l-profezija li ġejja taʼ Danjel dwar “l-aħħar jiem,” iż-żmien li qed ngħixu fih. (2 Timotju 3:1) “Fi żmien dawn is-slaten, Alla tas-sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt. . . . Hija tfarrak u ttemm is-saltniet l-oħra kollha [magħmulin mill-bniedem], waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” (Danjel 2:44) Dan il-kliem ma jagħti ebda faraġ jew tama lil dawk li jippreferu t-tmexxija tal-bniedem, imma għal dawk li jixtiequ li Alla jeżerċita s-sovranità tiegħu permezz taʼ Saltnatu, dan il-kliem fih wegħda meraviljuża.
Futur mill-Isbaħ!
Meta s-Saltna t’Alla taħkem fuq l-art kollha, is-sudditi tagħha mhux se jkunu mifrudin minħabba l-politika, ir-razza, ir-reliġjon, jew il-fruntieri tal-pajjiżi. Minflok, se jifformaw fratellanza globali f’unità permezz tal-verità spiritwali u l-imħabba ġenwina. (Ġwanni 13:34, 35; 17:3, 17) Iva, taħt il-ħakma tas-Saltna se ‘tħaddar il-ġustizzja’ u se jkun hemm “sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.”—Salm 72:7.
Minbarra dawn l-affarijiet, is-Saltna t’Alla se tgħin lill-bnedmin sottomessi biex isiru perfetti mentalment u fiżikament, billi se tneħħi kull mard, tbatija, u mewt. (Rivelazzjoni 21:3, 4) X’se jkun ir-riżultat? Il-pjaneta tagħna se ssir ġenna taʼ l-art f’kull aspett, u b’hekk se twettaq l-iskop oriġinali t’Alla bħalma tlissen fl-Għeden.a—Ġenesi 1:28.
L-Unika Aħbar Tajba taʼ Veru
Meta kien qed jagħti s-sinjal kompost tiegħu “taʼ tmiem is-sistema,” Ġesù inkluda aspett taʼ min jinnotah b’mod partikulari. (Mattew 24:3-7) Hu qal: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.”—Mattew 24:14.
Fi qbil mar-rieda t’Alla, fl-2007, kważi 7 miljun Xhud taʼ Ġeħova ppridkaw il-messaġġ tas-Saltna lill-ġirien tagħhom f’236 pajjiż, u bil-ferħ taw iktar minn 1.4 biljun siegħa mill-ħin persunali tagħhom għal dan ix-xogħol. Ix-Xhieda għala huma daqshekk konvinti dwar il-wegħdi li jinsabu fil-Bibbja? It-tweġiba hi tassew sempliċi. Bħalma jispjega l-artiklu li jmiss, Alla dejjem iżomm kelmtu.—Rumani 3:4.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-artiklu “Il-Ħarsa tal-Bibbja: L-Art Qatt Se Tkun Ġenna?” f’paġna 10.
[Kumment f’paġna 7]
Il-Bibbja tgħid li se jkun hemm “sliem kotran”