Futur li Tistaʼ Torbot Fuqu!
Wasalt f’salib it-toroq. Sinjal wieħed jgħidlek, “Investi l-futur tiegħek fil-bnedmin u l-wegħdi tagħhom.” L-ieħor jgħidlek, “Afda f’Alla u fis-Saltna tiegħu.” Liema triq se taqbad?
IT-TRIQ għaqlija hi li tafda f’Alla. “Min jismaʼ lili,” jgħid hu, “jgħix moħħu mistrieħ, bla ebda tfixkil, bla biżaʼ tal-ħsara.” (Proverbji 1:33) Aħna nisimgħu mill-Ħallieq tagħna billi nagħtu kas it-tagħlim li hemm fil-Bibbja, għax nafu li dan hu taʼ min joqgħod fuqu. (2 Timotju 3:16) Din il-fiduċja għandha bażi soda? Dażgur li għandha! Per eżempju, kif rajna fit-tieni artiklu taʼ din is-serje, il-Bibbja biss tispjega eżatt għala l-bnedmin m’humiex kwalifikati biex jaħkmu lilhom infushom b’suċċess. Ma taqbilx int li dak li tgħid il-Bibbja jaqbel mal-fatti?
L-istess eżattezza tistaʼ taraha fil-profeziji tal-Bibbja. Per eżempju, il-Bibbja bassret il-kundizzjonijiet tal-biki li jimmarkaw dawn “l-aħħar jiem.” Dawn nistgħu narawhom b’għajnejna stess. (Mattew 24:3-7; 2 Timotju 3:1-5) Il-Bibbja bassret ukoll li l-bnedmin kellhom jheddu l-kundizzjoni tal-pjaneta. Alla se ‘jeqred lil dawk li qed jeqirdu l-art,’ jgħid Rivelazzjoni 11:18.
Meta dan il-kliem inkiteb xi 2,000 sena ilu, ħadd ma kien jgħaddilu minn moħħu li minħabba l-bniedem kien se jkun hemm fenomeni bħat-tinġis taʼ l-arja, tal-baħar, u taʼ l-art; iż-żjieda fis-sħana globali; u l-estinzjoni bil-massa taʼ l-ispeċi. Imma mhux illum! Iva, Alla qatt ma jigdeb. Il-Kelma miktuba tiegħu titwettaq dejjem sa l-iċken dettall.a (Titu 1:2; Ebrej 6:18) Fil-fatt, Alla jorbot ismu maʼ kelmtu.
Isem li Tistaʼ Tafdah
Sewwasew bħalma ċekk isir validu bil-firma li jkollu fuqu, l-isem persunali t’Alla—Ġeħova—jiggarantixxi li l-wegħdi kollha li hemm fil-Bibbja se jseħħu.b “Fl-isem qaddis tiegħu t-tama tagħna,” qal wieħed mill-kittieba tal-Bibbja li spiss Alla ħa ħsiebu bi mħabba.—Salm 33:21; 34:5, 7 (34:4, 6, NW).
Waqt li jorbot l-isem t’Alla mal-mod kif hu jieħu ħsieb ħaddieħor bħala missier, Proverbji 18:10 jgħid: “Isem il-Mulej hu torri qawwi; fih jistkenn il-ġust b’moħħu mistrieħ.” Bl-istess mod, Rumani 10:13 jgħid: “Kulmin isejjaħ isem Ġeħova jiġi salvat.” M’għandniex xi ngħidu, l-isem persunali t’Alla m’huwiex xi taliżman li jħarsek mill-ħażen. Minflok, hu Alla stess li jsalva lil dak li jkun, u bħalma jgħid il-vers, dawk li jsejħulu jagħmlu dan għaliex jafdawh b’għajnejhom magħluqin, għax jafu tajjeb ferm x’reputazzjoni perfetta għandu. Salm 91:14 jgħid: “La tħabbeb miegħi [maʼ Ġeħova], jien neħilsu; la għaraf ismi, jiena nħarsu.”
Staqsi lilek innifsek, ‘F’min nafda jien—f’Alla jew fil-bniedem?’ Ix-Xhieda taʼ Ġeħova għamlu l-għażla tagħhom favur Alla u s-Saltna tiegħu, mhux għaliex bilfors iridu jemmnu dan jew għaliex jemmnu kulma jisimgħu, imma fuq il-bażi taʼ konvinzjoni soda bbażata fuq għarfien eżatt dwar il-Bibbja. (Ebrej 11:1; 1 Ġwanni 4:1) Minħabba f’hekk, ma jibżgħux mill-futur imma ‘jithennew bit-tama’ li għandhom quddiemhom. Huma jistidnuk biex ikollok l-istess ħarsa pożittiva.—Rumani 12:12.
[Noti taʼ taħt]
a Ara l-ħarġa speċjali taʼ din ir-rivista bl-Ingliż taʼ Novembru 2007, li kollha kemm hi kienet dwar il-mistoqsija “Can You Trust the Bible?”
b Ara l-kaxxa taʼ maʼ l-artiklu bl-isem “Kemm Isem u Kemm Garanzija.”
[Kumment f’paġna 9]
Sewwasew bħalma ċekk isir validu bil-firma li jkollu fuqu, l-isem t’Alla jiggarantixxi li l-wegħdi kollha li hemm fil-Bibbja se jseħħu
[Kaxxa f’paġna 9]
KEMM ISEM U KEMM GARANZIJA
Ġeħova, l-isem t’Alla, m’huwiex sempliċi tikketta.c B’liema mod? Dan l-isem ifisser “Hu Jġiegħel li Jsir.” Fi ftit kliem, Alla għandu l-imħabba, il-qawwa, u l-għerf biex isir kulma jiddeċiedi li hu neċessarju sabiex iwettaq l-iskop u l-kelma tiegħu. Per eżempju, jistaʼ jsir Salvatur għan-nies sewwa, Qerried għall-ħżiena, Semmiegħ it-talb, jew Missier li jħobb—kulma jagħżel li jsir.
“Jien hu Alla,” jgħid Ġeħova, “sa mill-bidu ngħarraf it-tmiem, . . . u ngħid: ‘Il-ħsieb tiegħi għad iseħħ, u nagħmel kull ma rrid.’” (Isaija 46:9, 10) Peress li Alla hu dejjem leali lejn l-iskop tiegħu u peress li ismu, jew ir-reputazzjoni tiegħu, hu involut, il-Kelma miktuba tiegħu se sseħħ żgur. “Alla m’hux bniedem biex jigdeb.”—Numri 23:19.
[Nota taʼ taħt]
c L-isem Ġeħova hu differenti mit-titli Dak li Jistaʼ Kollox, Ħallieq, Alla, u Mulej. Jidher xi sebat elef darba fit-test oriġinali tal-Bibbja Mqaddsa. Alla ta dan l-isem lilu nnifsu. Eżodu 3:15 jgħid: “Ġeħova . . . hu ismi għal dejjem.”—American Standard Version.