LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 1/8 pp. 13-15
  • Is-Sigriet tal-Bżieżaq

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Is-Sigriet tal-Bżieżaq
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Inbid li Ma Jfexfixx
  • L-​Aħħar Irtokki
  • Xarba Mixtieqa
  • Skopri l-Kantina taʼ l-Inbid fil-Moldova
    Stenbaħ!—2004
  • Għeneb Friżat li Jipproduċi “Likwidu tad-Deheb”
    Stenbaħ!—2002
  • Dmugħ fi Flixkun tal-Ġild
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
Stenbaħ!—2002
g02 1/8 pp. 13-15

Is-​Sigriet tal-​Bżieżaq

MINN KITTIEB TAʼ STENBAĦ! FI FRANZA

MADWAR ID-​DINJA, IX-​XAMPANJA hija simbolu taʼ festività u ċelebrazzjoni. Fil-​fatt, it-​tfexfix u l-​bżieżaq li jiddeskrivu din ix-​xarba huma karatteristika importanti f’ħafna okkażjonijiet taʼ ferħ.

Ħafna jagħtu l-​mertu lil Dom Pérignon bħala li vvinta x-​xampanja. Għamel x’għamel, żgur li kellu sehem kbir biex itejjeb il-​kwalità tagħha. Dan il-​patri Benedittin kien jieħu ħsieb il-​provvisti maħżunin fil-​Kunvent taʼ Hautvillers (fil-qalba tar-​reġjun taʼ Champagne fi Franza) mill-​1668 sakemm miet fl-​1715. Hemm min jgħid li kien Dom Pérignon li vvinta ħafna mill-​metodi li għadhom jintużaw sa llum fil-​produzzjoni tax-​xampanja.

L-ewwel li wrew entużjażmu għall-​inbid ifexfex kienu l-​Britanniċi, imma sas-​seklu 18, il-​familja rjali Franċiża kienet skopriet din ix-​xarba lussuża. Madankollu, innota li biex verament jissejjaħ xampanja, l-​inbid irid isir f’Champagne fi Franza. L-​għeneb ukoll ma jistax jiġi jekk mhux minn dan ir-​reġjun!

Is-saff taʼ taħt il-​wiċċ tal-​ħamrija fir-​reġjun taʼ Champagne huwa ġibsi u jibqaʼ nieżel 100 metru fond u huwa miksi b’saff irqiq taʼ ħamrija mħallta b’materjali li jkunu nġarru maʼ l-​ilma tax-​xita.a Din il-​karatteristika speċjali tiggarantixxi li jkun hemm umdità l-​ħin kollu, u bil-​lejl il-​ħamrija titfaʼ s-​sħana li tkun xorbot matul il-​ġurnata. Iktar minn hekk, l-​għeruq tad-​dwieli jinżlu iktar minn 10 metri fl-​art, u għalhekk ikun iktar faċli li jieħdu l-​minerali essenzjali għall-​finezza taʼ l-​inbid.

Għalkemm l-​hekk imsejjaħ reġjun tax-​xampanja jkopri madwar 364 kilometru kwadru, id-​dwieli jkopru bejn wieħed u ieħor 283 kilometru kwadru. Id-​dwieli huma mħawlin fil-​parti taʼ fuq taʼ l-​għoljiet biex jitnaqqsu l-​effetti qerrieda tal-​ġlata, bħal dik li kien hemm fl-​1985 li laħqet it-​30 grad Celsius taħt iż-​żero. Jitkabbru tliet tipi taʼ għeneb: Pinot Meunier u Pinot Noir, li huma għeneb iswed, u Chardonnay, li huwa għeneb abjad.b

L-​Inbid li Ma Jfexfixx

L-​għeneb li jinqataʼ jitqiegħed minnufih f’magħsar taʼ l-​inbid kbir u baxx biex il-​qxur tiegħu ma jtebbgħux il-​meraq. L-​ewwel tagħsira taʼ 4 tunnellati għeneb toħroġ 2,050 litru taʼ ċertu tip taʼ nbid, li jintuża biss għall-​aqwa nbejjed. Imbagħad jintgħasar darbtejn oħra u l-​ewwel joħorġu 410 litri u mbagħad 205 litri taʼ meraq taʼ kwalità inferjuri. Wara dan, il-​meraq li joħroġ ma jipproduċix xampanja vera.

Għal bosta ġimgħat il-​ħmira tagħmel xogħolha bil-​mod il-​mod f’xi bittija taʼ l-​injam jew tal-​metall. L-​organiżmi ċkejknin jipproduċu l-​alkoħol u d-​dijossidu karboniku billi jieklu z-​zokkor li jkun hemm fil-​meraq. Din l-​ewwel fermentazzjoni tixbah lil dik li ssir fi kwalunkwe nbid. Ir-​riżultat taʼ dan il-​proċess huwa nbid li ma jfexfixx (mingħajr gass). Issa wasal il-​waqt li dan l-​inbid mill-​ifjen jinbidel f’xarba tajba li tfexfex.

Il-kontenut taz-​zokkor f’dan l-​inbid bla gass jitkejjel u jiġi kontrollat bejn wieħed u ieħor għal 25 gramma kull litru billi jżidulu likur magħmul miz-​zokkor tal-​kannamieli li jħolluh f’inbid qadim. Imbagħad l-​inbid li jirriżulta jferrgħuh fil-​fliexken li jagħlquhom b’tapp temporanju. Dawn jiġu postjati mimdudin fuq xulxin għal diversi xhur f’kantini b’temperatura taʼ 10 gradi Celsius. Matul dan iż-​żmien, il-​ħmira tiekol kemm tiflaħ zokkor u bil-​mod il-​mod tibda t-​tieni fermentazzjoni. Billi l-​organiżmi ċkejknin jerġgħu jibdew jieklu z-​zokkor, dawn jipproduċu iktar dijossidu karboniku. Imma din id-​darba ma jkunx jistaʼ jaħrab, bħalma jkun għamel fil-​bittija. Minflok, jibqaʼ magħluq fil-​flixkun, u jkompli jżid il-​pressjoni sa madwar sitt atmosferi. Meta jinfetaħ il-​flixkun, jinħelsu madwar ħames jew sitt litri taʼ gass. Minn hemm jiġu l-​miljuni taʼ bżieżaq u l-​famuż tfexfix.

Biex jifilħu din il-​pressa kollha, il-​fliexken iridu jkunu b’saħħithom u jingħalqu tajjeb. Fl-​imgħoddi, din il-​ħaġa kkaġunat diffikultajiet kbar lil dawk li kienu jipproduċu x-​xampanja. Per eżempju, fil-​ktieb tiegħu The Story of Wine, Hugh Johnson jirrakkonta li lejn l-​aħħar tas-​seklu 19, “ma kien għaqli xejn li wieħed imur jittawwal f’kantina tax-​xampanja, speċjalment fi żmien ir-​rebbiegħa, mingħajr maskra tal-​metall biex jipproteġi wiċċu mill-​ħġieġ li jtir.”

Madankollu, ix-​xampanja tagħna għadha mhix lesta. Il-​ħmira mejta u l-​melħ minerali li jinġabru fil-​qiegħ iridu jitneħħew biex l-​inbid ma jkunx imdardar. Din il-​biċċa xogħol tradizzjonalment taqaʼ f’idejn ir-​remueurs, jew dawk li jdawru l-​fliexken. Ftit ftit dawn idawru l-​fliexken rashom ’l isfel u jmejluhom kuljum b’45 grad sa 90 grad. Xi ħaddiema kapaċi jdawru 10,000 flixkun f’siegħa! Madankollu, għax-​xampanji komuni, din il-​biċċa xogħol bil-​mod il-​mod qiegħda ssir bil-​magni.

L-​Aħħar Irtokki

Finalment, in-​naqal fl-​inbid jinġabar f’għonq il-​flixkun. Dan jitneħħa fi proċess li jsejħulu dégorgement. Waqt li l-​flixkun jinżamm rasu ’l isfel, l-​għonq jiddaħħal f’taħlita taʼ ilma mielaħ li tkun 27 grad Celsius taħt iż-​żero. Imbagħad il-​flixkun jinfetaħ malajr malajr. Il-​pressjoni taʼ ġewwa tispara n-​naqal friżat ’il barra. Imbagħad iżidu likur ġdid fil-​flixkun biex jimla l-​ispazju li jitħalla. L-​ammont taʼ zokkor fil-​likur jiddetermina jekk ix-​xampanja tkunx ħelwa, ħelwa ftit (medium dry), jew mhux ħelwa (dry), skond il-​gosti tal-​konsumatur. Issa sa fl-​aħħar il-​fliexken jistgħu jiġu siġillati b’tappijiet tas-​sufra speċjali li bil-​mod il-​mod jieħdu l-​forma tagħhom taʼ faqqiegħ—waħda mill-​karatteristiċi tax-​xampanja.

Iżda t-​tapp tas-​sufra jrid jitpoġġa f’postu fis-​sod. Biex jagħmlu dan, għall-​bidu kienu pprovaw jużaw il-​ħjut tal-​qanneb imma ma rnexxewx, għax kienu jitmermru bl-​umdità fil-​kantini. Imbagħad, ipprovaw wajer tal-​metall komuni, imma dan kien jissaddad u jaqsam is-​sufra. Fl-​aħħar ħarġet idea ġdida: Titpoġġa għata tal-​metall fuq it-​tapp tas-​sufra, u jinżammu f’posthom permezz taʼ wajer imdawwar. Qisu għal dawn l-​aħħar 150 sena, il-​fliexken ġew siġillati b’dan il-​mod. Fl-​aħħar, jitqiegħdu l-​karta tleqq u t-​tikketta li żżejjen il-​flixkun.

Xarba Mixtieqa

Ħafna postijiet magħrufin għall-​inbid ipprovaw jipproduċu nbejjed simili li jfexfxu. Madankollu, anki jekk jużaw l-​istess metodi, il-​prodott jistaʼ biss jissejjaħ inbid ifexfex—mhux xampanja—għax l-​isem xampanja huwa protett mil-​liġi. Dan l-​aħħar, stilista Franċiż ħareġ fwieħa li semmieha Champagne u tellgħuh il-​qorti. L-​istess ħaġa ġrat lil raġel Ingliż li pproduċa xarba li semmieha Elderflower Champagne, magħmula mill-​frotta u l-​fjuri tas-​siġra tas-​sebuqa, li kienet fi fliexken li jixbhu lil dawk tax-​xampanja.

Bħal ħafna negozji oħra, l-​industrija tax-​xampanja ġarrbet kriżi ekonomika. Wara li fl-​1989 kisret ir-​rekord taʼ l-​ammont taʼ produzzjoni—b’249 miljun flixkun—il-​bejgħ naqas, u ħalla għadd kbir taʼ fliexken żejda. Illum dawk li jkabbru d-​dwieli jrażżnu l-​produzzjoni u jikkonċentraw fuq il-​kwalità.

Jekk titħalla ’l bogħod mid-​dawl u dejjem fl-​istess temperatura, ix-​xampanja tistaʼ tinżamm għal ftit snin, imma din tkun diġà ilha żmien twil għand il-​manifattur. Għalhekk, ix-​xampanja tistaʼ tixrobha malli tixtriha. Kif għandek isserviha? Ix-​xampanja trid tkessaħha sa bejn 6 u 9 gradi Celsius. Metodu tajjeb biex tagħmel dan huwa li tpoġġi l-​flixkun f’barmil bl-​ilma u s-​silġ. Imbagħad ferragħha f’tazza twila b’għonq dejjaq biex turi l-​bżieżaq telgħin.

Għalhekk, jekk ikollok l-​opportunità li tipprova din ix-​xarba delizzjuża, aħseb ftit dwar kemm kellha bżonn attenzjoni kontinwa biex issir, u ħu gost bil-​miljuni taʼ bżieżaq li pprovajna nikxfu s-​sigriet tagħhom.

[Noti taʼ taħt]

a Minħabba li l-​ħamrija hemmhekk fiha l-​ġibs, kien ukoll iktar faċli li jitħaffru iżjed minn 250 kilometru taʼ kantini, fejn it-​temperatura trid tibqaʼ 10 gradi Celsius. Bħalissa, il-​parti l-​kbira mill-​kantini fir-​reġjun taʼ Reims huma l-​fdalijiet taʼ barrieri antiki minn żmien ir-​Rumani.

b Ċerti xampanji jsiru biss bl-​għeneb Chardonnay, bħall-​famuż Blanc de Blancs (jiġifieri abjad tal-​bojod), mid-​dwieli taʼ Côte des Blancs fin-​naħa taʼ isfel tal-​belt taʼ Épernay.

[Stampi f’paġna 15]

Chardonnay

Pinot Noir

Pinot Meunier

[Sorsi]

Photo DUBOIS - Collection C.I.V.C.

Photo collection C.I.V.C.

[Stampi f’paġna 15]

1 L-​għeneb jinqataʼ bl-​idejn bir-​reqqa u jintgħasar f’magni li jagħsru l-​għeneb

2 Il-​ħmira tagħmel xogħolha fil-​btieti taʼ l-​injam għal bosta ġimgħat

3 Il-​fliexken jinħażnu fuq l-​ixkafef għat-​tieni fermentazzjoni

4 Waqt proċess li jissejjaħ “dégorgement,” in-​naqal jispara ’l barra mill-​flixkun

[Sorsi]

Photo M. HETIER - Collection C.I.V.C.

Photo collection C.I.V.C.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja