LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 4/8 pp. 16-17
  • Għeneb Friżat li Jipproduċi “Likwidu tad-Deheb”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għeneb Friżat li Jipproduċi “Likwidu tad-Deheb”
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Iż-​Żmien u t-​Temperatura
  • Għala Daqshekk Ħelu?
  • It-​Togħma tal-​“Likwidu tad-​Deheb”
  • “Ħu Ħsieb Din id-Dielja”!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Is-Sigriet tal-Bżieżaq
    Stenbaħ!—2002
Stenbaħ!—2002
g02 4/8 pp. 16-17

Għeneb Friżat li Jipproduċi “Likwidu tad-​Deheb”

MINN KITTIEB TAʼ STENBAĦ! FIL-​KANADA

Ġurnata xitwija u taʼ kesħa kbira fir-​reġjun tan-​Niagara, fil-​Kanada, tqanqal lil għadd taʼ ħaddiema biżlin jisfidaw it-​temp ikrah u jerħulha għall-​għalqa tad-​dwieli. L-​irjieħ kesħin jistgħu jagħmlu t-​temperatura tinħass maʼ l-​40 grad Celsius taħt iż-​żero. Għala huma daqshekk ħerqanin dawn il-​ħassada biex joħorġu f’temp ikrah bħal dan u jiġbru l-​għeneb imkemmex u friżat, li huwa iebes ġebla? Għax dan l-​għeneb imkemmex jipproduċi nbid ħelu ħafna lewn id-​deheb. Dan l-​inbid hu msejjaħ icewine.

Iż-​Żmien u t-​Temperatura

Il-​kittieb Amerikan Mark Twain sejjaħ lill-​“aqwa invenzjoni li qatt saret” bħala inċident. Dan ġara fl-​1794 fi Franconia, il-​Ġermanja, meta n-​negozjanti taʼ l-​inbid għasru l-​meraq minn għeneb friżat wara li għamel xebgħa silġ. L-​għeneb ipproduċa nbid bi kwantità kbira taʼ zokkor; madankollu, il-​ħafna aċidu li fih ibbilanċja l-​ħlewwa taʼ l-​inbid. Iżda, il-​produzzjoni taʼ l-​icewine taʼ kull sena toħloq sfidi speċjali għal dawk li jagħmluh. It-​temperatura trid tkun ilha ġranet sħaħ inqas minn 7 gradi Celsius taħt iż-​żero jekk il-​meraq irid jiffriża sew. Jekk il-​meraq ħelu jitħalla jinħall ħarira, dan se jitlef mill-​qawwa tiegħu. Jekk jiksaħ iżżejjed, l-​għeneb iebes ftit li xejn se jipproduċi meta jintgħasar. “Dan jirrikjedi ċerta ħila,” jgħid wieħed li jagħmel l-​inbid min-​Niagara. “It-​temperatura trid tkun eżatta.”

Il-klima fin-​nofsinhar tal-​Kanada, speċjalment fir-​reġjun tan-​Niagara, hija ideali biex jipproduċu l-​icewine. Huwa mbassar li t-​temperaturi jinżlu sa inqas minn 7 gradi Celsius taħt iż-​żero f’xi żmien bejn Novembru u Frar. Dawk li jagħmlu l-​inbid kellhom suċċess kbir biex jagħmlu l-​icewine mill-​għeneb Riesling u Vidal, għalkemm intużaw ukoll varjetajiet oħra. Minkejja li hemm ukoll pajjiżi oħra li jipproduċu l-​icewine, il-​Kanada saret l-​iktar pajjiż li jipproduċih fid-​dinja, u kisbet premjijiet kbar f’diversi kompetizzjonijiet internazzjonali taʼ l-​inbid.

Għala Daqshekk Ħelu?

Il-​ħlewwa qawwija taʼ l-​icewine tiġi minħabba lkwantità kbira taʼ zokkor li jkun fih il-​meraq taʼ l-​għeneb. L-​għeneb, li 80 fil-​mija minnu huwa ilma, jinqataʼ u jintgħasar waqt li jkun għadu friżat. In-​negozjanti taʼ l-​inbid iridu jagħsru l-​għeneb barra jew iżommu l-​bibien tal-​fabbrika taʼ l-​inbid miftuħin biex jibqgħu ċerti li l-​għeneb jibqaʼ friżat. Il-​biċċa l-​kbira mill-​ilma, li jiffriża f’temperatura ogħla miz-​zokkor, isir silġ. Għalhekk, meta l-​għeneb friżat jintgħasar, il-​meraq li joħroġ minnu jkollu kwantità kbira taʼ zokkor. Dan il-​meraq hu, kif poġġieha wieħed li jikteb dwar l-​inbid, “ħelu b’mod taʼ l-​għaġeb.”

Taʼ interess, għalkemm il-​Kanada hija magħrufa għax-​xtiewi kesħin tagħha, in-​Niagara tinsab iktar lejn in-​nofsinhar mir-​reġjun famuż taʼ Borgonja fi Franza. Għalhekk, minħabba l-​ħafna sigħat taʼ xemx u t-​temperaturi għoljin f’Lulju—meta t-​tkabbir tad-​dwieli jkun fl-​aqwa tiegħu—in-​Niagara qiegħda f’post ideali biex tipproduċi icewine bi kwantità kbira taʼ zokkor. Fil-​ħarifa, il-​klima tvarja ħafna, u minħabba f’hekk l-​għeneb jinxiflu l-​ilma u l-​ħlewwa tiegħu tiżdied.

It-​Togħma tal-​“Likwidu tad-​Deheb”

Ġeneralment, kilo għeneb normali jipproduċi flixkun inbid taʼ 750 millilitru. Madankollu, skond ir-​riħ u x-​xemx tax-​xitwa, kilo għeneb mingħajr ilma taʼ l-​icewine jistaʼ jipproduċi biss 150 millilitru jew saħansitra inqas! Għalhekk, l-​icewine jistaʼ jiswa ħafna flus u taʼ spiss jinbiegħ fi fliexken żgħar taʼ 375 millilitru.

Skond wieħed li jagħmel l-​inbid, ir-​riħa taʼ l-​icewine “tfakkrek fil-​lychee [frotta miċ-​Ċina],” filwaqt li t-​togħma tiegħu tinkludi “frott tropikali, b’daqsxejn togħma tan-​nektar tal-​ħawħ u l-​mangu.” Għalkemm għall-​ewwel il-​ħlewwa u t-​togħma tiegħu jistgħu jkunu qawwijin, “il-​bilanċ jintlaħaq bl-​aċidu, li fl-​aħħar jagħti dik it-​togħma pura u mhux ħelwa.”

Il-popolarità taʼ l-​icewine m’hijiex limitata biss għall-​Kanada. Minħabba li jiġi esportat f’ħafna pajjiżi, speċjalment lejn l-​Asja tal-​Lvant, l-​icewine ġie aċċettat sew bħala alternattiva ħelwa għall-​brandi.

Taʼ interess li l-​fabbriki taʼ l-​inbid fin-​Niagara rrapportaw li diversi individwi offrew lilhom infushom biex jipparteċipaw fil-​ħsad fil-​kesħa. X’jingħataw bħala ħlas? Flixkun żgħir “likwidu tad-​deheb.”

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 16]

Għeneb: © Bogner Photography

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 17]

Julianna Hayes, BCWine.com

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja