L-avorju Kemm Jiswa?
MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIL-KENJA
F’konferenza internazzjonali f’Ħarare, iż-Żimbabwe, matul Ġunju taʼ l-1997, delegati minn 138 pajjiż ivvotaw biex titnaqqas projbizzjoni globali fuq il-kummerċ taʼ l-avorju li kienet ilha fis-seħħ sebaʼ snin. Id-deċiżjoni, li ntlaħqet wara dibattitu jaħraq, tippermetti lil tliet nazzjonijiet fin-Nofsinhar taʼ l-Afrika—il-Botswana, in-Namibja, u ż-Żimbabwe—li jbigħu, b’ċertu kundizzjonijiet, l-avorju lil pajjiż wieħed, il-Ġappun. Rappreżentanti min-Nofsinhar taʼ l-Afrika ferħu b’din id-deċiżjoni, u nfexxew ikantaw. Delegati oħrajn kienu mħassbin bil-biżaʼ taʼ x’jistaʼ jfisser dan għall-iljunfant Afrikan.
META Annibale sfida lill-armata taʼ Ruma fit-tielet seklu Q.E.K., miegħu kellu serbut iljunfanti Afrikani mmansati. Wisq probabbli, dak iż-żmien l-iljunfanti Afrikani kienu jgħoddu bil-miljuni u kienu jiffjorixxu mill-Cape of Good Hope sal-Kajr.
Il-folja nqalbet. Wieħed osservatur innota: “Gżejjer umani f’baħar taʼ ljunfanti nbidlu fi gżejjer li dejjem jiċkienu taʼ ljunfanti f’baħar taʼ bnedmin.” Hekk kif in-nies bdew jiżdiedu fil-għadd, l-iljunfanti ħarġu telliefa fil-battalja kontriehom għall-art. Fattur ieħor li kkontribwixxa għat-tnaqqis fil-għadd taʼ l-iljunfanti kien l-espansjoni tad-Deżert Saħara lejn in-Nofsinhar.
Madankollu, xi ħaġa li ssuperat dawn ir-raġunijiet kienet id-domanda għall-avorju. Kuntrarju għall-għadam tat-tigra u l-qarn tar-rinoċeront, l-avorju m’huwiex marbut maʼ xi ħrafa dwar li għandu xi valur farmaċewtiku. Minkejja dan, huwa xi ħaġa taʼ lussu, sabiħ, ma jittikilx malajr, u faċli biex tnaqqxu. Sa mill-qedem, l-avorju li jiġi min-nejbiet taʼ l-iljunfant kien ikklassifikat fost l-affarijiet prezzjużi u taʼ min jixtieqhom.
Erbaʼ mitt sena wara Annibale, l-Imperu Ruman qered parti kbira mill-popolazzjoni taʼ l-iljunfanti fl-Afrika taʼ fuq biex jissodisfa xenqa għall-avorju. Dik ix-xenqa kompliet tħeġġeġ speċjalment fil-Punent, minn dak iż-żmien ’l hawn. Kmieni f’dan is-seklu, id-domanda kibret ħafna—mhux biex jintuża għal xogħlijiet taʼ l-arti u oġġetti reliġjużi bħal qabel, imma għall-produzzjoni taʼ tastieri tal-pjanu. Skond il-ktieb Battle for the Elephants, fis-sena 1910 biss, madwar 700 tunnellata taʼ avorju (li jirrappreżentaw 13,000 iljunfant maqtul) ġew użati biex jintgħamlu 350,000 tastiera fl-Istati Uniti.
Furja taʼ Kaċċa Illegali
Wara l-ewwel gwerra dinjija, id-domanda għall-avorju naqset, għaddew liġijiet ġodda dwar il-konservazzjoni tan-natura, u l-iljunfanti bdew jiżdiedu fil-għadd. Madankollu, sal-bidu tas-snin sebgħin, il-qtil fuq skala kbira reġaʼ beda mill-ġdid. Issa, it-talba għall-avorju ġiet mill-pajjiżi Asjatiċi li reċentement kienu bdew igawdu prosperità.
Din id-darba, kien hemm żewġ fatturi li ħabbru diżastru għall-iljunfanti fl-Afrika. L-ewwel fattur kien li armi ħfief u sofistikati saru iktar disponibbli. F’daqqa waħda, saret ħaġa faċli li tispara u toqtol mhux biss iljunfanti individwali imma anki merħliet sħaħ. It-tieni, għodda tat-tinqix li taħdem bl-elettriku kienet tfisser li avorju mhux maħdum malajr setaʼ jiġi mibdul f’oġġetti lesti biex jinbiegħu. Fil-passat, għandu mnejn li naqqâx Ġappuniż kien idum sena biex jonqox nejba waħda. Madankollu, bil-għodod taʼ l-elettriku, fabbrika bi tmienja min-nies li tagħmel il-ġojjellerija u l-hanko (siġilli bl-isem popolari fil-Ġappun) tistaʼ tikkonsma n-nejbiet taʼ 300 iljunfant f’ġimgħa waħda biss. Domandi akbar għall-avorju ġagħlu ’l-prezzijiet jogħlew m’ogħla s-sema. M’għandniex xi ngħidu, il-parti l-kbira tal-flus ma spiċċawx fi bwiet il-kaċċaturi illegali imma ħaduhom l-aġenti u l-bejjiegħa, li ħafna minnhom saru sinjuruni.
L-għadd taʼ ljunfanti li nqerdu kien wieħed tal-biżaʼ. F’affari t’għoxrin sena, it-Tanzanija tilfet 80 fil-mija taʼ l-iljunfanti tagħha, li ħafna minnhom inqatlu minn kaċċaturi illegali. Il-Kenja tilfet 85 fil-mija taʼ l-iljunfanti tagħha. L-Uganda tilfet 95 fil-mija. Għall-ewwel, il-kaċċaturi illegali kienu joqtlu biss iljunfanti rġiel, għax huma kellhom l-akbar nejbiet. Imma hekk kif l-iljunfanti adulti naqsu, il-kaċċaturi illegali bdew joqtlu anki ljunfanti żgħar għan-nejbiet żgħar tagħhom. Matul dak il-perijodu, għandu mnejn ġew maqtulin iktar minn miljun iljunfant għall-avorju tagħhom, u b’hekk il-popolazzjoni taʼ l-iljunfanti fl-Afrika ġiet imnaqqsa għal 625,000.
Projbizzjoni Globali
Sforzi biex jikkontrollaw il-kummerċ taʼ l-avorju u biex iwaqqfu l-massakru fallew għalkollox. Fl-aħħar, f’Ottubru taʼ l-1989, f’konferenza li saret fl-Isvizzera, il-Convention on International Trade in Endangered Species of Flora and Fauna (CITES) (Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali taʼ Speċi Pperikolati taʼ Flora u Fawna), ipprojbiet kull kummerċ taʼ avorju fost il-pajjiżi membri tagħha. Il-projbizzjoni ġiet appoġġjata permezz taʼ fondi kbar biex jiġu protetti l-iljunfanti li jimirħu fil-beraħ.
Xi wħud bassru li projbizzjoni fuq l-avorju kienet se tirriżulta fi prezzijiet ogħla fis-swieq illegali u li l-kaċċa illegali kienet se tiżdied. Ġara l-oppost. Il-prezzijiet waqgħu, u swieq li qabel kienu jġibu qligħ kbir spiċċaw fix-xejn. Fl-Indja, per eżempju, il-bejgħ bl-imnut taʼ l-avorju niżel b’85 fil-mija, u l-biċċa l-kbira tan-nies tas-sengħa li kienu jaħdmu l-avorju f’dak il-pajjiż kellhom isibu xogħol ieħor. Il-kaċċa illegali naqset drammatikament. Qabel il-projbizzjoni, il-kaċċaturi illegali fil-Kenja kienu joqtlu mill-inqas 2,000 iljunfant kull sena. Sa l-1995, l-għadd kien naqas għal 35. Iktar minn hekk, il-popolazzjoni taʼ l-iljunfanti fil-Kenja żdiedet minn 19,000 fl-1989 għal madwar 26,000 illum.
Minħabba f’dawn ir-raġunijiet, l-Environmental Investigation Agency (Aġenzija taʼ Investigazzjoni Ambjentali), li għandha l-bażi tagħha f’Londra, laqgħet bil-ferħa l-projbizzjoni fuq il-kummerċ taʼ l-avorju bħala “wieħed mis-suċċessi kbar fl-istorja reċenti tal-konservazzjoni.” Madankollu, mhux kulħadd huwa daqstant entużjażmat, speċjalment fin-Nofsinhar taʼ l-Afrika.
L-Iljunfanti tan-Nofsinhar taʼ l-Afrika
Fil-pajjiżi li jinsabu fin-Nofsinhar taʼ l-Afrika hemm iktar minn 200,000 iljunfant, jew madwar terz tal-popolazzjoni kollha taʼ l-iljunfanti Afrikani. Dan huwa dovut f’parti għal metodi effettivi favur il-konservazzjoni, u f’parti għall-fatt li dawn il-pajjiżi ħelsuha minn idejn il-milizzji armati sa snienhom li mmassakraw il-merħliet taʼ l-Afrika tal-Lvant u l-Afrika Ċentrali.
Madankollu, hekk kif il-popolazzjonijiet taʼ l-iljunfanti jiżdiedu, taʼ spiss ikun hemm konflitt bejn l-iljunfanti u n-nies li jgħixu fi nħawi rurali. Wara kollox, iljunfant adult għandu aptit enormi, u kapaċi jiekol sa 300 kilo ħaxix kuljum. Jekk ikun hemm xi ljunfant jgħix fl-inħawi fejn toqgħod int, ibqaʼ ċert li tinduna.
L-Africa Resources Trust (Għaqda tar-Riżorsi taʼ l-Afrika), li għandha l-bażi tagħha fiż-Żimbabwe, tistqarr: “Il-biċċa l-kbira taʼ l-Afrikani li jgħixu fi nħawi rurali jibżgħu mill-iljunfanti, jissuspettaw ħażin fihom u huma ostili lejhom. Fi ftit sigħat, l-iljunfanti jistgħu jirrovinaw il-mezzi taʼ l-għajxien tan-nies billi jiklulhom il-prodotti tagħhom jew jgħaffġulhom il-bhejjem tagħhom u joqtluhomlhom. Jagħmlu wkoll ħsara lid-djar u lill-iskejjel, lill-imqawel tal-bhejjem, lis-siġar tal-frott, lill-ilqugħ taʼ l-ilma u tal-ħamrija. Kuljum il-gazzetti lokali jkun fihom rapporti taʼ ħsarat magħmulin mill-iljunfanti.”
In-nazzjonijiet tan-Nofsinhar taʼ l-Afrika huma kburin bis-suċċess tagħhom f’li jżommu popolazzjonijiet konsiderevoli taʼ ljunfanti. Imma l-konservazzjoni tiswielhom ħafna, u ma jħossux li għandhom ibatu minħabba l-problemi taʼ pajjiżi Afrikani oħrajn. Huma jirraġunaw li kummerċ taʼ l-avorju kkontrollat kieku jagħti l-wisaʼ biex il-flus jintużaw ħalli jiġu appoġġjati sforzi favur il-konservazzjoni u jgħinu biex jingħata kumpens lill-bdiewa fi nħawi rurali għat-telf li jġarrbu.
Ħażniet taʼ Avorju
F’pajjiżi fejn jimirħu l-iljunfanti, l-avorju jakkumula. Dan jiġi minn iljunfanti li jkunu nqatlu biex jitnaqqas l-għadd tagħhom, minn iljunfanti li jmutu mewta naturali, u minn ħażniet illegali li jkunu ġew ikkonfiskati. X’isir b’dan l-avorju?
Il-Kenja taħraq l-avorju tagħha. Sa minn Lulju taʼ l-l989, il-Kenja ħarqet pubblikament avorju mhux maħdum li kien jiswa miljuni taʼ dollari, mingħajr ebda kumpens dirett mingħand sorsi barranin. Fis-sena 1992, iz-Zambja wkoll ħarqet il-ħażna taʼ l-avorju tagħha. Il-messaġġ kien ċar: il-Kenja u z-Zambja ma riedu li jkollhom ebda sehem fil-kummerċ taʼ l-avorju.
Pajjiżi oħrajn żammew il-ħażniet tagħhom bħala investiment għall-futur. TRAFFIC, li hija l-akbar organizzazzjoni fid-dinja li tissorvelja n-natura, tikkalkula li l-ammont totali taʼ avorju li huwa maħżun f’pajjiżi Afrikani fil-preżent huwa mill-inqas 462 tunnellata, li jiswew 46 miljun dollaru [Lm17,700,000]. Il-Botswana, in-Namibja, u ż-Żimbabwe, it-tliet pajjiżi li issa għandhom il-permess li jinnegozjaw mal-Ġappun, għandhom 120 tunnellata taʼ avorju. Għalhekk, ħafna jistaqsu, ‘F’reġjun fejn in-nies qegħdin jitħabtu ekonomikament, l-avorju għala jitħalla fl-imħażen biex joqgħod it-trab fuqu? Għala ma jinbiegħx u l-fondi jiġu wżati għall-konservazzjoni?’
It-Tħassib Jibqaʼ
Fil-waqt li xi nazzjonijiet Afrikani jargumentaw li jekk titnaqqas il-projbizzjoni fuq l-avorju, dan se jgħin il-konservazzjoni taʼ l-iljunfanti, oħrajn huma verament konvinti li projbizzjoni totali fuq il-kummerċ taʼ l-avorju hija l-unika miżura li tistaʼ tevita dagħdigħa oħra taʼ kaċċa illegali. It-tħassib jiċċentra fuq kemm jiġi kkontrollat b’mod strett il-kummerċ. Jistgħu s-sistemi tan-negozju jipprovdu mezzi kif wieħed jaħrab il-liġi u li bihom avorju li nkiseb illegalment jistaʼ jibda jinbiegħ legalment? Ukoll, xi ngħidu għall-kaċċa illegali spekulattiva? Jistaʼ t-tnaqqis tal-projbizzjoni jfisser li l-iljunfanti jiġu maqtulin u l-avorju jibda jiġi maħżun minn dawk li jittamaw li l-projbizzjoni tiġi mnaqqsa iktar fil-futur?
Maʼ dan l-inkwiet irridu nżidu l-fatt li fl-Afrika l-armi saru iktar abbundanti minn qatt qabel. Il-gwerer ċivili miġġildin hawnhekk poġġew xkubetti awtomatiċi f’idejn nies li, imbottati minn kundizzjonijiet ekonomiċi ħorox, huma lesti li jużawhom biex jaqilgħu l-flus. Nehemiah Rotich, direttur taʼ l-East African Wildlife Society (Soċjetà li Tieħu Ħsieb in-Natura fl-Afrika tal-Lvant), kiteb: “Billi l-avorju reġaʼ tpoġġa fis-suq [minħabba kummerċ imġedded], m’hemm ebda dubju li dawn is-snieter se jiġu mmirati lejn l-iljunfanti—wara kollox huwa eħfef li tispara fuq iljunfant f’park vast milli tisraq bank fil-belt.”
Problema oħra hi li miżuri kontra l-kaċċa illegali mhux biss jiswew ħafna flus imma huma wkoll diffiċli. Li ssir għassa fl-inħawi vasti fejn jimirħu l-iljunfanti jirrikjedi riżorsi finanzjarji kbar ħafna. Fl-Afrika tal-Lvant, dawn huma diffiċli li ssibhom.
Liema Futur għall-Iljunfant?
Għad irridu naraw x’inhuma l-konsegwenzi tad-deċiżjoni biex tiġi mnaqqsa l-projbizzjoni fuq il-kummerċ taʼ l-avorju. Madankollu, anki jekk l-affarijiet imorru tajjeb, it-theddida għall-iljunfant mhix se tisparixxi. L-iljunfant huwa mhedded ukoll minn għadd li dejjem jiżdied taʼ nies li għandhom bżonn l-art għall-biedja u għal raġunijiet oħrajn. Biss biss, fin-Nofsinhar taʼ l-Afrika, in-nies jeqirdu, l-iktar għall-agrikoltura, iżjed minn 8,500 kilometru kwadru taʼ art tal-foresti kull sena—medda taʼ art kbira daqs nofs l-Iżrael. Hekk kif il-baħar taʼ bnedmin jikber iżjed, il-gżejjer taʼ ljunfanti żgur li se jsiru dejjem iżgħar.
Ir-rivista World Watch tistqarr: “Hemm punt wieħed li fuqu jaqblu dawk kollha li studjaw il-problema: l-iljunfant Afrikan għandu quddiemu futur diffiċli. Il-kriżi taʼ l-ambjent li jgħixu fih [ikkaġunata mill-għadd li dejjem jiżdied taʼ nies] se tkun tfisser li b’xi mod jew ieħor, ħafna ljunfanti se jmutu qabel iż-żmien. Jekk ma jinqatlux b’kaċċa legali jew waqt ħidmiet biex jitnaqqas l-għadd tagħhom—jew jekk ma jiġux immassakrati minn kaċċaturi illegali—ħafna iżjed se jmutu bil-ġuħ li jġib tnaqqis f’daqqa tal-popolazzjoni.”
Dan il-prospett xejn promettenti la jikkunsidra l-opinjoni u lanqas l-iskop t’Alla Jehovah, il-Ħallieq taʼ l-iljunfant. It-tħassib t’Alla għall-ħlejjaq li sawwar huwa evidenti mill-kliem taʼ Ġesù Kristu, li qal: “Ħames għasafar tal-bejt mhux żewġ soldi jinbiegħu? U anqas wieħed minnhom ma hu minsi quddiem Alla.” (Luqa 12:6) Jekk Alla ma jinsiex għasfur tal-bejt żgħir, nistgħu nibqgħu ċerti li mhux se jinjora l-istat imwiegħer taʼ l-iljunfant tant kbir.
[Kaxxa fʼpaġna 16]
Dwar l-Avorju
“Bla dubju, l-avorju huwa materjal sabiħ. Huwa inkandexxenti u leqqien, kwalitajiet li ebda materjal ieħor li jintuża għall-ornamenti jew għall-iskultura m’għandu. Imma jien dejjem inħoss li n-nies jinsew li l-avorju huwa n-nejba taʼ ljunfant. Il-kelma avorju tneħħi minn moħħna kull konnessjoni maʼ l-idea taʼ ljunfant. Ikollok it-tendenza li tpoġġih fil-kategorija tal-ġada, it-tìk, l-ebanu, l-ambra, anki tad-deheb u l-fidda, imma hemm differenza ewlenija: Il-materjali l-oħrajn ma ġewx minn annimal; in-nejba taʼ l-avorju hija sinna mibdula f’ħaġa oħra. Meta wieħed iżomm f’idu brazzuletta sabiħa jew xi ħaġa delikata minquxa taʼ l-avorju, dan irid juża l-immaġinazzjoni tiegħu biex jirrealizza li dik il-biċċa avorju ġiet minn iljunfant li darba kien jimraħ ’l hawn u ’l hemm u li kien juża n-nejba tiegħu biex jiekol, iħaffer, iqalleb, jilgħab u jiġġieled, u barra minn hekk, li l-iljunfant kellu jiġi ssagrifikat biex dik il-biċċa avorju setgħet tispiċċa f’idu.”—Elephant Memories, minn Cynthia Moss.
[Kaxxa fʼpaġna 19]
Dwar l-Iljunfanti
L-iljunfanti għandhom qawwa tremenda, u meta jkunu rrabjati, l-art tibda titriegħed. Iljunfant jistaʼ jaħtfek bit-tromba tiegħu u jwaddbek ’il bogħod qisek xi ġebla. Madankollu, iljunfant jistaʼ wkoll imellsek bit-tromba tiegħu jew jieħu l-ikel bil-ħlewwa minn idek. L-iljunfanti huma intelliġenti, ikkomplikati, u buffi. Huma leali ħafna lejn il-familja tagħhom u jdewwu l-feriti taʼ xulxin, iduru bil-morda tagħhom, u jirreaġixxu meta jmut xi membru tal-familja tagħhom. Fil-waqt li jinjoraw il-fdalijiet taʼ annimali oħrajn, huma jagħrfu l-għadam taʼ ljunfanti oħrajn u jirreaġixxu billi jferrxuhom jew jidfnuhom.
[Stampi fʼpaġna 18]
Żewġ pajjiżi ħarqu l-avorju tagħhom; oħrajn żammew il-ħażniet tagħhom bħala investiment