LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g98 1/8 pp. 15-19
  • L-​avorju Kemm Jiswa?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-​avorju Kemm Jiswa?
  • Stenbaħ!—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Furja taʼ Kaċċa Illegali
  • Projbizzjoni Globali
  • L-​Iljunfanti tan-​Nofsinhar taʼ l-​Afrika
  • Ħażniet taʼ Avorju
  • It-​Tħassib Jibqaʼ
  • Liema Futur għall-​Iljunfant?
  • It-Tromba tal-Iljunfant
    Stenbaħ!—2012
Stenbaħ!—1998
g98 1/8 pp. 15-19

L-​avorju Kemm Jiswa?

MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIL-​KENJA

F’konferenza internazzjonali f’Ħarare, iż-​Żimbabwe, matul Ġunju taʼ l-​1997, delegati minn 138 pajjiż ivvotaw biex titnaqqas projbizzjoni globali fuq il-​kummerċ taʼ l-​avorju li kienet ilha fis-​seħħ sebaʼ snin. Id-​deċiżjoni, li ntlaħqet wara dibattitu jaħraq, tippermetti lil tliet nazzjonijiet fin-​Nofsinhar taʼ l-​Afrika​—il-​Botswana, in-​Namibja, u ż-​Żimbabwe—​li jbigħu, b’ċertu kundizzjonijiet, l-​avorju lil pajjiż wieħed, il-​Ġappun. Rappreżentanti min-​Nofsinhar taʼ l-​Afrika ferħu b’din id-​deċiżjoni, u nfexxew ikantaw. Delegati oħrajn kienu mħassbin bil-​biżaʼ taʼ x’jistaʼ jfisser dan għall-​iljunfant Afrikan.

META Annibale sfida lill-​armata taʼ Ruma fit-​tielet seklu Q.E.K., miegħu kellu serbut iljunfanti Afrikani mmansati. Wisq probabbli, dak iż-​żmien l-​iljunfanti Afrikani kienu jgħoddu bil-​miljuni u kienu jiffjorixxu mill-​Cape of Good Hope sal-​Kajr.

Il-folja nqalbet. Wieħed osservatur innota: “Gżejjer umani f’baħar taʼ ljunfanti nbidlu fi gżejjer li dejjem jiċkienu taʼ ljunfanti f’baħar taʼ bnedmin.” Hekk kif in-​nies bdew jiżdiedu fil-​għadd, l-​iljunfanti ħarġu telliefa fil-​battalja kontriehom għall-​art. Fattur ieħor li kkontribwixxa għat-​tnaqqis fil-​għadd taʼ l-​iljunfanti kien l-​espansjoni tad-​Deżert Saħara lejn in-​Nofsinhar.

Madankollu, xi ħaġa li ssuperat dawn ir-​raġunijiet kienet id-​domanda għall-​avorju. Kuntrarju għall-​għadam tat-​tigra u l-​qarn tar-​rinoċeront, l-​avorju m’huwiex marbut maʼ xi ħrafa dwar li għandu xi valur farmaċewtiku. Minkejja dan, huwa xi ħaġa taʼ lussu, sabiħ, ma jittikilx malajr, u faċli biex tnaqqxu. Sa mill-​qedem, l-​avorju li jiġi min-​nejbiet taʼ l-​iljunfant kien ikklassifikat fost l-​affarijiet prezzjużi u taʼ min jixtieqhom.

Erbaʼ mitt sena wara Annibale, l-​Imperu Ruman qered parti kbira mill-​popolazzjoni taʼ l-​iljunfanti fl-​Afrika taʼ fuq biex jissodisfa xenqa għall-​avorju. Dik ix-​xenqa kompliet tħeġġeġ speċjalment fil-​Punent, minn dak iż-​żmien ’l hawn. Kmieni f’dan is-​seklu, id-​domanda kibret ħafna—mhux biex jintuża għal xogħlijiet taʼ l-​arti u oġġetti reliġjużi bħal qabel, imma għall-​produzzjoni taʼ tastieri tal-​pjanu. Skond il-​ktieb Battle for the Elephants, fis-​sena 1910 biss, madwar 700 tunnellata taʼ avorju (li jirrappreżentaw 13,000 iljunfant maqtul) ġew użati biex jintgħamlu 350,000 tastiera fl-​Istati Uniti.

Furja taʼ Kaċċa Illegali

Wara l-​ewwel gwerra dinjija, id-​domanda għall-​avorju naqset, għaddew liġijiet ġodda dwar il-​konservazzjoni tan-​natura, u l-​iljunfanti bdew jiżdiedu fil-​għadd. Madankollu, sal-​bidu tas-​snin sebgħin, il-​qtil fuq skala kbira reġaʼ beda mill-​ġdid. Issa, it-​talba għall-​avorju ġiet mill-​pajjiżi Asjatiċi li reċentement kienu bdew igawdu prosperità.

Din id-​darba, kien hemm żewġ fatturi li ħabbru diżastru għall-​iljunfanti fl-​Afrika. L-​ewwel fattur kien li armi ħfief u sofistikati saru iktar disponibbli. F’daqqa waħda, saret ħaġa faċli li tispara u toqtol mhux biss iljunfanti individwali imma anki merħliet sħaħ. It-​tieni, għodda tat-​tinqix li taħdem bl-​elettriku kienet tfisser li avorju mhux maħdum malajr setaʼ jiġi mibdul f’oġġetti lesti biex jinbiegħu. Fil-​passat, għandu mnejn li naqqâx Ġappuniż kien idum sena biex jonqox nejba waħda. Madankollu, bil-​għodod taʼ l-​elettriku, fabbrika bi tmienja min-​nies li tagħmel il-​ġojjellerija u l-​hanko (siġilli bl-​isem popolari fil-​Ġappun) tistaʼ tikkonsma n-​nejbiet taʼ 300 iljunfant f’ġimgħa waħda biss. Domandi akbar għall-​avorju ġagħlu ’l-prezzijiet jogħlew m’ogħla s-​sema. M’għandniex xi ngħidu, il-​parti l-​kbira tal-​flus ma spiċċawx fi bwiet il-​kaċċaturi illegali imma ħaduhom l-​aġenti u l-​bejjiegħa, li ħafna minnhom saru sinjuruni.

L-għadd taʼ ljunfanti li nqerdu kien wieħed tal-​biżaʼ. F’affari t’għoxrin sena, it-​Tanzanija tilfet 80 fil-​mija taʼ l-​iljunfanti tagħha, li ħafna minnhom inqatlu minn kaċċaturi illegali. Il-​Kenja tilfet 85 fil-​mija taʼ l-​iljunfanti tagħha. L-​Uganda tilfet 95 fil-​mija. Għall-​ewwel, il-​kaċċaturi illegali kienu joqtlu biss iljunfanti rġiel, għax huma kellhom l-​akbar nejbiet. Imma hekk kif l-​iljunfanti adulti naqsu, il-​kaċċaturi illegali bdew joqtlu anki ljunfanti żgħar għan-​nejbiet żgħar tagħhom. Matul dak il-​perijodu, għandu mnejn ġew maqtulin iktar minn miljun iljunfant għall-​avorju tagħhom, u b’hekk il-​popolazzjoni taʼ l-​iljunfanti fl-​Afrika ġiet imnaqqsa għal 625,000.

Projbizzjoni Globali

Sforzi biex jikkontrollaw il-​kummerċ taʼ l-​avorju u biex iwaqqfu l-​massakru fallew għalkollox. Fl-​aħħar, f’Ottubru taʼ l-​1989, f’konferenza li saret fl-​Isvizzera, il-​Convention on International Trade in Endangered Species of Flora and Fauna (CITES) (Konvenzjoni dwar il-​Kummerċ Internazzjonali taʼ Speċi Pperikolati taʼ Flora u Fawna), ipprojbiet kull kummerċ taʼ avorju fost il-​pajjiżi membri tagħha. Il-​projbizzjoni ġiet appoġġjata permezz taʼ fondi kbar biex jiġu protetti l-​iljunfanti li jimirħu fil-​beraħ.

Xi wħud bassru li projbizzjoni fuq l-​avorju kienet se tirriżulta fi prezzijiet ogħla fis-​swieq illegali u li l-​kaċċa illegali kienet se tiżdied. Ġara l-​oppost. Il-​prezzijiet waqgħu, u swieq li qabel kienu jġibu qligħ kbir spiċċaw fix-​xejn. Fl-​Indja, per eżempju, il-​bejgħ bl-​imnut taʼ l-​avorju niżel b’85 fil-​mija, u l-​biċċa l-​kbira tan-​nies tas-​sengħa li kienu jaħdmu l-​avorju f’dak il-​pajjiż kellhom isibu xogħol ieħor. Il-​kaċċa illegali naqset drammatikament. Qabel il-​projbizzjoni, il-​kaċċaturi illegali fil-​Kenja kienu joqtlu mill-​inqas 2,000 iljunfant kull sena. Sa l-​1995, l-​għadd kien naqas għal 35. Iktar minn hekk, il-​popolazzjoni taʼ l-​iljunfanti fil-​Kenja żdiedet minn 19,000 fl-​1989 għal madwar 26,000 illum.

Minħabba f’dawn ir-​raġunijiet, l-​Environmental Investigation Agency (Aġenzija taʼ Investigazzjoni Ambjentali), li għandha l-​bażi tagħha f’Londra, laqgħet bil-​ferħa l-​projbizzjoni fuq il-​kummerċ taʼ l-​avorju bħala “wieħed mis-​suċċessi kbar fl-​istorja reċenti tal-​konservazzjoni.” Madankollu, mhux kulħadd huwa daqstant entużjażmat, speċjalment fin-​Nofsinhar taʼ l-​Afrika.

L-​Iljunfanti tan-​Nofsinhar taʼ l-​Afrika

Fil-​pajjiżi li jinsabu fin-​Nofsinhar taʼ l-​Afrika hemm iktar minn 200,000 iljunfant, jew madwar terz tal-​popolazzjoni kollha taʼ l-​iljunfanti Afrikani. Dan huwa dovut f’parti għal metodi effettivi favur il-​konservazzjoni, u f’parti għall-​fatt li dawn il-​pajjiżi ħelsuha minn idejn il-​milizzji armati sa snienhom li mmassakraw il-​merħliet taʼ l-​Afrika tal-​Lvant u l-​Afrika Ċentrali.

Madankollu, hekk kif il-​popolazzjonijiet taʼ l-​iljunfanti jiżdiedu, taʼ spiss ikun hemm konflitt bejn l-​iljunfanti u n-​nies li jgħixu fi nħawi rurali. Wara kollox, iljunfant adult għandu aptit enormi, u kapaċi jiekol sa 300 kilo ħaxix kuljum. Jekk ikun hemm xi ljunfant jgħix fl-​inħawi fejn toqgħod int, ibqaʼ ċert li tinduna.

L-Africa Resources Trust (Għaqda tar-​Riżorsi taʼ l-​Afrika), li għandha l-​bażi tagħha fiż-​Żimbabwe, tistqarr: “Il-​biċċa l-​kbira taʼ l-​Afrikani li jgħixu fi nħawi rurali jibżgħu mill-​iljunfanti, jissuspettaw ħażin fihom u huma ostili lejhom. Fi ftit sigħat, l-​iljunfanti jistgħu jirrovinaw il-​mezzi taʼ l-​għajxien tan-​nies billi jiklulhom il-​prodotti tagħhom jew jgħaffġulhom il-​bhejjem tagħhom u joqtluhomlhom. Jagħmlu wkoll ħsara lid-​djar u lill-​iskejjel, lill-​imqawel tal-​bhejjem, lis-​siġar tal-​frott, lill-​ilqugħ taʼ l-​ilma u tal-​ħamrija. Kuljum il-​gazzetti lokali jkun fihom rapporti taʼ ħsarat magħmulin mill-​iljunfanti.”

In-nazzjonijiet tan-​Nofsinhar taʼ l-​Afrika huma kburin bis-​suċċess tagħhom f’li jżommu popolazzjonijiet konsiderevoli taʼ ljunfanti. Imma l-​konservazzjoni tiswielhom ħafna, u ma jħossux li għandhom ibatu minħabba l-​problemi taʼ pajjiżi Afrikani oħrajn. Huma jirraġunaw li kummerċ taʼ l-​avorju kkontrollat kieku jagħti l-​wisaʼ biex il-​flus jintużaw ħalli jiġu appoġġjati sforzi favur il-​konservazzjoni u jgħinu biex jingħata kumpens lill-​bdiewa fi nħawi rurali għat-​telf li jġarrbu.

Ħażniet taʼ Avorju

F’pajjiżi fejn jimirħu l-​iljunfanti, l-​avorju jakkumula. Dan jiġi minn iljunfanti li jkunu nqatlu biex jitnaqqas l-​għadd tagħhom, minn iljunfanti li jmutu mewta naturali, u minn ħażniet illegali li jkunu ġew ikkonfiskati. X’isir b’dan l-​avorju?

Il-Kenja taħraq l-​avorju tagħha. Sa minn Lulju taʼ l-​l989, il-​Kenja ħarqet pubblikament avorju mhux maħdum li kien jiswa miljuni taʼ dollari, mingħajr ebda kumpens dirett mingħand sorsi barranin. Fis-​sena 1992, iz-​Zambja wkoll ħarqet il-​ħażna taʼ l-​avorju tagħha. Il-​messaġġ kien ċar: il-​Kenja u z-​Zambja ma riedu li jkollhom ebda sehem fil-​kummerċ taʼ l-​avorju.

Pajjiżi oħrajn żammew il-​ħażniet tagħhom bħala investiment għall-​futur. TRAFFIC, li hija l-​akbar organizzazzjoni fid-​dinja li tissorvelja n-​natura, tikkalkula li l-​ammont totali taʼ avorju li huwa maħżun f’pajjiżi Afrikani fil-​preżent huwa mill-​inqas 462 tunnellata, li jiswew 46 miljun dollaru [Lm17,700,000]. Il-​Botswana, in-​Namibja, u ż-​Żimbabwe, it-​tliet pajjiżi li issa għandhom il-​permess li jinnegozjaw mal-​Ġappun, għandhom 120 tunnellata taʼ avorju. Għalhekk, ħafna jistaqsu, ‘F’reġjun fejn in-​nies qegħdin jitħabtu ekonomikament, l-​avorju għala jitħalla fl-​imħażen biex joqgħod it-​trab fuqu? Għala ma jinbiegħx u l-​fondi jiġu wżati għall-​konservazzjoni?’

It-​Tħassib Jibqaʼ

Fil-​waqt li xi nazzjonijiet Afrikani jargumentaw li jekk titnaqqas il-​projbizzjoni fuq l-​avorju, dan se jgħin il-​konservazzjoni taʼ l-​iljunfanti, oħrajn huma verament konvinti li projbizzjoni totali fuq il-​kummerċ taʼ l-​avorju hija l-​unika miżura li tistaʼ tevita dagħdigħa oħra taʼ kaċċa illegali. It-​tħassib jiċċentra fuq kemm jiġi kkontrollat b’mod strett il-​kummerċ. Jistgħu s-​sistemi tan-​negozju jipprovdu mezzi kif wieħed jaħrab il-​liġi u li bihom avorju li nkiseb illegalment jistaʼ jibda jinbiegħ legalment? Ukoll, xi ngħidu għall-​kaċċa illegali spekulattiva? Jistaʼ t-​tnaqqis tal-​projbizzjoni jfisser li l-​iljunfanti jiġu maqtulin u l-​avorju jibda jiġi maħżun minn dawk li jittamaw li l-​projbizzjoni tiġi mnaqqsa iktar fil-​futur?

Maʼ dan l-​inkwiet irridu nżidu l-​fatt li fl-​Afrika l-​armi saru iktar abbundanti minn qatt qabel. Il-​gwerer ċivili miġġildin hawnhekk poġġew xkubetti awtomatiċi f’idejn nies li, imbottati minn kundizzjonijiet ekonomiċi ħorox, huma lesti li jużawhom biex jaqilgħu l-​flus. Nehemiah Rotich, direttur taʼ l-​East African Wildlife Society (Soċjetà li Tieħu Ħsieb in-​Natura fl-​Afrika tal-​Lvant), kiteb: “Billi l-​avorju reġaʼ tpoġġa fis-​suq [minħabba kummerċ imġedded], m’hemm ebda dubju li dawn is-​snieter se jiġu mmirati lejn l-​iljunfanti​—wara kollox huwa eħfef li tispara fuq iljunfant f’park vast milli tisraq bank fil-​belt.”

Problema oħra hi li miżuri kontra l-​kaċċa illegali mhux biss jiswew ħafna flus imma huma wkoll diffiċli. Li ssir għassa fl-​inħawi vasti fejn jimirħu l-​iljunfanti jirrikjedi riżorsi finanzjarji kbar ħafna. Fl-​Afrika tal-​Lvant, dawn huma diffiċli li ssibhom.

Liema Futur għall-​Iljunfant?

Għad irridu naraw x’inhuma l-​konsegwenzi tad-​deċiżjoni biex tiġi mnaqqsa l-​projbizzjoni fuq il-​kummerċ taʼ l-​avorju. Madankollu, anki jekk l-​affarijiet imorru tajjeb, it-​theddida għall-​iljunfant mhix se tisparixxi. L-​iljunfant huwa mhedded ukoll minn għadd li dejjem jiżdied taʼ nies li għandhom bżonn l-​art għall-​biedja u għal raġunijiet oħrajn. Biss biss, fin-​Nofsinhar taʼ l-​Afrika, in-​nies jeqirdu, l-​iktar għall-​agrikoltura, iżjed minn 8,500 kilometru kwadru taʼ art tal-​foresti kull sena​—medda taʼ art kbira daqs nofs l-​Iżrael. Hekk kif il-​baħar taʼ bnedmin jikber iżjed, il-​gżejjer taʼ ljunfanti żgur li se jsiru dejjem iżgħar.

Ir-rivista World Watch tistqarr: “Hemm punt wieħed li fuqu jaqblu dawk kollha li studjaw il-​problema: l-​iljunfant Afrikan għandu quddiemu futur diffiċli. Il-​kriżi taʼ l-​ambjent li jgħixu fih [ikkaġunata mill-​għadd li dejjem jiżdied taʼ nies] se tkun tfisser li b’xi mod jew ieħor, ħafna ljunfanti se jmutu qabel iż-​żmien. Jekk ma jinqatlux b’kaċċa legali jew waqt ħidmiet biex jitnaqqas l-​għadd tagħhom​—jew jekk ma jiġux immassakrati minn kaċċaturi illegali—​ħafna iżjed se jmutu bil-​ġuħ li jġib tnaqqis f’daqqa tal-​popolazzjoni.”

Dan il-​prospett xejn promettenti la jikkunsidra l-​opinjoni u lanqas l-​iskop t’Alla Jehovah, il-​Ħallieq taʼ l-​iljunfant. It-​tħassib t’Alla għall-​ħlejjaq li sawwar huwa evidenti mill-​kliem taʼ Ġesù Kristu, li qal: “Ħames għasafar tal-​bejt mhux żewġ soldi jinbiegħu? U anqas wieħed minnhom ma hu minsi quddiem Alla.” (Luqa 12:6) Jekk Alla ma jinsiex għasfur tal-​bejt żgħir, nistgħu nibqgħu ċerti li mhux se jinjora l-​istat imwiegħer taʼ l-​iljunfant tant kbir.

[Kaxxa fʼpaġna 16]

Dwar l-​Avorju

“Bla dubju, l-​avorju huwa materjal sabiħ. Huwa inkandexxenti u leqqien, kwalitajiet li ebda materjal ieħor li jintuża għall-​ornamenti jew għall-​iskultura m’għandu. Imma jien dejjem inħoss li n-​nies jinsew li l-​avorju huwa n-​nejba taʼ ljunfant. Il-​kelma avorju tneħħi minn moħħna kull konnessjoni maʼ l-​idea taʼ ljunfant. Ikollok it-​tendenza li tpoġġih fil-​kategorija tal-​ġada, it-​tìk, l-​ebanu, l-​ambra, anki tad-​deheb u l-​fidda, imma hemm differenza ewlenija: Il-​materjali l-​oħrajn ma ġewx minn annimal; in-​nejba taʼ l-​avorju hija sinna mibdula f’ħaġa oħra. Meta wieħed iżomm f’idu brazzuletta sabiħa jew xi ħaġa delikata minquxa taʼ l-​avorju, dan irid juża l-​immaġinazzjoni tiegħu biex jirrealizza li dik il-​biċċa avorju ġiet minn iljunfant li darba kien jimraħ ’l hawn u ’l hemm u li kien juża n-​nejba tiegħu biex jiekol, iħaffer, iqalleb, jilgħab u jiġġieled, u barra minn hekk, li l-​iljunfant kellu jiġi ssagrifikat biex dik il-​biċċa avorju setgħet tispiċċa f’idu.”​—Elephant Memories, minn Cynthia Moss.

[Kaxxa fʼpaġna 19]

Dwar l-​Iljunfanti

L-​iljunfanti għandhom qawwa tremenda, u meta jkunu rrabjati, l-​art tibda titriegħed. Iljunfant jistaʼ jaħtfek bit-​tromba tiegħu u jwaddbek ’il bogħod qisek xi ġebla. Madankollu, iljunfant jistaʼ wkoll imellsek bit-​tromba tiegħu jew jieħu l-​ikel bil-​ħlewwa minn idek. L-​iljunfanti huma intelliġenti, ikkomplikati, u buffi. Huma leali ħafna lejn il-​familja tagħhom u jdewwu l-​feriti taʼ xulxin, iduru bil-​morda tagħhom, u jirreaġixxu meta jmut xi membru tal-​familja tagħhom. Fil-​waqt li jinjoraw il-​fdalijiet taʼ annimali oħrajn, huma jagħrfu l-​għadam taʼ ljunfanti oħrajn u jirreaġixxu billi jferrxuhom jew jidfnuhom.

[Stampi fʼpaġna 18]

Żewġ pajjiżi ħarqu l-​avorju tagħhom; oħrajn żammew il-​ħażniet tagħhom bħala investiment

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja