Int Theżhiżhom Snienek?
SA MINN żmien l-imgħoddi n-nies ilhom jheżhżu snienhom meta jkunu taħt stress. Il-Bibbja sikwit tuża theżhiż, jew tagħżiż, tas-snien biex tindika dagħdigħa jew diqa kbira. (Ġob 16:9; Mattew 13:42, 50) Fid-dinja tal-lum mimlija rabja u stress, miljuni taʼ nies litteralment jheżhżu snienhom, u l-biċċa l-kbira minnhom lanqas biss ikunu jafu li qed jagħmlu hekk. Huma jistgħu jkunu qegħdin jherru snienhom ftit ftit.
Xi wħud għala jheżhżu snienhom? Il-kaġuni huma kumplessi u għadhom ma ġewx mifhumin għalkollox. Imma f’xi każi l-istress emozzjonali l-iktar li jidher li x’aktarx huwa l-kaġun. Il-UC Berkeley Wellness Letter turi: “Nies li jheżhżu snienhom sikwit jirrapportaw li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet matrimonjali jew finanzjarji, se jagħtu xi eżamijiet finali, huma mbeżżaʼ li jitilfu l-impjieg, jew inkella jkunu taħt pressjoni.” Xi kaġuni possibbli oħrajn u fatturi li jikkontribwixxu għal dan jinkludu kuntatt difettuż bejn is-snien taʼ fuq u dawk taʼ isfel, nuqqas taʼ rqad, jew konsum taʼ alkoħol. Għalhekk, il-Wellness Letter tissuġġerixxi li dawk li jbatu minn din il-ħaġa jridu jipprovaw inaqqsu mill-alkoħol; jieħdu passi sempliċi biex jirrilassaw qabel ma jidħlu fis-sodda, bħal ngħidu aħna, li jieħdu banju sħun; jew jiftħu qalbhom rigward problemi serji maʼ xi ħabib jew maʼ xi ħadd li jafdaw u li jaf jagħtihom parir.
Matul il-ġurnata tistaʼ tinnota li int qed theżheż snienek jew tqarmiċhom. Imma kif tistaʼ tkun taf jekk tagħmilx hekk waqt li tkun rieqed? Xi drabi theżhiż kroniku tas-snien, magħruf bħala bruxism, jipproduċi ħoss qawwi biżżejjed biex iqajjem lil ħaddieħor li jkun rieqed ġo l-istess kamra. Int tistaʼ tqum b’uġigħ taʼ ras f’ngħasek, jew ix-xedaq tiegħek jistaʼ jagħmel ħsejjes taʼ ċaqċiq.a Id-dentist tiegħek jistaʼ saħansitra jinnota li snienek huma xi ftit jew wisq mikulin. Hu jistaʼ jirrikkmanda miżuri li jipprovdu serħan mill-uġigħ, bħal xi ħaġa biex tpoġġiha fuq snienek għal matul il-lejl. Għalkemm xi ħaġa bħal din li tipproteġi l-ħalq m’hijiex iddisinjata biex twaqqfek milli theżheż snienek, din tistaʼ tipproteġihomlok minn iktar ħsara. Hu x’inhu l-każ, irrilassa! Inqas ma tinkwieta, inqas se theżheż snienek.
[Nota taʼtaħt]
a Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara l-ħarġa taʼ l-Awake!, tat-22 taʼ Ġunju, 1991, paġni 20-2.