LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w16 Ottubru pp. 26-31
  • Nistinka biex nimita eżempji mill-​aħjar

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nistinka biex nimita eżempji mill-​aħjar
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • NIFTAKAR F’EŻEMPJI TAJBIN
  • NERĠAʼ MMUR POST IEĦOR
  • STEDINIET EĊĊITANTI
  • INKARIGU ĠDID
  • NAĠĠUSTAW GĦAL IKTAR BIDLIET
  • STEDINA EĊĊITANTI OĦRA
  • Għażilt Karriera maʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Ġeħova Ttrennjani minn Meta Kont Żgħir
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
  • Ħadt Pjaċir Nitgħallem u Ngħallem Dwar Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Bdejt fqir u spiċċajt sinjur
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
w16 Ottubru pp. 26-31

BIJOGRAFIJA

Nistinka biex nimita eżempji mill-​aħjar

Kif rakkontata minn Thomas McLain

“Taf kemm għandi żmien?” jien staqsejt. “Naf eżatt kemm għandek żmien,” wieġeb Izak Marais. Hu ċempilli f’Colorado minn Patterson, New York. Ħa nispjega x’wassal għal din il-​konversazzjoni.

Thomas u Bethel McLain

TWELIDT f’Wichita, Kansas, l-​Istati Uniti tal-​Amerika, fl-​10 taʼ Diċembru 1936, u kont l-​ikbar minn erbat itfal. Il-​ġenituri tiegħi, William u Jean, kienu qaddejja leali taʼ Ġeħova. Missieri kien il-​qaddej tal-​kongregazzjoni, li llum jissejjaħ il-​koordinatur tal-​ġemgħa tal-​anzjani. Ommi tgħallmet il-​verità mingħand ommha, Emma Wagner. Emma għallmet il-​verità lil ħafna nies, inkluż lil Gertrude Steele, li qdiet bħala missjunarja fi Puerto Rico.a (Ara n-​nota taʼ taħt.) Allura kelli ħafna eżempji tajbin x’nimita.

NIFTAKAR F’EŻEMPJI TAJBIN

Missier Thomas McLain joffri r-rivisti f’kantuniera fit-triq

Missieri joffri r-rivisti f’kantuniera fit-triq

Darba minnhom is-​Sibt filgħaxija meta kelli ħames snin, jien u missieri konna qed noffru r-​rivisti tat-​Torri tal-​Għassa u Consolation (issa msejjaħ Stenbaħ!) lin-​nies li kienu għaddejjin fit-​triq. Dak iż-​żmien, il-​pajjiż kien involut ħafna fit-​Tieni Gwerra Dinjija. Madankollu, missieri baqaʼ newtrali. Tabib li kien fis-​sakra ġie u akkużah li hu beżżiegħ u li jġib l-​iskużi biex ma jmurx għall-​gwerra. It-​tabib għamel wiċċu viċin ħafna taʼ wiċċ missieri u qallu, “Għala ma tilgħabhilix, ja beżżiegħ bla ħila!” Jien bżajt, imma vera ammirajt lil missieri. Hu sempliċement kompla joffri r-​rivisti lin-​nies li kienu qed iħarsu. Imbagħad għadda suldat u t-​tabib għajjat, “Għidlu xi ħaġa lil dan il-​beżżiegħ bla ħila!” Is-​suldat setaʼ jinduna li r-​raġel kien fis-​sakra, u qallu, “Għax ma tmurx id-​dar ħa tiġi f’sensik!” It-​tnejn telqu. Jien verament grat għall-​kuraġġ li Ġeħova ta lil missieri. Hu kellu żewġt iħwienet tal-​barbier f’Wichita, u t-​tabib kien wieħed mill-​klijenti tiegħu!

Thomas McLain mal-ġenituri tiegħu fis-snin 40

Mal-ġenituri tiegħi, sejrin konvenzjoni f’Wichita fis-snin 40

Meta kelli tmien snin, il-​ġenituri tiegħi biegħu d-​dar u l-​ħwienet tagħhom u għamlu karavan żgħir biex jgħixu fih. Imbagħad morna noqogħdu Colorado, viċin Grand Junction biex naqdu fejn il-​bżonn taʼ pubblikaturi kien akbar. Il-​ġenituri kienu pijunieri u ħadmu part-​time fil-​biedja u rziezet kbar. Bil-​barka taʼ Ġeħova u x-​xogħol biż-​żelu tagħhom, ifformat kongregazzjoni. Fl-​20 taʼ Ġunju 1948, missieri għammidni fi xmara żgħira ħdejn il-​muntanji, flimkien maʼ oħrajn li kienu aċċettaw il-​verità, inkluż Billie Nichols u l-​mara tiegħu. Iktar tard huma marru fix-​xogħol tal-​ivvjaġġar, u hekk ukoll għamlu ibnu u martu.

Konna ħbieb sew maʼ ħafna li kienu medhijin fis-​servizz taʼ Ġeħova, speċjalment mal-​familja Steele—Don u Earlene, Dave u Julia, u Si u Martha. Aħna konna nieħdu pjaċir niddiskutu l-​Bibbja magħhom, u huma influwenzawli ħajti ħafna. Urewni li meta nġibu s-​Saltna l-​ewwel, il-​ħajja tagħna jkollha sinifikat u ferħ veru.

NERĠAʼ MMUR POST IEĦOR

Meta kelli 19-​il sena, Bud Hasty, li kien ħabib tal-​familja, talabni nakkumpanjah bħala pijunier fin-​Nofsinhar tal-​Istati Uniti. L-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet talabna mmorru Ruston, Louisiana, fejn xi ftit mill-​aħwa kienu saru inattivi. Hu qalilna nikkonduċu l-​laqgħat kollha kull ġimgħa anki jekk ma jiġi ħadd. Sibna post għal-​laqgħa u rranġajnieh. Konna nagħmlu kull laqgħa, imma għal xi żmien, aħna t-​tnejn biss konna nattendu. Konna nippreżentaw parti tal-​laqgħa kull wieħed, waqt li l-​ieħor kien iwieġeb il-​mistoqsijiet kollha. Jekk il-​parti kienet tinkludi turija, it-​tnejn li aħna konna nkunu fuq il-​platform mingħajr udjenza! Fl-​aħħar, oħt akbar fl-​età bdiet tattendi. Eventwalment, bdew jiġu xi studenti tal-​Bibbja u wħud inattivi, u malajr sirna kongregazzjoni.

Ġurnata minnhom, jien u Bud iltqajna maʼ qassis miċ-​Church of Christ, u tkellem dwar skritturi li ma kontx naf bihom. Dan inkwetani u ġegħelni naħseb iktar fil-​fond dwar dak li kont nemmen. Għamilt ġimgħa sħiħa nistudja sa tard billejl biex insib tweġibiet għall-​mistoqsijiet tiegħu. Dan vera għenni nsaħħaħ ir-​relazzjoni tiegħi stess maʼ Ġeħova, u kont ħerqan biex niltaqaʼ maʼ qassis ieħor.

Ftit wara dan, indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet talabni mmur El Dorado, Arkansas, biex ngħin lill-​kongregazzjoni. Waqt li kont hemm, kemm-​il darba kelli mmur lura Colorado biex nidher quddiem id-​draft board, kumitat li jiddeċiedi min għandu jidħol fil-​militar. Fi vjaġġ minnhom, jien u xi pijunieri oħra konna qed nivvjaġġaw flimkien. Kellna aċċident f’Texas u l-​karozza tiegħi tkissret kompletament. Ċempilna lil ħu. Dan ġie, ħadna d-​dar tiegħu, u mbagħad il-​laqgħa. Hemmhekk sar avviż dwar l-​aċċident tagħna, u l-​aħwa b’qalb tajba tawna xi flus. Ukoll, il-​ħu biegħli l-​karozza għal 25 dollaru.

Irnexxielna niddobbaw rikba għal Wichita. Hemmhekk ħabib kbir tal-​familja, E. F. McCartney, li aħna konna ngħidulu Doc, kien qed jagħmel ix-​xogħol taʼ pijunier. It-​tewmin subien tiegħu, Frank u Francis, għadhom tnejn mill-​aqwa ħbieb tiegħi. Huma kellhom karozza antika li bigħuli għal 25 dollaru, l-​ammont eżatt li daħħalt mill-​karozza mfarrka tiegħi. Din kienet l-​ewwel darba li rajt biċ-​ċar li minħabba li poġġejt is-​Saltna l-​ewwel f’ħajti, Ġeħova tani xi ħaġa li kelli bżonn. F’din iż-​żjara, l-​aħwa McCartney laqqgħuni maʼ oħt grazzjuża, Bethel Crane. Ommha, Ruth, Xhud żeluża f’Wellington, Kansas, kompliet bħala pijuniera sa meta kellha ’l fuq minn 90 sena. F’inqas minn sena wara, fl-​1958, jien u Bethel iżżewwiġna u bdejna naqdu bħala pijunieri f’El Dorado.

STEDINIET EĊĊITANTI

Aħna ridna nimitaw l-​eżempji tajbin li kellna aħna u nikbru, allura ddeċidejna li naċċettaw kwalunkwe stedina mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Aħna ġejna assenjati bħala pijunieri speċjali f’Walnut Ridge, Arkansas. Imbagħad fl-​1962, konna eċċitati meta ġejna mistidnin għas-​37 klassi tal-​Iskola taʼ Gilegħad. Konna ferħanin meta sirna nafu li Don Steele kien fl-​istess klassi. Wara li ggradwajna, jien u Bethel ġejna assenjati għal Najrobi, il-​Kenja. Sewwidna qalbna li kellna nitilqu minn New York, imma meta wasalna l-​ajruport taʼ Najrobi u rajna li ħutna kienu hemm biex jilqgħuna mtlejna bil-​ferħ.

Thomas u Bethel McLain maʼ Mary u Chris Kanaiya f’Najrobi, il-Kenja

Fil-ministeru f’Najrobi maʼ Mary u Chris Kanaiya

Ma damx ma beda jogħġobna li nkunu l-​Kenja u li nippritkaw hemmhekk. L-​ewwel studenti tal-​Bibbja tagħna li ġew fil-​verità kienu Chris u Mary Kanaiya. Huma għadhom fis-​servizz full-​time fil-​Kenja. Is-​sena taʼ wara ġejna mitlubin immorru Kampala, l-​Uganda. Konna l-​ewwel missjunarji f’dak il-​pajjiż. Dan kien żmien eċċitanti għax ħafna kienu ħerqanin biex jitgħallmu veritajiet tal-​Bibbja, u saru ħutna rġiel u nisa. Madankollu, wara tliet snin u nofs fl-​Afrika, erġajna morna l-​Istati Uniti biex inrabbu familja. Dakinhar li tlaqna mill-​Afrika konna mnikktin iżjed minn dakinhar li tlaqna minn New York. Ħabbejniehom lin-​nies tal-​Afrika u ttamajna li xi darba nerġgħu mmorru lura.

INKARIGU ĠDID

Morna noqogħdu fil-​Punent taʼ Colorado, fejn kienu joqogħdu l-​ġenituri tiegħi. Ftit wara twilditilna l-​ewwel tifla, Kimberly, u 17-​il xahar wara kellna lil Stephany. L-​inkarigu ġdid tagħna bħala ġenituri kien importanti ħafna għalina. Stinkajna biex ngħallmu l-​verità lill-​bniet sbieħ tagħna. Ridna nimitaw l-​eżempji tajbin li oħrajn kienu tawna. Konna nafu li eżempju tajjeb jistaʼ jinfluwenza ħafna lit-​tfal, imma mhuwiex garanzija li se jaqdu lil Ġeħova meta jikbru. B’dispjaċir, ħija u oħti iżgħar minni telqu mill-​verità. Nittama li jerġgħu jimitaw l-​eżempji tajbin li anki huma kellhom.

Vera ħadna pjaċir inrabbu l-​bniet tagħna u dejjem ipprovajna nagħmlu l-​affarijiet bħala familja. Ladarba konna noqogħdu ħdejn Aspen, Colorado, tgħallimna niskijjaw biex kultant stajna mmorru niskijjaw flimkien. Dan tana opportunità biex nitkellmu mat-​tfal fil-​liftijiet tal-​iskijjar. Ukoll, konna mmorru nikkampjaw magħhom u kien ikollna konversazzjonijiet pjaċevoli madwar ħuġġieġa żgħira. Avolja kienu għadhom żgħar, kienu jistaqsu mistoqsijiet bħal, “X’se nagħmel meta nikber?” u “X’tip taʼ persuna nixtieq niżżewweġ?” Għamilna dak kollu li stajna biex ngħallmu lit-​tfal iħobbu lil Ġeħova. Dejjem inkuraġġejniehom biex jagħmlu l-​ministeru full-​time bħala mira u biex jiżżewġu biss lil xi ħadd li kellu mira simili. Ukoll, ipprovajna ngħinuhom jifhmu li jkun aħjar jekk ma jiżżewġux żgħar ħafna. Spiss konna ngħidulhom, “Tiżżewġux qabel ikollkom minn tal-​inqas 23 sena.”

Imitajna l-​eżempju tal-​ġenituri tagħna u għamilna l-​almu tagħna biex nattendu l-​laqgħat u noħorġu regolarment fis-​servizz tal-​għalqa bħala familja. Konna nirranġaw biex inżommu lil xi wħud li kienu fis-​servizz full-​time fid-​dar tagħna. Ukoll, spiss konna nitkellmu dwar kemm konna nħobbu x-​xogħol missjunarju. Ittamajna li xi darba l-​erbgħa li aħna forsi mmorru l-​Afrika flimkien. Il-​bniet tagħna verament riedu jagħmlu dan.

Dejjem kellna studju tal-​familja regulari. Konna nirreċtaw sitwazzjonijiet li setgħu jiġru fl-​iskola, u t-​tfal kienu jagħmluha taʼ Xhud li jwieġeb il-​mistoqsijiet. Ħadu pjaċir jitgħallmu b’dan il-​mod, u b’hekk saru kunfidenti. Iżda, hekk kif kibru, ġieli gergru dwar li nagħmlu l-​istudju tal-​familja. Darba, tant kont skuraġġit li għedtilhom imorru f’kamrithom u li ma konniex se nagħmlu l-​istudju. Kienu xxokkjati u bdew jibku u qalu li riedu jagħmluh l-​istudju. Imbagħad bdejna nirrealizzaw li tassew konna qed ngħinuhom biex jieħdu pjaċir jitgħallmu dwar Ġeħova. Maż-​żmien, kienu jħobbu jistudjaw, u ħassewhom komdi jgħidulna l-​ħsibijiet u s-​sentimenti tagħhom. Kien taʼ wġigħ kultant li nisimgħuhom jgħidu li ma jaqblux maʼ xi tagħlim tal-​Bibbja. Imma sirna nafu kif ħassewhom verament. Wara li nirraġunaw magħhom, huma kienu jaqblu mal-​livelli taʼ Ġeħova.

NAĠĠUSTAW GĦAL IKTAR BIDLIET

Iż-​żmien li qattajna nrabbu lil uliedna għadda malajr ħafna. Bl-​għajnuna u d-​direzzjoni tal-​organizzazzjoni t’Alla, għamilna mill-​aħjar biex intellgħuhom iħobbu lil Ġeħova. Konna grati ferm meta ż-​żewġt ibniet tagħna bdew jaqdu bħala pijunieri wara li spiċċaw l-​iskola sekondarja, u tgħallmu snajjaʼ biex ikunu jistgħu jgħinu lilhom infushom finanzjarjament. Huma marru jgħixu Cleveland, Tennessee, maʼ żewġ aħwa nisa oħra biex jaqdu fejn il-​bżonn għall-​pubblikaturi kien akbar. Aħna mmissjajniehom ħafna, imma konna kuntenti li kienu qed jużaw ħajjithom fis-​servizz full-​time. Jien u Bethel imbagħad erġajna bdejna naqdu bħala pijunieri, u għalhekk iktar tard kellna l-​opportunità li nkunu sostituti għall-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet u nagħmlu xogħol tal-​konvenzjoni.

Qabel ma t-​tfal marru Tennessee, huma vvjaġġaw lejn Londra, l-​Ingilterra, u żaru l-​uffiċċju tal-​fergħa. Hemmhekk, Stephany, li dak iż-​żmien kellha 19-​il sena, iltaqgħet maʼ Betelit jismu Paul Norton. Fi żjara iktar tard, Kimberly ltaqgħet maʼ ħabib li kien jaħdem miegħu, Brian Llewellyn. Meta Stephany kellha 23 sena żżewġet lil Paul u s-​sena taʼ wara, meta Kimberly kellha 25 sena, iżżewġet lil Brian. Mela fil-​fatt baqgħu ma żżewġux sa ma kellhom għall-​inqas 23. Konna vera kuntenti bl-​irġiel li għażlu biex jiżżewġu.

Thomas u Bethel McLain flimkien maż-żewġt ibniet tagħhom u żwieġhom

Maʼ Paul, Stephany, Kimberly, u Brian fl-uffiċċju tal-fergħa tal-Malawi fis-sena 2002

Il-​bniet qalulna li l-​eżempji li aħna u n-​nanniet tajniehom għenuhom biex ‘jibqgħu jfittxu l-​ewwel is-​saltna t’Alla,’ anki meta kellhom problemi finanzjarji. (Mattew 6:33) F’April tal-​1998, Paul u Stephany ġew mistiedna għall-​105 klassi tal-​Iskola taʼ Gilegħad, u ġew assenjati jaqdu fil-​Malawi, l-​Afrika. Fl-​istess żmien, Brian u Kimberly ġew mistiedna jaħdmu fil-​Betel taʼ Londra u iktar tard ġew trasferiti għall-​Betel tal-​Malawi. Konna verament ferħanin għax uliedna kienu qed jużaw ħajjithom bl-​aħjar mod.

STEDINA EĊĊITANTI OĦRA

F’Jannar tal-​2001, irċivejt it-​telefonata li semmejt fil-​bidu. Ħuna Marais, l-​indokratur tad-​Dipartiment tas-​Servizzi tat-​Traduzzjoni, spjega li l-​aħwa rġiel kienu qed jippreparaw kors li kien se jgħin lit-​tradutturi madwar id-​dinja jifhmu aħjar it-​test bl-​Ingliż. Għalkemm kelli 64 sena, huma riedu jħarrġuni biex inkun wieħed mill-​għalliema. Jien u Bethel tlabna dwarha u tkellimna m’ommijietna biex nieħdu l-​parir tagħhom. Minkejja li kienu kbar fl-​età u kienu se jkunu mingħajr l-​għajnuna tagħna, it-​tnejn riduna mmorru. Ċempilt lura lil Ħuna Marais u għedtlu li konna ferħanin ħafna li naċċettaw dan l-​inkarigu meraviljuż.

Imbagħad ommi saret taf li kellha kanċer. Għedtilha li konna se nibqgħu hemm u ngħinu lil oħti Linda biex tieħu ħsiebha. Ommi rrifjutat u qalet, “Inħossni agħar kieku ma tmurx.” Linda ħassitha l-​istess. Aħna konna grati ferm li huma kienu lesti jagħmlu sagrifiċċju bħal dan, u konna grati wkoll għall-​għajnuna tal-​aħwa f’dawk l-​inħawi. L-​għada, meta tlaqna għall-​Watchtower Educational Center f’Patterson, Linda ċemplet biex tgħidilna li ommi kienet mietet. Bħalma kieku ommi kienet tinkuraġġina nagħmlu, aħna bqajna medhijin fix-​xogħol ġdid tagħna.

Konna eċċitati meta sirna nafu li l-​ewwel inkarigu kien fil-​fergħa tal-​Malawi, fejn uliedna u l-​irġiel tagħhom kienu qed jaqdu. Kien sabiħ li għal darb’oħra konna flimkien. Imbagħad, għallimna l-​kors fiż-​Żimbabwe u mbagħad fiz-​Zambja. Wara tliet snin u nofs ngħallem il-​kors, erġajna lura l-​Malawi biex niktbu l-​esperjenzi tax-​Xhieda li kienu ġew persegwitati hemmhekk minħabba n-​newtralità Kristjana tagħhom.b—Ara n-​nota taʼ taħt.

Thomas u Bethel McLain fuq il-ministeru man-neputijiet tagħhom

Fil-​ministeru tal-​għalqa man-​neputijiet

Fl-​2005, għal darb’oħra ddispjaċiena ħafna li kellna nitilqu mill-​Afrika. Erġajna lura d-​dar f’Basalt, Colorado, fejn jien u Bethel komplejna naqdu bħala pijunieri. Fl-​2006, Brian u Kimberly ġew joqogħdu ħdejna biex irabbu lil uliedhom bniet Mackenzie u Elizabeth. Paul u Stephany għadhom fil-​Malawi fejn Paul jaqdi fil-​Kumitat tal-​Fergħa. Issa jien dieħel fit-​80 sena, u nħossni verament kuntent li nara rġiel iżgħar li ħdimt magħhom jieħdu ħsieb responsabbiltajiet li kelli jien. Għall-​benefiċċju tat-​tfal u n-​neputijiet tagħna, ipprovajna nimitaw l-​eżempji tajbin li tawna oħrajn. Dan verament ġabilna ferħ kbir u kuntentizza.

a Ara r-​rivisti bl-​Ingliż tat-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Mejju 1956, paġni 269-​272, u tal-​15 taʼ Marzu 1971, paġni 186-​190, biex titgħallem iktar dwar ix-​xogħol missjunarju taʼ membri tal-​familja Steele.

b Pereżempju, ara l-​bijografija taʼ Trophim Nsomba fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’April 2015, paġni 27-​31.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja