BIJOGRAFIJA
Ġeħova Ttrennjani minn Meta Kont Żgħir
BQAJT iċċassat lejn il-karta li l-ħu kien għadu kif tani. Fuqha kien hemm miktub, “David Splane, 8 tʼApril 1953: ‘Inxandru Dwar l-Aħħar tad-Dinja.’” Jien saqsejtu: “Din x’inhi?” Il-ħu wieġeb, “Dan hu l-inkarigu tiegħek biex tagħti taħdita fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku.”a Jien għedtlu, “Jien qatt m’għedt li rrid nieħu sehem fl-iskola!”
Qabel ma nkompli, ħalli nibda l-istorja tiegħi mill-bidu. Twelidt fit-Tieni Gwerra Dinjija f’Calgary, il-Kanada. Madwar 75 sena ilu, pijunier żagħżugħ jismu Donald Fraser ħabbat għandna u ommi aċċettat li tistudja l-Bibbja. Hi ħadet pjaċir titgħallem il-verità mill-Bibbja, imma minħabba li kienet tkun ma tiflaħx ħafna ma setgħetx tattendi l-laqgħat spiss. Minkejja dan, hi xorta tgħammdet fl-1950. B’dispjaċir, f’inqas minn sentejn wara, mietet. Dak iż-żmien, missieri kien għadu mhux Xhud taʼ Ġeħova, imma xorta aċċetta li t-taħdita tal-funeral tagħha jagħmilha ħu.
Ftit ġranet wara l-funeral, oħt mill-magħżulin jisimha Alice stidnitni biex immur il-laqgħat. Meta ommi kienet tkun b’saħħitha, kont immur għal-laqgħa taʼ tmiem il-ġimgħa magħha. Kien hemmhekk li Alice saret tafni. Saqsejt lil missieri jekk stajtx immur. Hu aċċetta u ddeċieda li jiġi miegħi darba biss biex jirringrazzja lill-ħu li kien ta t-taħdita tal-funeral t’ommi. Dakinhar kien hemm l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku u l-Laqgħa tas-Servizz. Bħala l-ewwel laqgħa, missieri ma setax imur waħda aħjar minn dik. Hu kien ħa kors dwar kif wieħed jitkellem quddiem in-nies u impressjona ruħu kemm it-taħditiet kienu preżentati tajjeb waqt il-laqgħa. Missieri ddeċieda li jibda jattendi dik il-laqgħa kull ġimgħa. Maż-żmien, beda jmur il-laqgħat l-oħra wkoll.
F’dak iż-żmien, il-ħu li kien jieħu ħsieb il-laqgħa kien jaqra b’leħen għoli l-ismijiet taʼ dawk kollha li kienu jieħdu sehem fl-Iskola u kienu jwieġbu, “Present.” Darba minnhom saqsejt biex fil-laqgħa li jmiss jgħidu ismi wkoll. Il-ħu faħħarni għal dak li għamilt, imma ma staqsinix jekk fhimtx x’kien jinvolvi dan.
Ma kontx naf li meta saqsejt biex jgħajtuli ismi waqt il-laqgħa kien ifisser li se ninkiteb fl-iskola. Jien kulma ridt hu li jgħajtu ismi! Il-ġimgħa taʼ wara, meta għajtu ismi ħadt pjaċir ngħid, “Present.” Wara l-laqgħa, l-aħwa ġew ifaħħruni. Ġimgħat wara, ħu tani l-inkarigu li tkellimt dwaru fil-bidu tal-artiklu.
Jien kelli msarni f’saqajja! Dak iż-żmien, l-istudenti kienu mistennijin jippreparaw taħdita taʼ bejn sitta u tmien minuti. Ma kellniex inkarigu fejn wieħed jaqra mill-Bibbja biss. Missieri għenni nipprepara t-taħdita u ġegħelni nipprattikaha 20 darba qabel ma tajtha. Wara, tawni pariri tajbin. Matul is-snin, Ġeħova ttrennjani permezz taʼ missieri, aħwa rġiel u nisa kapaċi, u l-organizzazzjoni tiegħu.
ĠEĦOVA JKOMPLI JITTRENNJANI
Alice, li semmejt qabel, bdiet tgħinni nibda nipprietka. F’dak iż-żmien, konna inkuraġġiti li naqraw tliet skritturi maʼ min inkunu qegħdin nitkellmu u mbagħad noffrulu ktieb. Meta kien ikun imissni jien, Alice kienet tintroduċi lilha nfisha, tibda titkellem, u mbagħad tistidinni biex naqra l-ewwel skrittura. Imbagħad kont inkompli jien, naqra t-tieni u tielet skrittura, u noffri l-ktieb. Maż-żmien, tgħallimt nibda konversazzjoni jien. Wara li missieri tgħammed fl-aħħar tal-1954, kompla jittrennjani hu. Bħala single parent, hu għamel kulma jistaʼ biex irabbini fil-verità. Il-laqgħat u s-service kienu importanti ħafna għalih. Kont naf li dejjem se mmorru l-laqgħat u li fil-weekend konna se noħorġu service.
Fit-12-il sena li għamilt l-iskola, tgħallimt ħafna affarijiet li iktar tard għenuni fil-ħajja. Tgħallimt ħafna maths u dwar il-grammatika tal-Ingliż. Il-lezzjonijiet tal-Ingliż u l-lezzjonijiet dwar kif tikteb l-istejjer għadni nsibhom t’għajnuna fl-inkarigu li għandi fid-Dipartiment tal-Kitba.
Spiss isaqsuni għala nħobb il-mużika. Il-ġenituri tiegħi t-tnejn kienu jħobbuha l-mużika. Taʼ sebaʼ snin, għamilt xi żmien nitgħallem il-pjanu, imma l-għalliema tiegħi ħasbet li ma kontx tajjeb. Lil missieri qaltlu li jkun aħjar li nieqaf. Nistaʼ nifhem għala. Dak iż-żmien ma tantx kelli ħajra nitgħallem il-pjanu.
Ftit xhur wara, missieri sab għalliema oħra. Din id-darba tgħallimt il-pjanu u nkanta, u mort tajjeb fit-tnejn li huma. Meta kont għadni żgħir, kelli vuċi sabiħa u rbaħt xi kompetizzjonijiet. Il-mira tiegħi kienet li nsir għalliem tal-mużika u li naqlaʼ biżżejjed biex naqdi bħala pijunier. Imma waqt li kont qed nistudja biex inġib id-degree, irrealizzajt li kont se nqattaʼ ħafna ħin nistudja dwar il-mużika u biex nipprepara għall-eżamijiet. Allura biddilt il-mira tiegħi, u fl-1963 bdejt naqdi bħala pijunier regulari.
LI TKUN PIJUNIER IĠIBLEK IL-FERĦ
Wara sena naqdi bħala pijunier, ġejt inkarigat bħala pijunier speċjali f’Kapuskasing, Ontario. Jien u Daniel Skinner konna naqdu bħala pijunieri flimkien. Hu kien ikbar minni sew. Daniel għallimni ħafna dwar kif taħdem l-organizzazzjoni. Meta kelli 20, intgħażilt biex naqdi fil-Kumitat tas-Servizz tal-Kongregazzjoni, allura kelli ħafna x’nitgħallem. Jien kuntent ħafna li l-organizzazzjoni qed terġaʼ tenfasizza kemm hu importanti li ż-żgħażagħ jiġu ttrennjati. Jekk jagħmlu sforz, jistgħu jintużaw minn Ġeħova, anki minn età żgħira ħafna!
Kultant kien diffiċli biex tgħix f’Kapuskasing. Fix-xitwa, it-temperatura kienet tkun bejn it-33 u l-44 taħt iż-żero. Jien u Daniel kważi kullimkien konna mmorru bil-mixi. Imma xi ħaġa li ġabitli ħafna ferħ kienet meta ltqajt m’oħt jisimha Linda Cole, li iktar tard saret Linda Splane.
Linda kienet pubblikatriċi żeluża li kellha ħafna żjajjar lura tajbin. Hi kienet ġeneruża, qalbha tajba, u dħulija. Ommha, Goldie, kienet oħt leali. Missierha, Allen, għall-bidu ħadha kontra l-verità. Minkejja li Allen kien jopponi, Goldie kienet tieħu b’mod regulari fis-Sala tas-Saltna lil Linda u ħutha, John u Gordon. Hi ttrennjathom biex jippritkaw ukoll. F’xi żmien jew ieħor, Goldie, Linda, John, u Gordon kienu jaqdu bħala pijunieri. Ħafna snin wara, Allen sar Xhud taʼ Ġeħova u ħadem iebes fil-kongregazzjoni.
Fl-1965, ġejt mistieden biex nattendi l-Iskola tal-Ministeru tas-Saltna fil-Betel tal-Kanada. Dan kien kors taʼ xahar biex nirċievi iktar trejning. Waqt din l-iskola, ġejt mistieden biex nimla applikazzjoni ħalli nattendi l-Iskola taʼ Gilegħad. Qatt m’għaddieli minn moħħi li jien tajjeb biżżejjed biex inkun missjunarju, imma xorta applikajt. Ġejt aċċettat biex nattendi t-42 klassi. Spiss, l-għalliema taʼ Gilegħad kienu jgħidulna kif aħna sejrin fl-iskola. Mill-bidu nett, l-għalliema inkuraġġewni biex nuża dan iż-żmien biex nitgħallem kemm jistaʼ jkun dwar l-organizzazzjoni. Kulma kelli 21 sena, allura kien parir tajjeb ħafna.
F’Gilegħad tgħallimna kif nikkomunikaw maʼ dawk tar-radju, tal-istazzjonijiet tat-televixin, u tal-gazzetti. Vera ħadt pjaċir nitgħallem dwar dan. F’dak iż-żmien, ma rrealizzajtx kemm dan kien se jkun t’għajnuna għalija fil-futur. Iktar tard se nispjega għala.
INTBGĦATT IS-SENEGAL
Ftit ġranet wara l-gradwazzjoni, jien u Michael Höhle ntbgħatna naqdu bħala missjunarji s-Senegal, l-Afrika. Dak iż-żmien, kien hemm madwar 100 pubblikatur fil-pajjiż.
Wara li kont ili naqdi fl-inkarigu tiegħi għal ħafna xhur, ġejt mistieden biex naħdem fl-uffiċċju tal-fergħa darba fil-ġimgħa. L-uffiċċju tal-fergħa kien biss kamra waħda f’dar missjunarja. Għalkemm l-uffiċċju kien sempliċi ħafna, Emmanuel Paterakis, il-qaddej tal-fergħa, kien ifakkarni li l-fergħa kienet tirrappreżenta l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova f’dak il-pajjiż. Darba minnhom, Ħuna Paterakis iddeċieda li għandna niktbu ittra ġenerali biex ninkuraġġixxu lill-missjunarji. F’dak iż-żmien, ma kienx hemm xi mod faċli jew irħis kif tistaʼ tikkopja l-ittri, allura konna nittajpjawhom waħda waħda. Peress li konna nużaw it-typewriter, kien hemm ħafna xogħol, speċjalment għax lanqas stajna nieħdu żball wieħed!
Qabel ma mort fid-dar missjunarja tiegħi iktar tard dakinhar, Ħuna Paterakis tani envelop. Hu qal, “David, is-Soċjetà kitbitlek.” Meta iktar tard ftaħt l-envelop, indunajt li kien hemm waħda mill-ittri li ttajpjajt! Dan għallimni nirrispetta l-organizzazzjoni, hi kemm hi żgħira l-fergħa lokali.
Maʼ missjunarji oħra fis-Senegal fl-1967
Għamilt ħafna ħbieb mal-aħwa tal-kongregazzjoni u spiss kont inqattaʼ s-Sibt filgħaxija magħhom. Dan kien żmien sabiħ! U għadna nikkuntattjaw lil xulxin sal-lum. Peress li tgħallimt il-Franċiż fis-Senegal, għadni nużah meta nżur fergħat li fihom jitkellmu l-Franċiż.
Jien u Linda tgħarrasna fl-1968. Għal ħafna xhur wara, pruvajt insib xogħol part time ħalli jien u Linda nkunu nistgħu naqdu flimkien bħala pijunieri fis-Senegal, imma hemmhekk kienu jippreferu jħaddmu nies lokali milli barranin. Fl-aħħar, jien mort lura l-Kanada, iżżewwiġna, u rċivejna l-inkarigu biex naqdu bħala pijunieri speċjali f’Edmundston, New Brunswick. Din kienet belt żgħira fit-tarf tal-provinċja taʼ Quebec.
Fit-tieġ tagħna fl-1969
NAQDU BĦALA PIJUNIERI F’NEW BRUNSWICK U QUEBEC
Fil-belt ma kienx hemm pubblikaturi lokali u kien hemm ftit studji tal-Bibbja. Ir-reliġjon Kattolika kienet tikkontrolla l-ħajja tan-nies. Kważi kull dar kellha tabella biex ix-Xhieda taʼ Ġeħova ma jħabbtux. F’dak iż-żmien, ma konniex naħsbu jekk għandniex nirrispettaw jew le tabella bħal din bħalma nagħmlu issa, allura xorta konna nħabbtulhom. Kull ġimgħa, għaqda Kattolika kienet tikteb fil-gazzetta: “Ejja nsibu lix-Xhieda taʼ Ġeħova u neħilsu minnhom.” Kien hemm erbaʼ xhieda biss f’Edmundston, Victor u Velda Norberg u jien u Linda. Allura kien ovvju li kienu qed jitkellmu dwarna!
Qatt mhu se ninsa l-ewwel żjara tal-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet. Wara li qattaʼ ġimgħa magħna, qalilna, “Forsi l-iktar li tistgħu tagħmlu hu li tgħinuhom ibiddlu fehmithom dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova biex ma jkunx hemm preġudizzju.” Minn hemm ‘il quddiem, dik kienet il-mira tagħna, u rnexxielna! Bil-mod il-mod, in-nies setgħu jaraw id-differenza bejn ix-Xhieda taʼ Ġeħova li kienu umli u l-mexxejja Kattoliċi li kienu kburin. Illum il-ġurnata hemm kongregazzjoni żgħira f’din il-belt.
Wara li qattajna madwar sena f’dak l-inkarigu mwarrab, ġejna mistednin biex ngħinu kongregazzjoni kbira fi Quebec City. Hemmhekk qattajna sitt xhur mill-isbaħ m’aħwa li kienu ospitabbli. Imbagħad ġejna mistednin biex naqdu fix-xogħol tal-ivvjaġġar.
Fl-14-il sena taʼ wara, qdejna bħala indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet fil-provinċja taʼ Quebec. Dak kien żmien mill-isbaħ! Ix-xogħol tal-ippritkar fi Quebec kien sejjer tajjeb ħafna. Fil-kongregazzjonijiet li żorna, spiss konna niltaqgħu maʼ familji sħaħ li kienu qegħdin jistudjaw biex isiru xhieda!
AĦNA NIFTAKRU FL-AĦWA LI ĦADMU IEBES
Huwa faċli tħobb lill-aħwa Kanadiżi li jitkellmu bil-Franċiż. Huma taʼ żaqqhom f’fommhom, ferħanin, u entużjasti. Imma mhux dejjem kien faċli għalihom li jaċċettaw il-verità, u tal-familja jaf jagħmluhielhom diffiċli. Il-ġenituri taʼ xi aħwa żgħażagħ ħafna qalulhom, “Jew tieqfu tistudjaw max-Xhieda taʼ Ġeħova jew inkella itilqu ’l barra mid-dar!” Imma huma baqgħu leali lejn Ġeħova minkejja l-oppożizzjoni. Ġeħova żgur li hu kburi ħafna bihom!
Issa rrid nitkellem ukoll dwar il-pijunieri regulari u pijunieri speċjali li kienu leali u li kienu jaqdu fi Quebec. Ħafna minnhom ġew minn partijiet oħra tal-Kanada. Apparti li kellhom jitgħallmu l-Franċiż, kellhom jitgħallmu wkoll dwar in-nies lokali u kif jaħsbuha, li kienu influwenzati ħafna mir-reliġjon Kattolika.
Il-pijunieri speċjali spiss kienu jintbagħtu jaqdu f’territorji mwarrbin fejn ma kienx ikun hemm pubblikaturi. Minħabba li n-nies lokali ma kinux iħobbu lix-Xhieda taʼ Ġeħova, kien diffiċli biex isibu fejn joqogħdu u iktar diffiċli biex isibu xogħol part time. Anki miżżewġin friski kienu jgħixu fi gruppi t’erbaʼ, sitta, jew tmienja biex jaqsmu l-ispejjeż. Ma kinux jaffordjaw jgħixu waħedhom. Dawn il-pijunieri leali kienu jaħdmu iebes. Meta kienu jibdew studju tal-Bibbja, kienu jagħmlu kulma jistgħu biex jgħinu lil dak li jkun. Issa li hemm ħafna aħwa lokali fi Quebec, ħafna minn dawk il-pijunieri marru jaqdu fejn il-bżonn hu akbar.
Meta konna nżuru l-kongregazzjonijiet fix-xogħol tas-circuit, normalment is-Sibt filgħodu konna nippruvaw naħdmu maż-żgħażagħ. B’hekk stajna nsiru nafu l-isfidi li kienu qed jiffaċċjaw. Xi żgħażagħ li ħdimna magħhom, issa qed jaqdu barra l-pajjiż bħala missjunarji jew f’inkarigi oħra.
F’dak iż-żmien, xi kongregazzjonijiet ma setgħux iħallsulna l-ispejjeż taʼ dik il-ġimgħa, bħall-fuel u l-ikel. Allura kultant ma kinux iservuna l-flus sal-aħħar tax-xahar. F’dak il-każ, aħna konna nistrieħu fuq Ġeħova kompletament, peress li hu kien l-uniku wieħed li jaf biċ-ċirkustanzi tagħna. Hu qatt ma ddiżappuntana. B’xi mod jew ieħor, dejjem ivvjaġġajna minn kongregazzjoni għall-oħra.
TGĦALLIMT ĦAFNA MINN AĦWA LEALI
Iktar qabel semmejt kemm kien ta’ benefiċċju wieħed mill-korsijiet taʼ Gilegħad li kien jittratta dwar kif nikkomunikaw mal-midja. F’dak iż-żmien fi Quebec, kellna ħafna opportunitajiet biex nagħtu xhieda tajba fuq ir-radju, it-televixin, u fil-gazzetta. Spiss kont imqabbad naħdem maʼ Léonce Crépeault, li wkoll kien jaħdem fix-xogħol tas-circuit u kien jinqalaʼ ħafna f’li jikkomunika mal-midja. Meta kien jitkellem maʼ nies importanti ħafna fil-midja, hu ma kienx jipprova jurihom kemm kien jaf, minflok hu kien jgħid: “Sinjur, jien u sieħbi kulma aħna ministri reliġjużi. Ma tantx nafu dwar kif nitkellmu fuq it-televixin u fuq ir-radju. Imma l-organizzazzjoni tagħna talbitna biex ninformaw lin-nies li se jkun hemm konvenzjoni kbira tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Napprezzaw kull għajnuna li tistaʼ ttina.” Minħabba li kien umli, ħafna fil-midja kienu lesti li jgħinuna.
Iktar tard, il-fergħa inkarigatni biex naħdem maʼ Ħuna Glen How, wieħed mill-avukati tagħna. Aħna konna naħdmu fuq każijiet diffiċli li l-midja kienet titkellem dwarhom. Jien ibbenefikajt mit-trejning li kelli f’Gilegħad u miż-żmien li ħdimt maʼ Léonce. Kien privileġġ għalija li naħdem maʼ Ħuna How. Hu kien avukat kuraġġuż li uża l-abbiltajiet tiegħu biex jiddefendi l-organizzazzjoni b’mod legali. Imma fuq kollox, hu kien raġel li jħobb ħafna lil Ġeħova.
Fl-1985, ġejna mqabbdin naqdu fis-circuit qrib fejn joqgħod missieri fin-naħa tal-Punent tal-Kanada, ħalli nkunu nistgħu nieħdu ħsiebu. Hu miet tliet xhur wara. Aħna bqajna naqdu fis-circuit fin-naħa tal-Punent tal-Kanada sal-1989. Imbagħad b’sorpriża għalina, ġejna mistednin biex naqdu mal-familja ta’ Betel fl-Istati Uniti. Dan kien ifisser li nieqfu mix-xogħol tal-ivvjaġġar wara kważi 19-il sena. Matul dawn is-snin, qgħadna għand mijiet t’aħwa u kilna eluf t’ikliet m’aħwa ospitabbli. Aħna napprezzaw ħafna lil dawk kollha li fetħu d-djar tagħhom u li ppreparawlna l-ikel!
NAQDU F’BETEL FL-ISTATI UNITI
Meta wasalna Brooklyn, ġejt assenjat biex naħdem fid-Dipartiment tas-Servizz. Dejjem nibqaʼ napprezza t-trejning li rċivejt hemmhekk. Waħda mill-affarijiet li tgħallimt kienet li għandi nkun naf il-fatti kollha u ma nassumi xejn. Imbagħad fl-1998, ġejt inkarigat biex naħdem fid-Dipartiment tal-Kitba, fejn għadni nitgħallem ħafna. Għal ħafna snin wara, kelli l-privileġġ li ngħin lil Ħuna John Barr, li kien il-koordinatur tal-Kumitat tal-Kitba. Dejjem nibqaʼ napprezza t-trejning li rċivejt mingħandu u l-ħin li qattajt miegħu. Vera kellu kwalitajiet Kristjani sbieħ.
Maʼ John u Mildred Barr
Għalija hija barka li naħdem spalla maʼ spalla mal-aħwa umli li jaqdu fid-Dipartiment tal-Kitba. Huma dejjem ifittxu l-għajnuna taʼ Ġeħova fl-inkarigu tagħhom u huma jafu li kulma jagħmlu hu bl-għajnuna tal-ispirtu tiegħu, u mhux għax għandhom xi abbiltà speċjali.
Qed immexxi kor tat-Torri tal-Għassa tal-laqgħa annwali tal-2009
Qed nagħti l-Bibbji fil-konvenzjoni internazzjonali f’Seoul, il-Korea, fl-2014
Kien privileġġ għalija u għal Linda li nżuru aħwa leali f’110 pajjiżi. Stajna naraw kemm il-missjunarji, il-membri fil-Kumitati tal-Fergħa, u l-qaddejja fil-full time oħra jħobbu lil Ġeħova. U rajna wkoll iż-żelu u l-lealtà tal-aħwa f’dawn il-pajjiżi, li xorta jaqdu lil Ġeħova minkejja l-gwerer, problemi taʼ flus u persekuzzjoni. Ġeħova żgur li jħobbhom ħafna!
Matul is-snin, Linda kienet t’għajnuna kbira għalija hekk kif pruvajt nagħmel l-inkarigi tiegħi. Hi tħobb in-nies u dejjem tipprova tara kif tgħin lil ħaddieħor. Hi tinqalaʼ wkoll f’li tibda konversazzjonijiet b’mod informali. Linda għenet lil ħafna jitgħallmu dwar Ġeħova, inkluż uħud li kienu waqfu jaqduh. Għalija hi wieħed mill-aqwa rigali li tani Ġeħova! Issa li kbirna, jien u Linda napprezzaw ħafna l-għajnuna t’aħwa iżgħar li jgħinuna b’modi prattiċi.—Mrk. 10:29, 30.
Jien grat ħafna għal dawn l-aħħar tmenin sena li għaddew. Jien naqbel mas-salmista li kiteb: “Alla tiegħi, int għallimtni minn mindu kont żagħżugħ, u s’issa għadni nxandar dwar l-affarijiet tal-għaġeb tiegħek.” (Slm. 71:17) Jien bi ħsiebni nibqaʼ nagħmel hekk sakemm nibqaʼ ħaj.
a Illum dan it-trejning hu parti mil-laqgħa taʼ matul il-ġimgħa.