3-9 T’AWWISSU 2026
GĦANJA 113 Is-sliem li għandna
Irrispetta d-Deċiżjonijiet t’Oħrajn
“Tiġġudikax lil dawk li għandhom opinjoni differenti minn tiegħek.”—RUM. 14:1.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Kif nirrispettaw lill-aħwa meta jieħdu deċiżjonijiet li ma naqblux magħhom.
1-2. Id-deċiżjonijiet tagħna għala xi kultant ikunu differenti minn taʼ Kristjani oħrajn?
ĠIELI ħassejtek li ġejt iġġudikat ħażin minħabba deċiżjoni li ħadt? Ġieli ġġudikajt ħażin lil xi ħadd minħabba d-deċiżjoni li ħa? Wisq probabbli, il-biċċa l-kbira minna nistgħu nwieġbu iva għaż-żewġ mistoqsijiet.
2 Għala m’għandniex inkunu sorpriżi li xi kultant id-deċiżjonijiet tagħna jkunu differenti minn taʼ Kristjani leali oħrajn? Għax aħna lkoll differenti. Kull wieħed minna jaħseb b’mod differenti, u dak li naħsbu huwa influwenzat mill-kultura tagħna, mill-mod kif trabbejna, u minn dak li għaddejna minnu f’ħajjitna. Imma m’għandniex inħallu l-opinjonijiet differenti tagħna jagħmlu ħsara lill-paċi u l-għaqda fil-kongregazzjoni.—Efes. 4:3.
3. X’jaf inkunu nixtiequ nagħmlu meta xi ħadd minn ħutna jieħu deċiżjoni li ma naqblux magħha?
3 Meta xi ħadd minn ħutna jieħu deċiżjoni li ma naqblux magħha, jaf inkunu rridu nikkonvinċuh ibiddel fehmtu jew inkella ngħidu b’dan lil oħrajn. X’aktarx l-intenzjonijiet tagħna jkunu tajbin. Aħna nħobbuhom lil ħutna u nixtiqulhom l-aħjar. (Prov. 17:17) Allura, ma rriduhomx jieħdu deċiżjoni li iktar tard jiddispjaċihom jew li tistaʼ tagħmel ħsara lill-ħbiberija tagħhom ma’ Ġeħova.
4-5. X’għandna nagħmlu jekk xi ħadd minn ħutna jiddeċiedi li jagħmel xi ħaġa differenti minn kif kieku nagħmluha aħna?
4 Jekk ħua jieħu deċiżjoni li ma naqblux magħha, għandna mmorru ngħidulu? Dan jiddependi minn diversi affarijiet. Pereżempju, jekk insiru nafu li hu qed jaħseb li għamel xi ħaġa li tmur kontra dak li tgħid il-Bibbja, għax inħobbuh, aħna se ngħinuh jifhem kif iħossu Ġeħova. (Prov. 27:5, 6) Imma ħu jistaʼ jiddeċiedi li jagħmel xi ħaġa li ma tmurx kontra dak li jgħid Alla imma sempliċement hi differenti minn dak li kieku nagħmlu aħna. F’sitwazzjoni bħal din x’għandna nagħmlu? It-tweġiba nsibuha fl-iskrittura prinċipali. Aħna ‘ma niġġudikawx lil dawk li għandhom opinjoni differenti minn tagħna.’—Rum. 14:1.
5 Però, jaf xorta nsibuha diffiċli biex naċċettaw id-deċiżjoni tiegħu. F’dan l-artiklu se naraw għala għandna nirrispettaw id-deċiżjonijiet t’oħrajn u kif nistgħu nagħmlu dan. Imma l-ewwel ejja naraw xi sitwazzjonijiet li jinvolvu deċiżjonijiet persunali u li jistgħu jwassluna biex niġġudikaw lil ħutna.
LIEMA DEĊIŻJONIJIET JISTGĦU JĠEGĦLUNA NIĠĠUDIKAW LIL OĦRAJN?
6-7. Liema huma xi eżempji li fihom nistgħu niġġudikaw lil oħrajn għad-deċiżjonijiet li jieħdu?
6 Bħalma semmejna qabel, aħna jaf ikollna opinjonijiet sodi dwar ċertu suġġetti minħabba l-mod kif trabbejna jew dak li nkunu għaddejna minnu f’ħajjitna, u jaf nassumu li oħrajn għandhom jaħsbuha bħalna. Imma mhux dejjem se jkun hekk. Ejja naraw ftit eżempji. L-1 eżempju: Qabel tgħallem il-verità, ħu kellu missieru li kien jixrob ħafna. F’get-together, il-ħu jara lil xi aħwa jixorbu l-alkoħol u ma jiħux pjaċir. Hu jgħidilhom li dak li qed jagħmlu huwa ħażin. It-2 eżempju: Oħt kellha marda serja u fieqet minnha. Iktar tard issir taf li oħt oħra għandha l-istess marda li kellha hi. L-oħt li fieqet tixtieq tgħin. Allura, tagħmlilha pressjoni biex tieħu l-istess kura li ħadet hi, forsi tgħidilha biex tiekol biss ċertu ikel, jew biex tieħu ċertu mediċina jew trattament. It-3 eżempju: Ħu qabel kien membru taʼ reliġjon falza. Hu jixtieq li qatt iktar ma jkollu x’jaqsam ma’ dik ir-reliġjon. Meta jsir jaf li ħu mar funeral fi knisja, iħossu diżappuntat.b
7 Ejja naraw ftit eżempji oħra. Ir-4 eżempju: Ħu trabba fi żmien fejn il-biċċa l-kbira tan-nies kienu jħossu li mhux sewwa li l-irġiel iħallu d-daqna jew li n-nisa jilbsu l-qalziet għal ċerti okkażjonijiet. Għalkemm il-ħu jaf li dan l-aħħar kien hemm xi aġġustamenti, hu jibqaʼ jgħid lil oħrajn biex l-irġiel ma jħallux id-daqna u li n-nisa m’għandhomx jilbsu qalziet meta jieħdu sehem f’affarijiet teokratiċi. Il-5 eżempju: Anzjan kien jaf ħu li kompla l-iskola u mbagħad telaq il-verità. Issa hemm żagħżugħ fil-kongregazzjoni tal-anzjan li ddeċieda li se jkompli l-iskola. L-anzjan hu inkwetat u qed jipprova jikkonvinċi lilu u l-ġenituri tiegħu biex ibiddlu d-deċiżjoni tagħhom.
8. (a) X’jistaʼ jġiegħel ġenitur jikkritika lil ġenituri oħrajn? (b) Jekk noqogħdu nikkritikaw lil oħrajn, kif jistaʼ jaffettwa l-kongregazzjoni?
8 Ikkunsidra eżempju li jistaʼ jaffettwa lill-ġenituri. Is-6 eżempju: Bħala ġenitur, int taħdem iebes biex lit-tfal tiegħek ‘tiddixxiplinahom u tittrennjahom bħalma jrid Ġeħova.’ (Efes. 6:4) Għalhekk, tagħmel xi regoli jew limiti għat-tfal tiegħek. Imma xi ġenituri Kristjani oħra ma jagħmlulhomx l-istess regoli. Pereżempju, iħallu lit-tfal tagħhom jidħlu iktar tard filgħaxija, jilagħbu video games mhux vjolenti, jew ikollhom mowbajl t’età żgħira. Minħabba f’hekk, it-tfal tiegħek jaf iħossu li inti strict iżżejjed u jistgħu jistaqsu, “Int għala ma tistax tkun bħall-ġenitur tal-ħabib tiegħi?” Sitwazzjoni bħal din tistaʼ ġġiegħlek tikkritika lil ġenituri oħra. Il-verità hi li kwalunkwe deċiżjoni li jieħu Kristjan u li tkun differenti minn tagħna tistaʼ ġġib nuqqas taʼ qbil. Pereżempju, forsi nistgħu naħsbu dwar kif jonfoq il-flus tiegħu, kemm-il darba jmur vaganza, jew liema divertiment jagħżel. Imma aħna m’għandna qatt inħallu s-sentimenti tagħna jsiru iktar importanti mill-paċi fil-kongregazzjoni.
9. X’għandna niftakru? (Ara wkoll l-istampa.)
9 Jekk Kristjan jieħu deċiżjoni differenti minn dik taʼ Kristjan ieħor, dan mhux bilfors ifisser li wieħed ħa deċiżjoni tajba u l-ieħor ħa deċiżjoni ħażina. (Rum. 14:5) Għalkemm bħala Kristjani aħna niġu mgħallmin biex inkunu “fehma waħda” fejn jidħlu l-livelli taʼ Ġeħova, dan ma jfissirx li għandna naħsbuha l-istess f’kull ħaġa. (2 Kor. 13:11) Nistgħu nqabblu dan mal-għażliet li nieħdu meta nkunu se nivvjaġġaw. Spiss, ikun hemm diversi toroq li jwasslu għall-istess destinazzjoni. Aħna nagħżlu l-waħda li nippreferu u li tkun l-aħjar għalina. B’mod simili, aħna nieħdu deċiżjonijiet differenti imma l-mira tagħna hija l-istess, jiġifieri li nogħġbu lil Ġeħova. Allura, ma niġġudikawx lil oħrajn għad-deċiżjonijiet li jieħdu.—Mat. 7:1; 1 Tes. 4:11.
Min jivvjaġġa jkun jistaʼ jagħżel minn diversi toroq biex jasal għad-destinazzjoni. Bl-istess mod, il-Kristjani jistgħu jieħdu deċiżjonijiet differenti f’affarijiet persunali meta jaqdu lil Ġeħova (Ara paragrafu 9)
GĦALA GĦANDEK TIRRISPETTA D-DEĊIŻJONIJIET T’OĦRAJN?
10. Skont Ġakbu 4:12, x’m’għandniex dritt nagħmlu, u għala?
10 Il-Bibbja tagħtina diversi raġunijiet għala għandna nirrispettaw id-deċiżjonijiet persunali t’oħrajn. Ejja naraw ftit minnhom. Aħna m’għandniex id-dritt ngħidu lil ħaddieħor x’għandu jagħmel f’affarijiet persunali. (Aqra Ġakbu 4:12.) Ġeħova hu dak li jagħmel il-liġi u l-Imħallef ġust. Hu biss għandu d-dritt li jgħidilna x’għandna nagħmlu. Allura, ħutna jridu jagħtu kont lil Ġeħova u mhux lilna. (Rum. 14:10) Aħna m’għandniex id-dritt li niġġudikaw jew nikkritikaw id-deċiżjonijiet t’oħrajn fuq il-livelli u l-opinjonijiet tagħna.c
11. Kif nistgħu ngħinu biex il-kongregazzjoni tkun magħquda? (Ara wkoll l-istampa.)
11 Ġeħova jrid li jkun hemm l-għaqda fost il-qaddejja tiegħu u mhux li jkunu l-istess. Infatti, Alla tagħna jħobb il-varjetà. Nistgħu naraw dan fil-ħolqien. Pereżempju, m’hemmx żewġ werqiet li huma l-istess. U aħseb dwar il-bnedmin. Hawn iktar minn tmien biljun persuna fuq l-art imma m’hawnx tnejn min-nies li jidhru eżatt l-istess u jaħsbu u jagħmlu l-istess affarijiet. Ġeħova ħalaqna differenti. Hu ma jridx li aħna nkunu kopji eżatti taʼ xulxin imma jrid li nkunu magħqudin. Allura, minflok ma nħallu d-differenzi jifirduna, nagħmlu kulma nistgħu biex inżommu l-paċi. Għalina l-għaqda fil-kongregazzjoni hi iktar importanti mill-opinjonijiet u l-preferenzi tagħna.—Rum. 14:19.
Ġeħova ħalaqna differenti minn xulxin imma jridna nkunu magħqudin (Ara paragrafu 11)
KIF TIRRISPETTA L-OPINJONIJIET T’OĦRAJN
12-13. X’għandna nżommu f’moħħna meta nħossu li xi ħadd ħa “pass falz”? (Galatin 6:1; ara wkoll il-kaxxa “Meta Ma Taqbilx.”)
12 Meta oħrajn jieħdu deċiżjonijiet persunali. Saqsi lilek innifsek, ‘L-individwu ħa “pass falz” jew sempliċement pass differenti?’ Jekk ħa pass falz, jiġifieri wieħed li jmur kontra dak li tgħid il-Bibbja, saqsi lilek innifsek, ‘Jien Kristjan matur li nistaʼ ngħinu jew hemm xi ħadd ieħor, bħal anzjan, li jistaʼ jgħinu aħjar biex jagħmel dan?’ Jekk int Kristjan matur li tistaʼ tgħinu, ipprova rraġuna miegħu bil-ħlewwa. (Aqra Galatin 6:1.) Però, se tinduna li fil-biċċa l-kbira l-individwu ma jkunx qed jagħmel xi ħaġa ħażina, imma sempliċement xi ħaġa differenti minn kif kieku tagħmilha int. F’dan il-każ, tiddubitax il-motivi jew l-ispiritwalità tiegħu, u lanqas għandek titkellem b’mod negattiv dwar id-deċiżjoni li jkun ħa. Minflok, irrispetta d-dritt tiegħu li jiddeċiedi għalih innifsu u tiġġudikahx.—Rum. 14:2-4.
13 Aħseb f’dan l-eżempju: Jekk tmur f’restorant ma’ ħabib, se tinsisti biex hu jordna l-istess ikel li tordna int? Le. Se tħallih jagħżel hu xi jrid jiekol. Fuq kollox, dak li jiekol ma tantx ħa jaffettwak. Mill-banda l-oħra, lanqas inti ma tkun trid li l-ħabib tiegħek jagħżel hu x’għandek tiekol minflok ma jħalli lilek. B’mod simili, aħna nistgħu nirrispettaw lil oħrajn billi nħalluhom jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom mingħajr ma nisforzaw l-opinjoni tagħna fuqhom.
14. Kif tistaʼ tgħin biex ikun hemm l-għaqda meta tieħu deċiżjonijiet persunali? (1 Korintin 8:12, 13)
14 Meta tieħu deċiżjonijiet persunali. Int tistaʼ tgħin biex ikun hemm l-għaqda billi tagħmel kulma tistaʼ biex ma tweġġaʼ lil ħadd. (Aqra 1 Korintin 8:12, 13.) Xi kultant, tkun taf li d-deċiżjoni li se tieħu ma fiha xejn ħażin, imma jekk din se tweġġaʼ lil ħuk, se tkun “taʼ benefiċċju”?d (1 Kor. 10:23, 24) F’każijiet bħal dawn, minflok ma tinsisti fuq id-drittijiet tiegħek ikun aħjar li taħseb kif iħossuhom oħrajn. (Rum. 15:1) Imma m’għadniex kif għedna li oħrajn għandhom jirrispettaw id-deċiżjonijiet persunali tagħna? Iva. Huma għandhom jirrispettaw l-għażliet tagħna bħalma aħna għandna nirrispettaw tagħhom. Però, irridu wkoll inżommu f’moħħna l-parir li nsibu f’Rumani 12:18 li jgħid: “Sakemm jiddependi minnkom, żommu l-paċi maʼ kulħadd.” Għalhekk, aħna nagħmlu kulma nistgħu biex inżommu l-paċi m’oħrajn, u jekk nafu li hemm xi ħaġa li ddejjaqhom, nevitawha.
15. L-anzjani x’jistgħu jagħmlu biex jgħinu l-kongregazzjoni tibqaʼ magħquda? (1 Korintin 4:6)
15 L-anzjani jirrispettaw id-deċiżjonijiet t’oħrajn. L-anzjani jgħinu biex il-kongregazzjoni tibqaʼ magħquda billi ma jagħmlux regoli f’affarijiet persunali u billi ‘jżommu biss maʼ dak li hemm miktub’ fil-Bibbja. (Aqra 1 Korintin 4:6.) Ukoll, billi jżommu biss ma’ dak li hemm miktub fil-pubblikazzjonijiet tagħna li huma bbażati fuq il-Bibbja. Barra minn hekk, meta xi ħu jistaqsihom biex jgħinuh, l-anzjani joqogħdu attenti biex ma jistriħux biss fuq l-esperjenza tagħhom stess meta jagħtu parir. Minflok, jagħtu l-parir tagħhom mill-Bibbja.—Isa. 48:17, 18.
16. Anzjan kif juri rispett għad-deċiżjonijiet li tieħu l-ġemgħa tal-anzjani?
16 Anzjan juri rispett ukoll għad-deċiżjonijiet li jieħdu l-anzjani bħala grupp. Meta l-ġemgħa tal-anzjani tkun talbet għall-ispirtu qaddis, rat x’inhi d-direzzjoni mill-Bibbja u applikatha, u waslet għad-deċiżjoni, imbagħad kull anzjan għandu jappoġġa d-deċiżjoni tal-maġġoranza anki jekk hu jkollu opinjoni differenti. (Efes. 5:17) Barra minn hekk, l-anzjani jridu joqogħdu attenti ħafna biex iżommu sew mad-direzzjoni teokratika li jkun hemm u mhux iżidu magħha. Pereżempju, anzjan m’għandux jieħu sentenza minn xi artiklu barra mill-kuntest biex jipprova jappoġġa l-opinjoni persunali tiegħu.
17. Kif nibbenefikaw meta nirrispettaw id-deċiżjonijiet t’oħrajn?
17 Bħalma rajna, aħna lkoll differenti. Kull wieħed minna għandu l-opinjonijiet u l-preferenzi tiegħu. Imma din hi xi ħaġa sabiħa. Il-fatt li aħna għandna backgrounds differenti u personalitajiet differenti jagħmel il-kongregazzjoni post sabiħ u taʼ pjaċir. Allura, minflok ma nħallu d-differenzi tagħna jifirduna naħdmu biex ikun hemm il-paċi. Aħna noqogħdu attenti biex ma nweġġgħux lil oħrajn. Aħna nirrispettaw id-deċiżjonijiet persunali t’oħrajn. Meta nagħmlu hekk, se niġu mberkin għall-isforz tagħna. B’hekk, se jkollna kongregazzjoni ferħana u magħquda.—Slm. 133:1; Mat. 5:9.
GĦANJA 89 Ismaʼ u obdi u tkun imbierek
a Din l-informazzjoni tapplika wkoll għall-aħwa nisa.
b Qabel Kristjan jieħu deċiżjoni jekk għandux jattendi funeral jew tieġ fi knisja, hemm diversi affarijiet li għandu jikkunsidra sew. Ara l-artiklu “Mistoqsijiet Mill-Qarrejja” f’It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Mejju 2002.
c Xi kultant, l-anzjani jkollhom bżonn jiġġudikaw lil xi ħadd li għamel dnub serju. Madankollu, huma għandhom iżommu f’moħħhom li qed jiġġudikaw għal Ġeħova skont il-livelli ġusti tiegħu, u mhux tagħhom.—Ara l-prinċipju fit-2 Kronaki 19:6.
d Għal eżempji, ara lezzjoni 35 punt 5 tal-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!