15-21 TAʼ ĠUNJU 2026
GĦANJA 122 Ibqgħu sodi, titħarrkux!
Aħseb Dwar il-Problemi Tiegħek Kif Jixtieq Ġeħova
“Għalkemm ngħaddi minn tbatija u diffikultà, jien nibqaʼ nħobb il-kmandamenti tiegħek.”—SLM. 119:143.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Meta naħsbu dwar il-problemi tagħna kif jixtieq Ġeħova jgħinna biex nibqgħu leali u ferħanin.
1-2. X’hemm bżonn li nagħmlu biex nissaportu meta jkollna l-problemi? (Ara wkoll l-istampa.)
QIEGĦED bħalissa tiffaċċja xi inġustizzja, oppożizzjoni minn tal-familja, jew persekuzzjoni minħabba li qed taqdi lil Alla? Għandek l-uġigħ minħabba saħħa batuta jew l-effetti tax-xjuħija? Qed tkampa maʼ xi traġedja, forsi tlift lil xi ħadd li tħobb fil-mewt? Ġeħova jgħożż ħafna lill-poplu tiegħu, imma bħal ħafna minnhom, int jaf għandek il-ħajja “mimlija problemi u wġigħ.”—Slm. 90:10.
2 Meta jkollna l-problemi, hemm bżonn li naħsbu bħalma jkun jixtieq Ġeħova ħalli nkunu nistgħu nibqgħu kalmi u nkunu nafu x’għandna nagħmlu. Għala hu importanti dan? Aħseb dwar dan l-eżempju: Il-problemi li tiffaċċja fil-ħajja nistgħu nqabbluhom maʼ perikli li tistaʼ tiltaqaʼ magħhom waqt li tkun qed issuq. Int taġixxi skont xi jkun il-periklu. Jaf ikollok tiġbed lejn il-lemin jew ix-xellug, tnaqqas, jew forsi anki tieqaf. Imma biex tkun taf xi trid tagħmel, trid tara sew x’hemm quddiemek. Però, jekk ikollok il-ħġieġ maħmuġ ħafna, ma tkunx tistaʼ tagħmel dan. Bl-istess mod, biex nissaportu l-problemi tagħna, hemm bżonn li narawhom kif jarahom Ġeħova. F’dan l-artiklu se nikkunsidraw (1) kif Ġeħova jixtieqna naħsbu dwar il-problemi, (2) kif ħarsa żbaljata tistaʼ tagħmel is-sitwazzjoni agħar, u (3) x’nistgħu nagħmlu meta jinqalgħu l-problemi.
Hemm bżonn li naħsbu dwar il-problemi tagħna kif jixtieq Ġeħova ħalli nkunu nafu x’hemm bżonn nagħmlu biex nissaportu (Ara paragrafu 2)
KIF ĠEĦOVA JIXTIEQNA NAĦSBU DWAR IL-PROBLEMI
3. Għala ma nistgħux nevitaw il-problemi f’din is-sistema mill-agħar?
3 F’din is-sistema mill-agħar, ma nistgħux nevitaw li jkollna d-diffikultajiet. Sakemm aħna imperfetti u Satana jmexxi d-dinja, se jkollna l-problemi. Hekk kif din is-sistema dejjem tersaq qrib it-tmiem tagħha, aħna se niffaċċjaw saħansitra iktar problemi, sew jekk ikunu diżastri naturali u sew jekk ikunu minħabba li n-nies jagħmlu affarijiet ħżiena. (Mat. 24:8; 2 Tim. 3:13) Li kieku Ġeħova kellu jirranġa dawn il-problemi issa, ikun bħallikieku qed jgħin lil Satana jmexxi d-dinja. Sakemm idum imexxi Satana, aħna se jkollna l-“inkwiet.”—Ekk. 9:12, ntt.
4. X’inhi raġuni oħra għala l-Kristjani jbatu?
4 Il-Kristjani jbatu wkoll għax jobdu lil Ġesù. Ġesù spiss qal lid-dixxipli tiegħu li kienu se jiġu ppersegwitati għax jimxu warajh. (Mat. 24:9; Ġw. 16:2) Li nkunu nafu dan se jgħinna biex ma tiddgħajfilniex il-fidi minn tbatijiet bħal dawn. (1 Tes. 3:3, 4) U meta nissaportu l-provi għax ikollna fidi soda, aħna nistgħu nkunu ċerti li qegħdin fit-triq li twassal għall-ħajja taʼ dejjem. Barra minn hekk, inkunu qed nuru li qed inżommu maʼ Ġeħova għax hu l-aqwa mexxej u nkunu qed nuru wkoll li Satana hu giddieb. Waħda mill-gideb taʼ Satana hi li aħna mhux verament inħobbu lil Alla u li naqduh biss minħabba dak li jtina għax aħna egoisti. Biex jipprova juri dan, hu jattakka l-poplu taʼ Ġeħova bl-aħrax. (Ġob 1:9-11) Meta nissaportu għax inħobbu lil Ġeħova, aħna nferrħuh.—Prov. 27:11.
5. X’nistgħu nitgħallmu minn Ekkleżjasti 7:13, 14? (Ara wkoll l-istampi.)
5 Ġeħova jippermetti li jiġru affarijiet ħżiena. Ġeħova qatt ma jaġixxi b’mod ħażin jew iħajjarna nagħmlu affarijiet ħżiena. (Ġak. 1:13) Allura r-Re Salamun għala kiteb li “l-Alla l-veru” għamel “ġurnata diffiċli”? (Aqra Ekkleżjasti 7:13, 14.) Bħalma jiġri spiss, hawn il-Bibbja qed tgħid li Ġeħova għamel xi ħaġa meta fil-fatt hu sempliċement ippermetta li tiġri. Allura x’nistgħu nitgħallmu minn dak li kiteb Salamun f’Ekkleżjasti 7:13, 14? L-ewwel nett, hemm bżonn li nkunu realistiċi. Sakemm qed ngħixu fid-dinja taʼ Satana, aħna se jkollna ġranet tajbin u oħrajn ħżiena. Meta jkollna ġurnata tajba, aħna nistgħu nirringrazzjaw lil Alla għaliha u nqisuha bħala rigal mingħandu. It-tieni, Salamun ifakkarna li aħna ma nistgħux ‘inkunu nafu x’se jiġri fil-futur,’ jiġifieri ma nistgħux inkunu nafu jekk f’ġurnata hux se jinqalgħulna l-problemi jew jekk hux se jkollna affarijiet tajbin. Problemi mhux mistennija jiġu kemm fuq nies tajbin u kemm fuq dawk li mhumiex.
Hemm bżonn li nkunu realistiċi u nifhmu li sakemm qegħdin fid-dinja taʼ Satana se jkollna ġranet tajbin u ħżiena (Ara paragrafu 5)
6. Ġeħova għala jistaʼ jħallina niffaċċjaw il-provi? (Lhud 12:7, 11)
6 Jekk ikollna ħarsa xierqa lejn il-provi tagħna, se nindunaw li Ġeħova qed jgħallimna biex nistrieħu fuqu u mhux fuqna nfusna. Ġeħova dejjem ikun jaf minn xiex inkunu għaddejjin. Hu jiddispjaċih meta nbatu u dejjem se jgħinna. Anki meta jippermetti li ngħaddu minn “wied li hu mudlam ħafna,” hu jkompli jiggwidana, jaċċertana li jħobbna, u jagħtina s-saħħa li jkollna bżonn biex nissaportu. (Slm. 23:4) Meta ngħaddu minn żminijiet diffiċli, nistgħu wkoll nindunaw x’inhuma d-dgħufijiet tagħna. B’hekk, bl-għajnuna t’Alla nkunu nistgħu ntejbu l-kwalitajiet li jkollna bżonn nirranġaw. (Aqra Lhud 12:7, 11.) Pereżempju, Ġob kellu jaħdem fuq l-umiltà. Ma kienx Ġeħova li ġab il-provi fuq Ġob, imma ppermettiehom u użahom biex jgħin lil Ġob jitgħallem lezzjonijiet importanti. (Ġob 42:1-6) Imma jiġri x’jiġri, aħna nistgħu nkunu ċerti li jekk Ġeħova jippermetti sitwazzjoni li fiha nbatu, hu se jgħinna biex nibqgħu leali lejh u żgur se jippremjana.—Rum. 8:35-39.
7. Għala tistaʼ tkun ferħan anki meta tiġi ppersegwitat għax taqdi lil Alla?
7 Aħna nistgħu nkunu ferħanin matul il-persekuzzjoni. Jekk qed tiġi ppersegwitat, taħsibx li Ġeħova mhux qed ibierkek. Għall-kuntrarju, il-fatt li qed tiġi ppersegwitat juri li Ġeħova huwa ferħan bik u se jippremjak. (Mat. 5:10-12) Meta taħseb dwar il-persekuzzjoni b’dan il-mod, bħall-appostli, int tistaʼ tibqaʼ tħossok tajjeb miegħek innifsek u tkun ferħan għax qed tiġi ppersegwitat minħabba li int Kristjan. (Atti 5:40-42) Barra minn hekk, int tistaʼ tgħin lil oħrajn jitgħallmu l-verità u “jigglorifikaw lil Alla.” (1 Pt. 2:12) Aħseb dwar Ġużeppi. Ġeħova għenu u ppremjah anki waqt li kien għadu l-ħabs u mhux biss wara li nħeles. U Ġeħova jistaʼ jagħmel l-istess miegħek.—Ġen. 39:3, 23.
8. X’jistaʼ jgħinna wkoll biex nibqgħu leali anki meta nkunu qed inbatu?
8 It-tbatijiet tagħna se jispiċċaw. L-esperjenza taʼ Ġob tfakkarna li t-tbatijiet tagħna se jispiċċaw. Infatti, “Ġeħova bierek lil Ġob iktar minn qabel.” (Ġob 42:12) B’mod simili, Ġeħova se jberikna b’mod tal-għaġeb fid-dinja l-ġdida. Il-ħajja li għandna issa, li hi mimlija inkwiet, hija qasira mqabbla mal-ħajja taʼ dejjem li se ngawdu fil-futur. Ejja nibqgħu naqdu lil Ġeħova lealment u naraw kif hu se jżomm il-wegħdi tiegħu u jippremjana fid-dinja l-ġdida!—Mat. 24:13.
ĦARSA ŻBALJATA TISTAʼ TAGĦMEL IS-SITWAZZJONI AGĦAR
9. Ħarsa żbaljata dwar il-problemi, kif tistaʼ tagħmel is-sitwazzjoni agħar?
9 Hi x’inhi l-problema li nkunu qed niffaċċjaw, hemm bżonn li jkollna ħarsa tajba lejn is-sitwazzjoni ħalli nevitaw li noħolqu iktar problemi. Pereżempju, nistgħu naħsbu li Ġeħova hu l-wieħed li ġab din it-tbatija. Għal xi żmien, Ġob ħass li kien Ġeħova li qed jaqlagħlu l-problemi, u din il-ħarsa żbaljata wasslitu biex ‘jipprova juri kemm kien ġust hu u mhux Alla.’ (Ġob 32:2) B’mod simili, Nagħomi waħħlet f’Ġeħova għad-diffikultajiet li kellha. (Rut 1:13, 20, 21) Li kieku Ġob u Nagħomi baqgħu jaħsbuha b’dan il-mod, huma kienu se jirrabjaw għal Ġeħova u jagħmlu ħsara lill-ħbiberija tagħhom miegħu. (Prov. 19:3) Imma Ġeħova għenhom jifhmu li ma kienx qed jikkastigahom, anzi li kien jimpurtah minnhom, u għax kienu leali lejh, hu ppremjahom.
10. Meta nkunu qed inbatu, x’nistgħu nibdew naħsbu?
10 Anki meta nkunu ċerti li mhux Ġeħova qed iġegħelna nbatu, jaf nibdew naħsbu jekk għadux jimpurtah minna. Din il-ħarsa negattiva tistaʼ tiħdilna saħħitna u tagħmilhielna iktar diffiċli biex nibqgħu naqduh. (Prov. 24:10) Ir-Re David u l-profeta Ħabakkuk għaddew minn żminijiet diffiċli u kultant ma kinux ċerti jekk Ġeħova kienx verament qed jismaʼ t-talb tagħhom għall-għajnuna. (Slm. 10:1; Ħab. 1:2) Però, huma xorta baqgħu jitolbuh u Ġeħova aċċerta lil dawn l-irġiel leali li hu kien qed jismagħhom u li se jgħinhom. Hu se jagħmel l-istess għalik.—Slm. 10:17.
11. Jekk ma jkollniex il-ħarsa taʼ Ġeħova dwar il-provi tagħna, kif nistgħu nibdew inħossuna?
11 Jekk ma jkollniex il-ħarsa taʼ Ġeħova dwar il-provi tagħna, jaf meta jiġu fuqna ninħasdu, għax forsi naħsbu li Ġeħova ma kellux iħallihom. (1 Pt. 4:12) Id-dixxipli taʼ Ġesù sabuha diffiċli ħafna biex jifhmu li hu kien se jiffaċċja l-persekuzzjoni u jinqatel. (Luqa 18:33, 34) Għalkemm Ġesù qalilhom ċar u tond minn xiex kellu jgħaddi, l-appostlu Pietru ħaseb li Alla ma kienx se jħalli lil Ġesù jgħaddi minn din it-tbatija. Ġesù kien jaf li ħsieb bħal dan setaʼ jfixklu milli jagħmel dak li jrid Ġeħova, allura kkoreġa lil Pietru. (Mrk. 8:31-33) Anki wara li miet, id-dixxipli tiegħu xorta ma fehmux mill-ewwel għala kellu jmut. Però, Ġesù ma qatax qalbu minnhom. Wara li ġie rxoxtat, hu kellimhom u għenhom jifhmu għala kellu jbati billi ‘spjegalhom sew l-Iskrittura.’ (Luqa 24:25-27, 32, 44-48) Billi mmeditaw fuq dak li Ġesù kien għallimhom, huma kienu se jkunu preparati għall-oppożizzjoni li kienu se jiffaċċjaw għax kienu dixxipli tiegħu. Aħna wkoll nistgħu nippreparaw għal meta jiġu l-provi billi nimmeditaw fuq dak li tgħid il-Bibbja dwar il-persekuzzjoni.
12. Kif nistgħu nħossuna jekk ikollna ħarsa żbaljata tas-sitwazzjoni tagħna?
12 Jekk ikollna ħarsa żbaljata, nistgħu nħossu li s-sitwazzjoni tagħna hi agħar milli hi. Ġesù wera kif jistaʼ jiġri dan fl-eżempju li ta tal-ħaddiema fl-għalqa tad-dwieli. Xi ħaddiema bdew igergru għax ħasbu li ma ġewx imħallsin kemm kien ħaqqhom. Imma s-sid qal lil wieħed minnhom: “Sieħbi, m’għamiltlek xejn ħażin.” (Mat. 20:10-13) Il-ħaddiema gergru għax huma kienu qed jistennew xi ħaġa li ma messhomx stennew u mhux għax kien hemm xi inġustizzja. Illum xi aħwa jistgħu jħossuhom l-istess. Pereżempju, jistgħu jħossu li mhux sewwa jekk mhux qed jaqdu lil Ġeħova f’xi inkarigu partikulari. X’jistaʼ jgħinna naħsbu kif jixtieq Ġeħova f’sitwazzjoni diffiċli?
DAK LI NISTGĦU NAGĦMLU META JINQALGĦU L-PROBLEMI
13. X’għandu mnejn jiġri meta jinqalgħu l-problemi?
13 Bħala qaddej taʼ Ġeħova, int taf x’tgħid il-Bibbja dwar it-tbatija. U x’aktarx qsamt versi mill-Bibbja m’oħrajn biex tgħinhom ikampaw mal-problemi tagħhom. Imma meta aħna stess ngħaddu minn xi ħaġa kerha, jaf insibuha diffiċli biex naħsbu bħalma jrid Ġeħova. Pereżempju, forsi tħoss li Ġeħova qed jikkastigak jew mhux qed jismaʼ t-talb tiegħek. X’tistaʼ tagħmel jekk tibda taħseb hekk?
14. Għal xiex tistaʼ titlob meta tkun qed tbati? (Filippin 4:13)
14 Itlob lil Ġeħova biex jgħinek. Lil Ġeħova għidlu dwar it-tbatija li għaddej minnha u kif qed teffettwak. Int tistaʼ titlob lil Ġeħova biex jgħinek b’mod speċifiku. Tistaʼ titolbu biex itik l-ispirtu qaddis tiegħu ħalli jkollok is-saħħa u l-għerf li għandek bżonn biex tissaporti. Imma ftakar li Ġeħova jaf iwiġiblek it-talb b’mod li ma tkunx qed tistenna. (Efes. 3:20) Hu jaf anki juża lill-anġli jew aħwa biex jgħinuk. (Slm. 34:7) Allura oqgħod attent għal kif jgħinek Ġeħova u rringrazzjah għal dan. Tistaʼ tkun ċert li Ġeħova jrid jagħtik l-ispirtu qaddis li għandek bżonn f’kull sitwazzjoni li tiffaċċja.—Aqra Filippin 4:13.
15. X’għandek bżonn tibqaʼ tagħmel fi żminijiet diffiċli? (Ara wkoll l-istampa.)
15 Żomm rutina spiritwali. Agħmel dak li tistaʼ anki jekk ma jirnexxilekx iżżomm mar-rutina li kellek qabel. Fi żminijiet taʼ “tbatija u diffikultà,” għandek bżonn iktar minn qatt qabel taħseb bħalma jaħseb Alla. (Slm. 119:143) Kompli aqra l-Bibbja kuljum, studjaha, u mmedita fuqha. Ħu kemm jistaʼ jkun sehem fil-ministeru, attendi u pparteċipa fil-laqgħat, u ibqaʼ qrib tal-aħwa. Tinqatax għalik waħdek, anki jekk ikollok aptit tagħmel hekk.—Prov. 18:1.
Agħmel dak li tistaʼ biex iżżomm rutina spiritwali (Ara paragrafu 15)
16. Meta tkun qed tbati liema dubji jistaʼ jkollok, u kif tistaʼ tneħħihom? (2 Korintin 10:4, 5)
16 Neħħi d-dubji. Meta tkun qed tbati, jaf jibdew jgħaddu minn moħħok ċertu ħsibijiet li jkollok bżonn tegħlibhom, inkluż dubji dwarek innifsek jew dwar Ġeħova. (Aqra 2 Korintin 10:4, 5.) Tistaʼ tneħħi dawn id-dubji billi ‘ssir taf dwar Alla’ mill-Bibbja u mill-pubblikazzjonijiet tal-organizzazzjoni tiegħu, biex b’hekk tkun tistaʼ taħseb bħalma jaħseb Ġeħova. Pereżempju, ġieli tiddubita jekk Ġeħova għadux ferħan bik? Jekk iva, studja l-esperjenza tal-appostlu Pawlu. Matul il-ministeru tiegħu, hu bata ħafna. Però, dan kompla jikkonvinċih li Ġeħova u Ġesù kienu ferħanin bih. (2 Kor. 11:23-27) Ġieli taħseb jekk Ġeħova ħafirlekx verament għall-iżbalji li għamilt fil-passat? Fil-każ, agħmel lista taʼ skritturi li juru li Ġeħova jaħfer id-dnubiet. (Isa. 43:25) Imbagħad, aqra dawn il-versi u mmedita fuqhom. (Slm. 119:97) Għaddejt minn xi ħaġa kerha f’ħajtek li minħabba f’hekk ma kontx ċert jekk Alla jipproteġix lill-qaddejja leali tiegħu? Mela agħmel riċerka dwar għala Alla jippermetti t-tbatija u kif jipproteġina spiritwalment, jiġri x’jiġri. (Slm. 91:9-12) Barra minn hekk, tistaʼ taqra dwar aħwa li għaddew minn xi ħaġa kerha u x’għamlu biex baqgħu jaqdu lil Ġeħova bil-ferħ.a
17. X’għandna nagħmlu meta tiġrilna xi ħaġa kerha?
17 Forsi bħalissa għaddej minn żmien tajjeb għax m’għandekx problemi serji. Mela rringrazzja u faħħar lil Ġeħova għall-affarijiet tajbin li qed tgawdi. (Ekk. 7:14) Imma meta tgħaddi minn xi ħaġa kerha, kompli ftakar dak li jgħid Ġeħova fil-Kelma tiegħu u afda fih kompletament. Meta tagħmel hekk, Ġeħova se ‘jsiblek mod kif tissaporti.’ (1 Kor. 10:13) Imma xi ngħidu dwar l-għeżież ħutna? Kif nistgħu ngħinuhom meta huma jgħaddu minn xi ħaġa kerha? Se niddiskutu dan fl-artiklu li jmiss.
GĦANJA 150 Fittex lil Alla biex jeħilsek
a Pereżempju, il-bijografija “A Happy Family, Shattered and Rebuilt” li nsibu fuq jw.org turi kif Ħuna David Maza u l-familja tiegħu kampaw meta miet wieħed mit-tfal.