8-14 TAʼ ĠUNJU 2026
GĦANJA 8 Ġeħova hu l-kenn tagħna
“L-Alla tal-Verità” Dejjem Iżomm il-Wegħdi Tiegħu
“Int fdejtni Ġeħova, l-Alla tal-verità.”—SLM. 31:5.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Se nitgħallmu għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jżomm il-wegħdi kollha tiegħu u li s-Saltna se tneħħi l-gideb kollu taʼ Satana.
1. Skont Salm 31:2-5, għala nistgħu nafdaw f’Ġeħova?
AĦNA qed ngħixu f’dinja li hi kkontrollata minn Satana. Ħafna nies jigdbu, iqarrqu, u jittradixxu lil xulxin. Huwa diffiċli tkun taf lil min għandek tafda. Ħafna negozjanti jagħmlu affarijiet diżonesti. Huwa komuni li n-nies jigdbu dwar dak li jkunu jridu jbigħu. U xi nies sabu li lanqas lill-ħbieb tal-qalb tagħhom ma jistgħu jafdaw, għax ma jżommux kelmithom. Imma kemm hu inkuraġġanti li nafu li aħna nistgħu dejjem nafdaw f’Ġeħova! Hu “l-Alla tal-verità.” (Aqra Salm 31:2-5.) Ġeħova qatt ma jigdeb. Dak kollu li jgħid hu veru. Aħna nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jagħmel dak kollu li jgħid.
2. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
2 F’dan l-artiklu, l-ewwel se nikkunsidraw għala nistgħu nafdaw f’Ġeħova b’qalbna kollha. Imbagħad se naraw kif Alla se jeqred lil Satana u d-dinja ħażina tiegħu, u x’qed jagħmel bħalissa biex iwettaq l-iskop tiegħu għall-art u għall-bnedmin. Dan l-artiklu se jgħinna biex inkunu iktar immotivati li ngħidu lil oħrajn il-verità dwar Ġeħova.
GĦALA NISTGĦU NAFDAW L-ALLA TAL-VERITÀ
3. Għala jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa f’Ġeħova?
3 Nistgħu nafdaw lil Ġeħova għax hu l-Ħallieq. Hu ħalaq l-univers, id-dinja, u l-affarijiet ħajjin kollha. (Ġen. 1:1; Slm. 36:9; Riv. 4:11) Hu għamel id-dinja b’tali mod li dak kollu li għandna bżonn biex nibqgħu ħajjin jibqaʼ jaħdem, bħan-nifs li nieħdu u l-ilma li nixorbu. Hu għandu u se jibqaʼ jkollu l-kontroll assolut tal-affarijiet kollha. Minħabba li Ġeħova ħalaqna, jaf kollox, u għandu qawwa bla limitu, aħna nistgħu nafdaw kompletament il-gwida tiegħu u nistgħu nkunu ċerti li se jagħtina futur mill-isbaħ.
4. Kif nafu li Ġeħova jħobbna?
4 Nistgħu nafdaw lil Ġeħova għax hu jħobbna. Ġeħova ħalaq lill-bnedmin għax hu jridhom jgħixu u jgawdu l-ħajja bħalma jagħmel hu. Ġeħova qal l-iskop tiegħu b’dan il-kliem: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq ix-xbieha u s-sura tagħna.” (Ġen. 1:26) Hu tana l-abbiltà li nieħdu deċiżjonijiet. Hu tana wkoll dar sabiħa, id-dinja. (Slm. 115:16) U ta lill-ewwel ġenituri tagħna inkarigu mill-isbaħ biex ibiddlu dik id-dar f’ġenna tal-art. (Ġen. 1:28; 2:15) Ġeħova tahom ħafna ikel tajjeb, varjetà kbira taʼ pjanti u annimali, u ħafna affarijiet oħra. Hu għamel dan biex huma jkunu ferħanin u jgawdu l-ħajja. Bla dubju, dan juri li “l-imħabba u l-lealtà taʼ Ġeħova” huma għal dejjem.—Slm. 103:17.
5. (a) Meta Adam u Eva irribellaw, Ġeħova biddel l-iskop tiegħu għall-art? (b) X’inhuma xi wegħdi li Alla wettaq? (Ara l-kaxxa “Alla Dejjem Jgħid il-Verità.”)
5 Nistgħu nafdaw lil Ġeħova għax hu dejjem jagħmel dak li jgħid. Ġeħova ma ħalaqx id-dinja għalxejn, “imma biex ikun hemm il-ħajja fiha.” (Isa. 45:18, 19) Adam u Eva mietu għax irribellaw kontra Ġeħova. Għalhekk, forsi deher li x-Xitan waqqaf lil Ġeħova milli jagħmel dak li ried għall-art u l-bnedmin. Imma xejn ma jistaʼ jwaqqfu milli jagħmel dak li jkun iddeċieda. (Isa. 46:10, 11) L-iskop tiegħu li jimla l-art b’nies tajbin ma nbidilx. Hu għalhekk li Ġeħova ħalla lil Adam u Eva jkollhom it-tfal. U bagħat lil Ibnu biex jagħti ħajtu għalina biex b’hekk ikollna t-tama tal-għaġeb li ngħixu għal dejjem.—Ġw. 3:16.
L-ALLA TAL-VERITÀ JŻOMM IL-WEGĦDI TIEGĦU
6. Ġeħova x’qal li se jiġri wara li Adam u Eva m’obdewhx?
6 Il-wieħed li kkonvinċa lil Adam u Eva biex jirribellaw kontra Alla kien “is-serp oriġinali, il-wieħed li jissejjaħ Xitan u Satana.”a (Riv. 12:9; Ġen. 3:4, 5; Ġw. 8:44) Għalhekk, Ġeħova qal li fil-futur Satana se jiġi meqrud. (Ġen. 3:15) Imma qabel jiġri dan, ħafna nies se jżommu ma’ Satana u jagħmlu affarijiet ħżiena bħalu. Imma xi wħud se jibqgħu leali lejn Ġeħova.
7. Min se jżomm ma’ Satana, u x’se jiġrilhom?
7 Ħafna jimitaw l-eżempju ħażin taʼ Satana. Xi wħud minnhom huma anġli li ħaduha kontra Ġeħova. Oħrajn huma nies li ma jridux jobdu lil Alla. Peress li jiħduha kontra Ġeħova, huma jżommu ma’ Satana. Imma fiż-żmien li għażel Alla, Satana u dawk li jżommu miegħu se jiġu meqrudin.—Dan. 2:44; Rum. 16:20.
8. Ġesù x’għamel fl-1914? (Ara wkoll l-istampi.)
8 Għala nistgħu nkunu ċerti li se tiġri l-wegħda li Ġeħova se jeqred lil Satana u lil dawk li jżommu miegħu? Fl-1914, Ġeħova għamel lil Ġesù re, u Ġesù beda jiġġieled kontra Satana x-Xitan u d-demonji tiegħu, u tefagħhom għal fuq l-art. (Riv. 12:7-9) Għalkemm din il-battalja ġrat fis-sema, dawk li jgħixu fuq l-art bla dubju setgħu jħossu l-effetti tagħha. Il-Bibbja tgħid: “Ħażin għall-art u għall-baħar, għax ix-Xitan niżel għandkom u hu rrabjat ħafna peress li jaf li ftit żmien baqagħlu.” (Riv. 12:12) Mill-1914 ’il hawn, il-mira prinċipali taʼ Satana kienet li jġiegħel lil kemm jistaʼ jkun nies iżommu miegħu. Minħabba f’hekk, nistgħu naraw ħafna u ħafna problemi fid-dinja. Imma Ġesù dalwaqt se “jirbaħ lill-għedewwa tiegħu,” u Satana u dawk li jżommu miegħu se jitneħħew. (Riv. 6:2) Ġesù se juri b’mod ċar lil kulħadd li Satana hu ħażin u li xerred il-gideb dwar Ġeħova. (Slm. 45:4-6) Kulħadd se jkun jaf li Ġeħova hu l-Alla tal-verità!—Eżek. 38:23.
L-Ewwel Gwerra Dinjija: U.S. National Archives photo; bomba: USAF photo; pandemija: blvdone/stock.adobe.com; protesta: inhauscreative/E+ via Getty Images
Mill-1914, il-kundizzjoni tad-dinja kompliet sejra għall-agħar (Ara paragrafu 8)
L-ALLA TAL-VERITÀ JIĠBOR LIL DAWK KOLLHA LI JĦOBBU L-VERITÀ
9. Ġeħova lil min qed jiġbor illum?
9 Sadanittant, Ġeħova beda “jiġbor kollox flimkien permezz tal-Kristu, kemm l-affarijiet tas-sema u kemm l-affarijiet tal-art.” (Efes. 1:10) “L-affarijiet tas-sema” huma l-magħżulin li Ġeħova qed jagħżel biex imexxu ma’ Kristu fis-sema. “L-affarijiet tal-art” huma dawk in-nies li se jgħixu għal dejjem f’Ġenna tal-Art. Dawn il-qaddejja kollha taʼ Ġeħova qed jaħdmu iebes biex jgħinu lil oħrajn jitgħallmu l-verità dwar Ġeħova u biex juruhom li Satana huwa giddieb.
10. Ġeħova kif jgħin lin-nies jitgħallmu l-verità? (Rivelazzjoni 14:6, 7)
10 Biex isib li dawk in-nies li jridu jkunu jafu l-verità dwaru, Ġeħova inkariga lill-poplu tiegħu biex jippritkaw il-verità dwaru mad-dinja kollha. Dan huwa l-ikbar xogħol taʼ ppritkar li qatt sar matul l-istorja. (Aqra Rivelazzjoni 14:6, 7.) Għalkemm Ġeħova juża lin-nies biex jgħallem lil oħrajn il-verità dwaru, l-anġli qed jgħinu biex jiggwidaw lil dawk in-nies li jħobbu l-verità lejn il-poplu taʼ Ġeħova. Ix-xogħol tal-ippritkar jgħin lin-nies jifhmu li x-Xitan ilu juża r-reliġjonijiet foloz, jew Babilonja l-Kbira, biex jgħidu l-gideb dwar Ġeħova. (Riv. 18:2, 4) Dalwaqt, ir-reliġjonijiet foloz kollha se jiġu meqrudin għalkollox. U dawk kollha li jħobbu lill-Alla tal-verità se jagħtuh il-glorja li tant ħaqqu.—Riv. 17:16.
11. Kif nistgħu nagħrfu l-qaddejja veri taʼ Ġeħova?
11 Ġeħova jiġbor bnedmin differenti minn mad-dinja kollha fil-familja tiegħu. (Riv. 7:9, 10) Meta semgħu “l-aħbar tajba,” huma raw b’mod ċar li dak li kienu qed jitgħallmu hu l-verità, u għalhekk riedu jingħaqdu mal-poplu taʼ Ġeħova. (Mrk. 13:10) Illum, nistgħu naraw b’mod ċar min qed jaqdi lil Ġeħova kif jogħġob lilu. Il-profeta Malakija qal: “Intom terġgħu taraw id-distinzjoni bejn bniedem sewwa u wieħed mill-agħar, bejn wieħed li jaqdi lil Alla u wieħed li ma qdiehx.” (Mal. 3:18) Permezz tal-kondotta tagħhom u x-xogħol tal-ippritkar li jagħmlu, ix-Xhieda taʼ Ġeħova juru li huma l-qaddejja veri t’Alla.
12. Ix-xogħol tal-ippritkar kif jgħin biex jitwettaq l-iskop taʼ Ġeħova?
12 Billi nippritkaw “l-aħbar tajba tas-Saltna,” inkunu qed nobdu l-kmand li tana Ġesù u fl-istess ħin qed inwettqu profezija. (Mat. 24:14; 28:18-20) U b’dan ix-xogħol, ħafna nies minn madwar id-dinja qed isiru dixxipli taʼ Ġesù u qed iħarsu ’l quddiem lejn iż-żmien li jkunu jistgħu jqimu lil Ġeħova għal dejjem. Kemm hu privileġġ tal-għaġeb għalina li jkollna sehem f’li nwettqu l-iskop taʼ Ġeħova!
NISTGĦU NKUNU ĊERTI LI ĠEĦOVA SE JŻOMM IL-WEGĦDA TIEGĦU
13. Satana lil min jippersegwita l-iktar, u għala?
13 Satana x-Xitan hu rrabjat ħafna għax “jaf li ftit żmien baqagħlu” qabel id-dinja tiegħu tiġi meqruda. (Riv. 12:12, 13) Hu jippersegwita l-iktar lil dawk li Ġeħova għażel biex imexxu fis-Saltna tiegħu. Dan għax huma dawk l-uħud li “jobdu l-kmandamenti t’Alla u li ġew inkarigati biex jagħtu xhieda dwar Ġesù.” (Riv. 12:17; 14:12) Hu jippersegwita wkoll lil dawk li jgħinuhom.
14. X’se jiġri meta Satana jattakka l-poplu taʼ Ġeħova? (Ara wkoll l-istampa)
14 Wara l-qerda taʼ Babilonja l-Kbira, dawk li jżommu ma’ Satana se jipprovaw jeqirdu l-poplu taʼ Ġeħova. Imbagħad se tibda l-gwerra t’Armageddon. (Riv. 16:13, 14, 16) Ġesù u l-armati tas-sema se jsalvaw il-qaddejja taʼ Ġeħova u jeqirdu għalkollox dak li jibqaʼ fid-dinja taʼ Satana. (Riv. 19:19-21) B’hekk, mhux se jibqaʼ iktar nies ħżiena u giddibin. (Riv. 21:8) Kulħadd se jkun jaf li Ġeħova dejjem jagħmel dak li hu sewwa u jgħid il-verità.
Ġesù u l-armata tiegħu tas-sema rekbin fuq iż-żwiemel fil-gwerra t’Armageddon biex jeqirdu l-għedewwa t’Alla (Ara paragrafu 14)
15. Għala nistgħu nkunu ċerti li dak li wegħedna Ġeħova għall-futur se jiġri żgur? (Isaija 65:16, 17) (Ara wkoll l-istampa.)
15 Illum, in-nies fid-dinja huma mifrudin iktar minn qatt qabel, minħabba li jiġġieldu u jigdbu. Imma l-qaddejja taʼ Ġeħova se jibqgħu magħqudin bl-għajnuna tiegħu. Ġeħova qed jiġbor lil dawk kollha li jħobbu l-verità biex isiru parti mill-familja tiegħu. Xejn ma jistaʼ jwaqqaf lil Ġeħova milli jbierek il-poplu tiegħu u x-xogħol li qed jagħmlu għalih. (Aqra Isaija 65:16, 17.) Nistgħu nkunu ċerti li l-wegħdi taʼ Ġeħova se jiġru. Il-kliem tal-appostlu Pawlu li nsibu f’Rumani 8:38, 39 jassigurana li “xejn ma jistaʼ jisseparana mill-imħabba t’Alla, la l-mewt, la l-ħajja, la l-anġli, la l-gvernijiet, la l-affarijiet t’issa, la l-affarijiet li ġejjin, la l-qawwiet, la l-għoli, la l-fond, u lanqas xi ħolqien ieħor. L-ebda ħaġa ma tistaʼ tisseparana mill-imħabba li Alla wriena permezz taʼ Kristu Ġesù l-Mulej tagħna.”
Fid-dinja l-ġdida mhux se niftakru iktar il-problemi li għandna llum (Ara paragrafu 15)
16. Għala tafda f’Ġeħova b’qalbek kollha?
16 Għandna ħafna raġunijiet biex nafdaw f’Ġeħova, l-Alla tal-verità. Hu l-Ħallieq tagħna u jħobbna ħafna. U hu qed jiġbor flimkien iktar u iktar nies minn madwar id-dinja kollha biex jaqduh kif jixtieq hu. (Isa. 60:22; Żak. 8:23) Aħna nafu li hu dejjem iwettaq l-iskop tiegħu, u dalwaqt se jneħħi lil Satana biex b’hekk id-dinja tkun meħlusa mill-gideb tiegħu. Aħna nitolbu bħalma talab David: “Ħa jkun imfaħħar Alla Ġeħova, . . . li hu biss jagħmel affarijiet tal-għaġeb. Ħa jiġi mfaħħar għal dejjem l-isem glorjuż tiegħu, u jalla l-glorja tiegħu timla l-art kollha.”—Slm. 72:18, 19.
GĦANJA 2 Ġeħova ismek hu
a Il-Bibbja ma ttiniex l-isem oriġinali taʼ dan l-anġlu mill-agħar. Il-Bibbja ssejjaħlu “Xitan,” li jfisser Wieħed li Jaqlaʼ l-Gideb, u “Satana,” li jfisser Wieħed li Jopponi.