LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w26 Jannar pp. 20-25
  • X’Se Tagħmel Biex Turi li Tapprezza l-Fidwa?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’Se Tagħmel Biex Turi li Tapprezza l-Fidwa?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-ISTUDENTI TAL-BIBBJA
  • KRISTJANI MGĦAMMDIN
  • KRISTJANI LI BĦALISSA MHUX QED JAQDU LIL ĠEĦOVA MAL-KONGREGAZZJONI
  • INT X’SE TAGĦMEL?
  • Il-Barkiet li Għandna Peress li Ġeħova Jħobbna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • X’Nitgħallmu mill-Fidwa?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Għala Kellna Bżonn il-Fidwa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
  • Lest għall-Iktar Ġurnata Importanti tas-Sena?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
w26 Jannar pp. 20-25

23-29 TAʼ MARZU 2026

GĦANJA 18 Grati għall-fidwa

X’Se Tagħmel Biex Turi li Tapprezza l-Fidwa?

“L-imħabba li għandu l-Kristu tqanqalna biex nobduh.”—2 KOR. 5:14.

DAK LI SE NITGĦALLMU

X’jistaʼ jagħmel kull wieħed minna biex juri li japprezza l-fidwa.

1-2. Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa xi jqanqalna nagħmlu, u għala? (2 Korintin 5:​14, 15) (Ara wkoll l-istampa.)

KIF tħossok kieku xi ħadd isalvak minn binja li waqgħet? Żgur li tkun grat ħafna u tkun trid tmur personalment turih li tapprezza dak li għamel miegħek. Qatt mhu se tinsa dak li għamel miegħek.

2 Bħalma spjega l-artiklu taʼ qabel, aħna għandna bżonn lil xi ħadd biex isalvana mid-dnub u l-mewt. Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa għamilha possibbli biex (1) jinħafrulna dnubietna, (2) ikollna t-tama li nsiru perfetti, u (3) inkunu nistgħu nsiru ħbieb taʼ Ġeħova. Grazzi għall-fidwa nistgħu nittamaw li ngħixu għal dejjem fid-dinja l-ġdida taʼ Ġeħova. Ġesù wera kemm kien iħobb lin-nies meta ta ħajtu għalihom. Hu kien iħobb lill-bnedmin qabel ma ġie fuq l-art. (Prov. 8:​30, 31) L-appostlu Pawlu kiteb li “l-imħabba li għandu l-Kristu tqanqalna biex nobduh.” (Aqra 2 Korintin 5:​14, 15.) Dan ifisser li aħna għandna nuru li napprezzaw dak li għamel Ġesù għalina u qatt ma ninsew x’għamel.

Ir-raġel tal-artiklu taʼ qabel, li kien maqbud f’binja li waqgħet, qed jiġi salvat minn ħaddiem tas-salvataġġ.

Jekk xi ħadd ikun salvalek ħajtek, int għandek turi li tapprezza dak li għamel miegħek. Kemm iktar għandek turi li tapprezza dak li Ġeħova u Ġesù għamlu għalik biex jeħilsuk mid-dnub u l-mewt (Ara paragrafi 1-2)


3. Il-mod kif int turi li tapprezza l-fidwa għala jistaʼ jkun differenti minn taʼ xi ħadd ieħor?

3 Int kif se turi li tapprezza l-fidwa? It-tweġiba tiegħek jaf tkun differenti minn taʼ xi ħadd ieħor. Biex nifhmu, ejja nġibu eżempju. Immaġina li tliet persuni se jmorru fl-istess post, imma kollha se jitilqu minn postijiet differenti. Minn fejn jgħaddu se jkun differenti. Bl-istess mod, dak li se tagħmel biex turi li tapprezza l-fidwa se jkun differenti minn dak li jagħmel ħaddieħor. B’dan f’moħħna, dan l-artiklu se jitkellem dwar tliet gruppi taʼ nies: (1) l-istudenti tal-Bibbja, (2) Kristjani mgħammdin, u (3) Kristjani li bħalissa mhux qed jaqdu lil Ġeħova mal-kongregazzjoni. Se naraw kull persuna x’tistaʼ tagħmel biex turi li tapprezza l-fidwa.

L-ISTUDENTI TAL-BIBBJA

4. Ġeħova kif iħossu dwar dawk li qed jistudjaw il-Bibbja?

4 Jekk qed tistudja l-Bibbja, aħseb dwar dan: Il-fatt li trid titgħallem dwar Ġeħova u l-Bibbja juri li Ġeħova ġibdek lejh għax jixtieqek issir il-ħabib tiegħu. (Ġw. 6:44; Atti 13:48) “Ġeħova jeżamina l-qalb tan-nies.” Dan ifisser li hu jinnota l-isforzi li qed tagħmel biex titgħallem dwaru u jieħu pjaċir jarak tagħmel il-bidliet f’ħajtek biex togħġbu. (Prov. 17:3; 27:11) U qatt tinsa, int tistaʼ ssir il-ħabib tiegħu għax hu ta lil Ibnu bħala fidwa għalik.—Rum. 5:​10, 11.

5. L-istudenti tal-Bibbja kif jistgħu japplikaw il-parir li nsibu f’​Filippin 3:16?

5 Jekk int student tal-Bibbja, kif tistaʼ turi li tapprezza l-fidwa? Mod wieħed hu billi tobdi l-parir li Pawlu ta lill-​Filippin: “Għamilna kemm għamilna progress, ejjew nibqgħu nimxu bl-istess mod.” (Flp. 3:16) Mela tħalli lil ħadd u xejn iwaqqfek milli tkompli miexi fit-triq li twassal għall-ħajja.—Mat. 7:14; Luqa 9:62.

6. L-istudenti tal-Bibbja x’jistgħu jagħmlu jekk qed isibuha diffiċli biex jemmnu xi ħaġa jew biex jieqfu jagħmlu xi ħaġa li Ġeħova jobgħod? (Dewteronomju 30:​11-14) (Ara wkoll l-istampa.)

6 Imma x’se tagħmel jekk tgħallimt xi ħaġa mill-Bibbja li qed issibha diffiċli temminha? Agħmel riċerka fuqha u itlob lil Ġeħova biex jgħinek tifhimha aħjar. (Slm. 86:11) Jekk xorta ssibha diffiċli, toqgħodx tinkwieta żżejjed fuqha. Kompli studja l-Bibbja u probabbilment maż-żmien se tifhimha dik il-verità. Imma xi ngħidu jekk qed issibha diffiċli biex tieqaf tagħmel affarijiet li Ġeħova jobgħod? Ftakar li Ġeħova qatt mhu se jitolbok tagħmel xi ħaġa li ma tistax tagħmel. Int tistaʼ tgħix skont il-livelli tiegħu. (Aqra Dewteronomju 30:​11-14.) U Ġeħova jwiegħdek li se jgħinek. (Isa. 41:​10, 13; 1 Kor. 10:13) Għalhekk taqtax qalbek, ibqaʼ pprova. Minflok ma toqgħod tinkwieta fuq dak li qed issib diffiċli, aħseb dwar l-affarijiet sbieħ li Ġeħova qed jagħmel miegħek, l-iktar li ta lil Ibnu bħala fidwa għalik. Iktar ma l-imħabba tiegħek għal Ġeħova tikber, iktar se tara li “l-kmandamenti tiegħu mhumiex diffiċli.”—1 Ġw. 5:3.a

Raġel qed jaqra lezzjoni 40 tal-ktieb “Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!” Ħdejh hemm pakkett sigaretti u ashtray mimlija sigaretti.

Dak li jitlobna nagħmlu Ġeħova qatt mhu diffiċli wisq biex nagħmluh. Hu se jgħinna ngħixu skont il-livelli tiegħu (Ara paragrafu 6)


7. Tfal u żgħażagħ li qed jitrabbew fil-verità dwar xiex jistgħu jaħsbu?

7 Xi ngħidu għalikom, tfal u żgħażagħ li qed titrabbew fil-verità? Anki intom studenti tal-Bibbja. Fil-fatt, intom l-iktar studenti tal-Bibbja importanti għall-ġenituri tagħkom. Il-Bibbja tgħid: “Ersqu qrib t’Alla, u hu jersaq qrib tagħkom.” (Ġak. 4:8; 1 Kron. 28:9) Meta tieħu l-inizjattiva biex issir il-ħabib taʼ Ġeħova, anki Ġeħova se jkun irid isir il-ħabib tiegħek. Ġeħova jinnotak mhux għax trabbejt bħala Xhud taʼ Ġeħova, imma għax irid isir il-ħabib tiegħek. U Ġeħova x’għamel biex int ikollok ħbiberija tajba miegħu? Hu ta lil Ibnu. Qatt tinsa dan ir-rigal prezzjuż. (Rum. 5:​1, 2) Allura qabel ma tattendi t-Tifkira taʼ din is-sena, għax ma taħsibx sew fuq x’għamlu Ġeħova u Ġesù għalik? Imbagħad aħseb kif trid tgħix ħajtek u x’miri tixtieq tagħmel ħalli turi lil Ġeħova kemm tapprezza dak li għamel għalik.b

KRISTJANI MGĦAMMDIN

8. Kristjan mgħammed kif diġà wera li japprezza l-fidwa?

8 Jekk int Kristjan mgħammed, mela diġà wrejt b’ħafna modi li tapprezza dak li Ġeħova u Ġesù għamlu għalik. Pereżempju, int biddilt ħajtek biex tgħix skont il-livelli taʼ Ġeħova u biex issir il-ħabib tiegħu. Obdejt il-kmand taʼ Ġesù biex tipprietka l-aħbar tajba u tgħallem lil oħrajn dwar Ġeħova u Ġesù. Int iddedikajt ħajtek lil Ġeħova u tgħammidt. U jistaʼ jkun li biex taqdih, oħrajn ħaduha kontrik. (2 Tim. 3:12) Il-fatt li bqajt taqdi lil Ġeħova b’lealtà juri li int tħobbu u tapprezza l-fidwa.—Lhud 12:​2, 3.

9. Jekk int mgħammed, minn liema periklu trid toqgħod attent?

9 Jekk ilna mgħammdin għal xi snin, irridu noqogħdu attenti minn periklu. Maż-żmien, nistgħu nibdew ninsew kif il-fidwa għandha taffettwa l-ħajja tagħna taʼ kuljum. Dan kif jistaʼ jiġri? Ara x’ġara lill-Kristjani f’Efesu. Ġesù rxoxtat faħħarhom talli ssaportew. Però, hu qalilhom: “Għandi dan kontrik: Int m’għadx għandek l-imħabba li kellek fil-bidu.” (Riv. 2:​3, 4) Bħalma juri l-kliem taʼ Ġesù, Kristjan jistaʼ jibda jagħmel l-affarijiet b’nofs qalb. Jistaʼ jkun li jitlob, imur il-laqgħat, u jieħu sehem fl-ippritkar imma jagħmel dan b’rutina. L-imħabba ma tibqax timmotivah. X’tistaʼ tagħmel jekk tinduna li l-imħabba tiegħek għal Ġeħova m’għadhiex b’saħħitha kif kienet qabel?

10. Kif tistaʼ ‘timmedita’ u tkun ‘iffokat għalkollox’ fuq l-affarijiet spiritwali? (1 Timotju 4:​13, 15)

10 L-appostlu Pawlu qal lil Timotju biex ‘jimmedita’ u ‘jiffoka għalkollox’ fuq l-affarijiet spiritwali. (Aqra 1 Timotju 4:​13, 15.) Fi qbil maʼ dan il-parir, ipprova aħseb f’modi kif tistaʼ tħalli ‘l-ispirtu jħeġġek.’ (Rum. 12:11; ara n-nota taʼ studju bl-Ingliż maʼ “Be aglow with the spirit.”) Pereżempju, tistaʼ toqgħod iktar attent waqt il-laqgħat billi tipprepara iktar fil-fond għalihom? Jew tistaʼ tagħmel l-istudju personali f’post għall-kwiet ħalli tkun tistaʼ taħseb iktar dwar dak li qed titgħallem? Dan se jgħinek tibbenefika iktar. Bħalma biex nar jibqaʼ jaqbad trid tibqaʼ titfagħlu l-injam, jekk tibqaʼ tagħmel dawn l-affarijiet, l-apprezzament tiegħek għall-fidwa u għall-affarijiet l-oħra li Ġeħova tak se jibqaʼ jikber. Ukoll, fil-ġimgħat qabel it-Tifkira, tistaʼ taħseb dwar l-affarijiet sbieħ kollha li Ġeħova jagħtina għax aħna x-Xhieda tiegħu? Dan se jgħinek tħossok iktar grat għal Ġeħova li tak il-fidwa, li hi r-raġuni għala int jistaʼ jkollok ħbiberija miegħu.

11-12. Jekk għal xi żmien ma tħossx li għandek iż-żelu li kellek qabel, ifisser li Ġeħova waqaf jagħtik l-ispirtu qaddis tiegħu? Spjega. (Ara wkoll l-istampa.)

11 Jekk għal xi żmien ma tħossx li għandek l-istess żelu li kellek qabel, dan ma jfissirx li Ġeħova waqaf jagħtik l-ispirtu qaddis tiegħu. Ftakar li l-appostlu Pawlu qal lill-Korintin li anki hu xi kultant ipprietka taʼ bilfors. Imma għax kien jaf li kienet ir-responsabbiltà tiegħu, hu xorta għamel dan. (1 Kor. 9:17) X’nistgħu nitgħallmu minnu?

12 Ġieli Pawlu ma kellux ix-xewqa li jipprietka. Minkejja dan, hu baqaʼ determinat li jibqaʼ jipprietka avolja dak il-ħin ma ħassx li kellu aptit. Anki int tistaʼ tagħmel bħalu. Kun determinat li tagħmel il-ħaġa t-tajba anki jekk ma jkollokx aptit tagħmilha. Allura, itlob lil Ġeħova biex itik “kemm ix-xewqa u kemm il-qawwa” biex tagħmel dak li jitlob minnek. (Flp. 2:13) Ibqaʼ żomm rutina spiritwali tajba għax din se tgħinek tibqaʼ qrib Ġeħova. Imbagħad tistaʼ tkun ċert li wara xi żmien, l-imħabba tiegħek għal Ġeħova se terġaʼ ssir b’saħħitha u se jerġaʼ jkollok iż-żelu.

Oħt li tidher imdejqa qiegħda service bit-tarbija fil-pushchair. L-oħt li qed taħdem magħha għandha idha fuqha.

Żomm rutina spiritwali tajba anki jekk kultant issibha diffiċli, għax din se tgħinek tibqaʼ qrib Ġeħova (Ara paragrafi 11-12)


13. X’nistgħu nagħmlu biex inkunu ċerti li qed ngħixu bil-mod kif Ġeħova jridna?

13 Minn żmien għal ieħor, nagħmlu tajjeb jekk nagħmlu eżami tagħna nfusna dwar kif qed ngħixu, eżatt bħalma qal Pawlu fit-​2 Korintin 13:5: “Komplu eżaminaw jekk intomx qed tgħixu fi qbil mal-fidi tagħkom f’Alla. Komplu agħtu prova taʼ dak li intom.” Pereżempju, biex tagħmel dan l-eżami tistaʼ ssaqsi lilek innifsek: ‘Meta naħseb dwar il-mod kif ngħix ħajti, juri b’mod ċar illi li naqdi lil Ġeħova hi l-iktar ħaġa importanti għalija?’ (Mat. 6:33) ‘L-affarijiet li nara u nagħmel biex nirrilassa juru li nobgħod dak li hu ħażin?’ (Slm. 97:10) ‘B’dak li ngħid u nagħmel nipprova nżomm il-paċi u l-unità fil-kongregazzjoni?’ (Efes. 4:​2, 3) Iż-żmien tat-Tifkira hu żmien tajjeb biex naħsbu dwar dan. Meta naħsbu dwar x’għamlu Ġeħova u Ġesù għalina, se nkunu rridu nuru li napprezzaw u li qed ngħixu għal Kristu u mhux għalina nfusna.c

KRISTJANI LI BĦALISSA MHUX QED JAQDU LIL ĠEĦOVA MAL-KONGREGAZZJONI

14. Xi aħwa għala waqfu jattendu l-laqgħat?

14 Xi aħwa waqfu jattendu l-laqgħat, anki wara snin jaqdu lil Alla lealment. Għala? Xi wħud minħabba li saru “ansjużi żżejjed dwar l-affarijiet tal-ħajja.” (Luqa 21:34) Oħrajn tfixklu minħabba xi ħaġa li qal jew għamel xi ħadd fil-kongregazzjoni. (Ġak. 3:2) Imbagħad hemm oħrajn li għamlu dnub serju u jistħu jitolbu l-għajnuna. Hi x’inhi r-raġuni, x’tistaʼ tagħmel jekk m’għadekx tkun mal-kongregazzjoni bħalma kont qabel? U l-fidwa u l-imħabba li Ġeħova u Ġesù għandhom għalik, x’jistgħu jġegħluk tagħmel?

15. Ġeħova kif juri li jimpurtah minn uħud li tbiegħdu mill-kongregazzjoni? (Eżekjel 34:​11, 12, 16)

15 Aħseb kif iħossu Ġeħova dwar uħud li tbiegħdu mill-kongregazzjoni. Hu mhux irrabjat magħhom u ma nsihomx. Minflok, hu jfittixhom, u xħin isibhom jgħinhom jiġu lura u jitmagħhom. (Aqra Eżekjel 34:​11, 12, 16.) Jistaʼ jkun li Ġeħova qed jagħmel l-istess miegħek? Iva! Il-fatt li qed taqra dan l-artiklu juri li f’qalbek għadek tixtieq taqdi lil Ġeħova. Bħalma Ġeħova ra x’hemm f’qalbek u ġibdek lejn il-verità, hu għadu jara affarijiet tajbin fik u jixtieqek terġaʼ lura fil-familja tiegħu.

16. X’jistaʼ jgħin lill-uħud li tbiegħdu minn Ġeħova jerġgħu lura għandu? (Ara wkoll l-istampa.)

16 Jekk jogħġbok, aħseb dwar il-kliem inkuraġġanti mill-browxer Erġaʼ lura għand Ġeħova: “Kun ċert li Ġeħova se jkun hemm għalik hekk kif terġaʼ lura għandu. Hu se jgħinek tkampa mal-ansjetà, ma tibqax tħossok imweġġaʼ, u ssib il-paċi tal-moħħ u tal-qalb li ġġib magħha kuxjenza nadifa. Imbagħad forsi terġaʼ tħossok imqanqal taqdi lil Ġeħova mal-aduraturi sħabek.” Ftakar ukoll li l-anzjani jridu jgħinuk. Huma jistgħu jkunu “bħal post taʼ kenn mir-riħ, ilqugħ mill-maltempata.” (Isa. 32:2) Aħna nafu li int tapprezza l-fidwa u li tixtieq turi lil Ġeħova dan, allura staqsi lilek innifsek, ‘X’passi nistaʼ nieħu minn issa biex “nirranġa l-affarijiet” maʼ Ġeħova?’ (Isa. 1:18; 1 Pt. 2:25) Pereżempju, tistaʼ tattendi laqgħa f’Sala tas-Saltna? Tistaʼ titkellem maʼ wieħed mill-anzjani u tgħidlu li għandek bżonn l-għajnuna biex terġaʼ lura għand Ġeħova? L-anzjani jistgħu jagħmlu arranġament biex tagħmel studju tal-Bibbja maʼ xi ħadd għal xi żmien. Kun ċert li Ġeħova se jbierek l-isforzi li qed tagħmel biex terġaʼ lura għandu u turih li tapprezza l-fidwa.

Raġel bil-Bibbja f’idu qiegħed ftit ’il bogħod mis-Sala tas-Saltna. Hu qed jara lill-aħwa jilqgħu lil xulxin.

Staqsi lilek innifsek, ‘X’passi nistaʼ nieħu minn issa biex “nirranġa l-affarijiet” maʼ Ġeħova?’ (Ara paragrafu 16)


INT X’SE TAGĦMEL?

17-18. Fiż-żmien qabel it-Tifkira kif tistaʼ tuża l-ħin tiegħek bl-aħjar mod?

17 Ġesù qal li l-fidwa ġiet provduta ‘biex kull min juri fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.’ (Ġw. 3:16) Il-fidwa għamlitha possibbli li Ġeħova jeħlisna mid-dnub u l-mewt. Kull wieħed minna għandu dejjem japprezza l-fidwa. (Rum. 3:​23, 24; 2 Kor. 6:1) Fil-ġranet taʼ qabel it-Tifkira ħu l-ħin biex taħseb kif Ġeħova u Ġesù wrew imħabba miegħek. Dan se jqanqlek biex turi l-apprezzament tiegħek għall-imħabba tagħhom.

18 Int kif se turi li tapprezza l-fidwa? Dak li tagħmel jaf ikun differenti minn dak li jagħmel xi ħadd ieħor. Imma tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se jbierek l-isforzi tiegħek u taʼ miljuni oħra madwar id-dinja li “ma jgħixux iktar għalihom infushom, imma għal dak li miet għalihom.”—2 Kor. 5:15.

KIF TISTAʼ TURI LI TAPPREZZA L-FIDWA JEKK INT . . .

  • student tal-Bibbja?

  • Kristjan mgħammed?

  • bħalissa mhux qed taqdi lil Ġeħova mal-kongregazzjoni?

GĦANJA 14 Infaħħru s-Sultan ġdid tal-art

a Bħala għajnuna biex tapplika dak li qed titgħallem mill-Bibbja, uża l-kaxxa “Ipprova Dan” li ssib fl-aħħar taʼ kull lezzjoni tal-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!

b Għal ideat dwar miri li tistaʼ tagħmel, ara l-artiklu “Żgħażagħ—‘Ibqgħu wettqu s-salvazzjoni tagħkom’” f’​It-Torri tal-Għassa taʼ Diċembru 2017.

c Għal ideat taʼ x’tistaʼ tagħmel biex tibqaʼ tapprezza dak li għamel Ġeħova għalik, ara l-artiklu “X’jimmotivak Biex Taqdi lil Alla?” f’​It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Lulju 1995.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja