LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 2/15 pp. 5-8
  • Mirakli li Rajt b’Għajnejk Stess!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Mirakli li Rajt b’Għajnejk Stess!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Jistaʼ Ktieb Ikun Miraklu?
  • Miraklu ‘Ħaj u Qawwi’
  • Il-Mirakli—Veru Jseħħu?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Il-Mirakli−Veru Ġraw?
    Il-Bibbja—Il-Kelma tʼAlla jew tal-Bniedem?
  • Kristu—Il-qawwa t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Għala L-Mirakli Waħedhom Ma Jibnux Il-Fidi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 2/15 pp. 5-8

Mirakli li Rajt b’Għajnejk Stess!

IL-​KELMA “miraklu” għandha tifsir ieħor, dak taʼ “ġrajja, ħaġa, jew ħidma ferm taʼ l-​għaġeb jew mhix tas-​soltu.” Aħna lkoll rajna dan it-​tip taʼ miraklu, mingħajr l-​intervent t’Alla.

Billi l-​bnedmin saru jafu iktar dwar il-​liġijiet fiżiċi tan-​natura, huma rnexxielhom jagħmlu affarijiet li qabel kienu jitqiesu impossibbli minn kulħadd. Per eżempju, mitt sena ilu, il-​biċċa l-​kbira min-​nies x’aktarx li kienu jaħsbu li kien impossibbli li jsir dak li llum isir kuljum permezz tal-​kompjuters, it-​televixin, it-​teknoloġija taʼ l-​ispazju, u żviluppi moderni simili.

Billi jagħrfu li ma jafux kollox dwar l-​għeġubijiet xjentifiċi fil-​ħolqien t’Alla, xi xjenzati jammettu li m’għadhomx jistgħu jgħidu b’ċertezza li xi ħaġa hi impossibbli. L-​iktar li lesti jgħidu hu li m’hijiex probabbli. Għalhekk, iħallu t-​triq miftuħa għal iktar “mirakli” fil-​futur.

Anki jekk nużaw it-​tifsira ewlenija tal-​kelma “miraklu,” u b’hekk nirreferu għal affarijiet ‘li jingħad li jkunu ġejjin minn sors sopranaturali,’ nistgħu ngħidu li kull wieħed minna ra l-​mirakli. Per eżempju, aħna naraw ix-​xemx, il-​qamar, u l-​kwiekeb​—kollha l-​prodott taʼ “sors sopranaturali,” il-​Ħallieq innifsu. Barra minn hekk, min jistaʼ jispjega għalkollox bid-​dettall kif jaħdem il-​ġisem uman? kif jaħdem il-​moħħ? jew kif jiżviluppa l-​embriju uman? Il-​ktieb The Body Machine jgħid: “L-​organiżmu uman, kontrollat u koordinat mis-​sistema nervuża ċentrali, huwa apparat sofistikat tas-​sensi, magna li timxi u li tirregola lilha nfisha, kompjuter li kapaċi jirriproduċi ruħu​—ħolqien meraviljuż u misterjuż b’ħafna modi.” Dak l-​Alla li ħalaq “l-​organiżmu uman” verament għamel miraklu, wieħed li jkompli jgħaġġibna. Hemm ukoll tipi oħra taʼ mirakli li rajt b’għajnejk stess, għalkemm forsi ma indunajtx li huma hekk.

Jistaʼ Ktieb Ikun Miraklu?

L-​ebda ktieb ma jinsab fl-​idejn daqskemm tinsab il-​Bibbja. Ma taħsibx li din hija miraklu? Nistgħu ngħidu li ġejja minn “sors sopranaturali”? Veru li l-​Bibbja hija ktieb li tniżżel bil-​miktub minn bnedmin, imma dawn sostnew li esprimew il-​ħsibijiet t’Alla, mhux tagħhom. (2 Samwel 23:​1, 2; 2 Pietru 1:​20, 21) Aħseb ftit. Il-​kittieba kienu xi 40 individwu li għexu f’perijodu taʼ 1,600 sena. Ġew minn sfondi differenti bħal taʼ rgħajja, nies militari, sajjieda, qaddejja ċivili, tobba, qassisin, u slaten. Madankollu, irnexxielhom iwasslu messaġġ wieħed taʼ tama li huwa kemm veru kif ukoll eżatt.

B’riżultat taʼ studju bir-​reqqa, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jaċċettaw il-​Bibbja, mhux “bħala l-​kelma tal-​bnedmin, imma bħalma hi tassew, bħala l-​kelma t’Alla,” kif kiteb l-​appostlu Pawlu. (1 Tessalonikin 2:​13) Tul is-​snin, il-​pubblikazzjonijiet tagħhom spjegaw kif l-​hekk imsejħin kontradizzjonijiet fil-​Bibbja fil-​fatt jistgħu jinġiebu fi qbil mal-​messaġġ ġenerali tagħha. Il-​fatt li l-​messaġġ tal-​Bibbja hu kollu fi qbil huwa prova li Alla hu l-​awtur tagħha.a

Ma kien hemm ebda ktieb ieħor li n-​nies ipprovaw kemm felħu biex jeqirduh daqs kemm ipprovaw bil-​Bibbja. Madankollu, din għadha teżisti u f’iktar minn 2,000 lingwa, jekk mhux kollha għall-​inqas partijiet minnha. Kemm il-​fatt li l-​Bibbja baqgħet teżisti bħala ktieb u kemm il-​fatt li kliemha baqaʼ ma nbidilx juru li kien hemm l-​intervent t’Alla. Il-​Bibbja hija miraklu tassew!

Miraklu ‘Ħaj u Qawwi’

Il-​mirakli taʼ l-​imgħoddi​—fejqan u rxoxtijiet mirakolużi​—m’għadhomx iseħħu. Imma għandna għalxiex inkunu fiduċjużi li fid-​dinja l-​ġdida t’Alla li ġejja dalwaqt, dawn il-​mirakli se jerġgħu jseħħu, u din id-​darba maʼ l-​art kollha. Dawn se jġibu serħan dejjiemi u se jwettqu affarijiet li għalissa lanqas biss nistgħu nifhmuhom.

Illum, il-​Bibbja, li fiha nfisha hi miraklu, tistaʼ tagħmel affarijiet li huma bħal mirakli għax tqanqal lin-​nies ibiddlu l-​personalitajiet tagħhom għall-​aħjar. (Ara eżempju fil-​kaxxa “Il-​Qawwa tal-​Kelma t’Alla,” f’paġna 8.) Ebrej 4:12 jgħid: “Il-​kelma t’Alla hi ħajja u qawwija u taqtaʼ iktar minn sejf b’żewġt ixfar u tinfed tant li tifred ir-​ruħ u l-​ispirtu, u l-​ġogi u l-​mudullun tagħhom, u tistaʼ tagħraf il-​ħsibijiet u l-​intenzjonijiet tal-​qalb.” Iva, il-​Bibbja għenet lil iktar minn sitt miljun ruħ li jgħixu madwar id-​dinja biex ibiddlu ħajjithom, waqt li tathom skop fil-​ħajja u tama taʼ l-​għaġeb għall-​futur.

Għala ma tħallix il-​Bibbja tagħmel miraklu f’ħajtek?

[Nota taʼ taħt]

a Jekk tixtieq tinvestiga iktar dwar dawn l-​hekk imsejħin kontradizzjonijiet biex tara kif jistgħu jinġiebu fi qbil, hemm għadd t’eżempji li ġew kunsidrati fil-​ktieb The Bible​—God’s Word or Man’s? (Il-Bibbja​—Il-​Kelma t’Alla jew tal-​Bniedem?) kapitlu 7, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 7]

DIĠA MEJJET JEW KIEN GĦADU ĦAJ?

Skond Ġwanni 19:​33, 34, Ġesù kien diġà mejjet meta “wieħed mis-​suldati nifidlu ġenbu b’lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma.” Madankollu, Mattew 27:​49, 50 jindika li Ġesù kien għadu ħaj meta ġara dan. Għala hemm din id-​differenza?

Skond il-​Liġi Mosajka, kriminal ma setax jitħalla mdendel il-​lejl kollu fuq iz-​zokk taʼ lesekuzzjoni. (Dewteronomju 21:​22, 23) Għaldaqstant, fi żmien Ġesù, jekk kriminal imdendel maʼ zokk kien ikun għadu ħaj iktar tard fil-​jum, id-​drawwa kienet li jiksrulu riġlejh, u b’hekk iħaffu l-​proċess tal-​mewt. B’dan il-​mod ma kienx ikun jistaʼ iktar jieqaf dritt sabiex jieħu n-​nifs sewwa. Il-​fatt li s-​suldati kisru riġlejn iż-​żewġ kriminali mdendlin ħdejn Ġesù imma tiegħu ma kisruhomlux jindika li ħasbu li kien mejjet. Is-​suldat jistaʼ jkun li nifidlu ġenbu sempliċement biex ikun ċert għalkollox u ma jagħtix ċans li jerġaʼ jqum u jingħad b’mod falz li rxoxta.

Is-​silta f’Mattew 27:​49, 50 tagħti sekwenza differenti taʼ kif ġraw l-​affarijiet. Din tgħid: “Raġel ieħor qabad lanza u nifidlu ġenbu, u ħareġ demm u ilma. Ġesù reġaʼ għajjat b’leħen għoli, u radd l-​ispirtu tiegħu.” Madankollu, is-​sentenza bil-​korsiv ma tidhirx fil-​manuskritti kollha tal-​Bibbja. Ħafna awtoritajiet jemmnu li din ġiet miżjuda iktar tard u ttieħdet mill-​Evanġelju taʼ Ġwanni imma tqiegħdet f’post ħażin. B’hekk, ħafna traduzzjonijiet jagħmlu din is-​sentenza fil-​parentesi, joffru nota taʼ taħt bi spjegazzjoni, jew sempliċement ma jinkludux is-​sentenza.

L-​edizzjoni tat-​test Grieg miġbur minn Westcott u Hort, li ntuża ħafna bħala l-​bażi għat-​Traduzzjoni tad-​Dinja lĠdida, tagħmel is-​sentenza f’parentesijiet doppji. Din tikkummenta li s-​sentenza x’aktarx li daħħluha l-​iskribi.

Għalhekk, l-​evidenza kbira li hemm tindika li Ġwanni 19:​33, 34 huwa bbażat fuq fatti u li Ġesù kien diġà mejjet meta s-​suldat Ruman nifdu bil-​lanza.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 8]

IL-​QAWWA TAL-​KELMA T’ALLA

Bħala adoloxxenti u vittma taʼ familja mifruda, Detlef bil-​mod il-​mod beda jinvolvi ruħu fid-​drogi, l-​alkoħol, u l-​heavy metal.b Hu sar parti minn grupp li jissejjaħ skinhead, u l-​imġiba vjolenti tiegħu ma damitx ma ġabitu fl-​inkwiet mal-​pulizija.

Fl-​1992, 60 membru taʼ dan il-​grupp kienu involuti fi ġlieda kbira maʼ xi 35 membru taʼ grupp ieħor taʼ żgħażagħ pank f’restorant u bar fil-​grigal tal-​Ġermanja. Membru minn taʼ l-​aħħar grupp, Thomas, tant ngħata xebgħa kbira li miet bil-​ġrieħi li sofra. Għadd mix-​xewwiexa ewlenin, inkluż Detlef, intbagħtu l-​ħabs wara proċess li kien segwit sew mill-​mezzi tax-​xandir prinċipali.

Ftit wara li nħeles mill-​ħabs, Detlef ngħata fuljett mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Il-​fuljett kien jismu “Għala Hija l-​Ħajja Daqshekk Mimlija Problemi?” Detlef mill-​ewwel għaraf li kien fih il-​verità, u beda jistudja l-​Bibbja max-​Xhieda. Dan biddillu ħajtu kompletament. Fl-​1996 sar Xhud żeluż taʼ Ġeħova.

Siegfried, li qabel kien membru taʼ grupp pank, kien ħabib kbir taʼ Thomas, iż-​żagħżugħ li nqatel; hu wkoll iktar tard sar Xhud u issa huwa anzjan f’kongregazzjoni. Meta Siegfried żar il-​kongregazzjoni taʼ Detlef biex jagħti taħdita Biblika (kumbinazzjoni, omm Thomas ukoll tattendi l-​laqgħat hemmhekk minn żmien għal żmien), Detlef stiednu għall-​ikel. Xi għaxar snin ilu, kien ikun diffiċli għalihom biex jikkontrollaw il-​mibegħda tagħhom. Illum, l-​imħabba taʼ l-​aħwa li għandhom lejn xulxin tidher ċara.

Detlef u Siegfried iħarsu ’l quddiem biex jilqgħu lura lil Thomas għall-​ħajja f’ġenna taʼ l-​art. Detlef jgħid: “Il-​ħsieb biss dwar dan ukoll ibikkini. Jiddispjaċini ħafna għal dak li għamilt.” It-​tnejn li huma jixtiequ li bħalma jgħinu lil oħrajn illum, imbagħad jgħinu wkoll lil Thomas isir jaf lil Ġeħova u jifraħ bit-​tama li tagħti l-​Bibbja.

Iva, daqshekk hi qawwija l-​Kelma t’Alla!

[Nota taʼ taħt]

b L-​ismijiet ġew mibdulin.

[Stampa f’paġna 6]

Il-​ġisem uman hu ħolqien taʼ l-​għaġeb

[Sors]

Anatomy Improved and Illustrated, London, 1723, Bernardino Genga

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja