Għala L-Mirakli Waħedhom Ma Jibnux Il-Fidi
JEKK ma narax ma nemminx. Ħafna hekk jirraġunaw. Xi wħud jgħidu li huma kieku jemmnu f’Alla jekk jirrivela lilu nnifsu b’xi mod mirakoluż. Forsi hekk hu, imma kien twemmin bħal dan se jwassal għal fidi ġenwina?
Ikkunsidra lill-Israeliti Kora, Datan, u Abiram. Il-Bibbja turi li dawn raw b’għajnejhom stess dawn il-mirakli t’Alla li jqanqlu l-biżaʼ: l-għaxar kastigi fuq l-Eġittu, il-ħarba tal-ġens taʼ Israel mill-Baħar l-Aħmar, u l-qerda tal-Farawni Eġizzjan u l-forza militari tiegħu. (Eżodu 7:19–11:10; 12:29-32; Salm 136:15) Kora, Datan, u Abiram semgħu wkoll lil Jehovah jitkellem mis-sema ħdejn il-Muntanja Sinaj. (Dewteronomju 4:11, 12) Madankollu, ftit żmien biss wara li seħħew dawn il-mirakli, dawn it-tlett irġiel xewxu ribelljoni kontra Jehovah u l-qaddejja midlukin tiegħu.—Numri 16:1-35; Salm 106:16-18.
Madwar 40 sena wara, profeta jismu Balgħam ukoll ra miraklu jseħħ. Saħansitra intervent anġeliku ma żammux milli jingħaqad maʼ l-għedewwa t’Alla, il-Moabiti. Minkejja dak il-miraklu, Balgħam għamel taʼ rasu u ħa waqfa kontra Alla Jehovah u l-poplu Tiegħu. (Numri 22:1-35; 2 Pietru 2:15, 16) In-nuqqas taʼ fidi taʼ Balgħam, madankollu, m’hu xejn meta mqabbel maʼ dak taʼ Ġuda l-Iskarjota. Minkejja li kien kumpann qrib taʼ Ġesù u ra b’għajnejh varjetà straordinarja taʼ mirakli, Ġuda ttradixxa lil Kristu għal tletin biċċa tal-fidda.—Mattew 26:14-16, 47-50; 27:3-5.
Il-mexxejja reliġjużi Lhud ukoll kienu jafu bil-ħafna mirakli taʼ Ġesù. Wara li rxoxta lil Lażżru, huma saħansitra ammettew: “Dan il-bniedem qiegħed jagħmel ħafna sinjali.” Imma d-dehra taʼ Lażżru li issa kien ħaj, rattbitilhom qalbhom u tathom il-fidi? Dażgur li le. Minflok, huma kkonfoffaw biex joqtlu kemm lil Ġesù u kemm lil Lażżru!—Ġwann 11:47-53; 12:10.
Saħansitra intervent dirett minn Alla naqas milli jipproduċi fidi f’dawk l-irġiel mill-agħar. Waqt li Ġesù kien qiegħed fil-limiti tat-tempju f’okkażjoni waħda, hu talab b’leħen għoli: “Missier, agħti glorja lil ismek.” Jehovah wieġeb b’leħen mis-sema: “Jiena diġà gglorifikajtu, u nerġaʼ nigglorifikah.” Madankollu, din il-ġrajja mirakoluża ma pproduċietx fidi fil-qlub taʼ dawk preżenti. Tgħid il-Bibbja: “Hu kien għamel ħafna sinjali quddiemhom, u madankollu baqgħu ma emmnux fih.”—Ġwann 12:28-30, 37; qabbel Efesin 3:17.
Għala L-Mirakli Ma Bnewx Il-Fidi
Kif jistaʼ nuqqas taʼ fidi bħal dan jeżisti minkejja tant mirakli? Il-fatt li Ġesù ġie miċħud mill-mexxejja reliġjużi Lhud donnu li ma tantx jagħmel sens meta tikkunsidra li f’dak l-istess żmien li beda l-ministeru tiegħu, il-Lhud inġenerali kienu ‘qegħdin jistennew ħerqanin’ il-Kristu, jew “[i]l-Messija.” (Luqa 3:15) Madankollu, il-problema kienet dwar f’hiex kienu jikkonsistu dawk l-istennijiet. Il-lessikografu W. E. Vine jikkwota studjuż magħruf sew tal-Bibbja bħala li qal li l-Lhud kienu ossessjonati bl-idea taʼ Messija li kellu jagħtihom “trijonf fi żmienhom” u “prosperità materjali.” Għalhekk, ma kinux ippreparati għal Ġesù taʼ Nazzaret, li kien umli u li ma kellu x’jaqsam xejn mal-politika, u li tfaċċa fosthom bħala l-Messija veru fis-sena 29 E.K. Il-mexxejja reliġjużi kienu jibżgħu wkoll li t-tagħlim taʼ Ġesù kien se jfixkel is-sitwazzjoni eżistenti u jipperikola l-pożizzjonijiet prominenti tagħhom. (Ġwann 11:48) L-ideat li kienu diġà fformaw u l-egoiżmu tagħhom għamewhom għat-tifsira tal-mirakli taʼ Ġesù.
Mexxejja reliġjużi Lhud u oħrajn iżjed tard ċaħdu l-evidenza mirakoluża li s-segwaċi taʼ Ġesù gawdew favur divin. Per eżempju, meta l-appostli tiegħu fejqu raġel zopp mit-twelid, membri inkorlati tal-qorti għolja Lhudija staqsew: “‘X’se nagħmlu bihom dawn in-nies’ . . . ‘għax in-nies kollha taʼ Ġerusalemm jafu li dan il-miraklu sar permezz tagħhom: u dan aħna ma nistgħux niċħduh. Imma, biex dan ma jixteridx aktar fost il-poplu, ejjew nhedduhom biex ma jsemmu dan l-isem maʼ ħadd iżjed.’” (Atti 3:1-8; 4:13-17) B’mod ċar, dan il-miraklu meraviljuż ma kienx bena jew ipproduċa fidi fil-qlub taʼ dawk l-irġiel.
L-ambizzjoni, il-kburija, u r-regħba huma fatturi li qanqlu lil ħafna biex iwebbsu qalbhom. Dan jidher li kien il-każ taʼ Kora, Datan, u Abiram, li ssemmew fil-bidu. L-għira, il-biżaʼ, u għadd kbir t’attitudnijiet oħrajn li jweġġgħu fixklu lil oħrajn. Aħna mfakkrin, ukoll, dwar l-anġli diżubbidjenti, id-demonji, li darba kellhom il-privileġġ li jħarsu lejn l-istess wiċċ t’Alla. (Mattew 18:10) Huma ma jiddubitawx l-eżistenza t’Alla. Tabilħaqq, “dan ix-xjaten ukoll jemmnuh, u jitriegħdu.” (Ġakbu 2:19) Madankollu, huma m’għandhom ebda fidi f’Alla.
It-Tifsir Tal-Fidi Vera
Il-fidi hija iżjed minn sempliċi twemmin. Hija wkoll iżjed minn reazzjoni emozzjonali momentarja għal xi miraklu. Jgħid Lhud 11:1: “Il-fidi hija pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx.” Individwu li għandu l-fidi jkun konvint f’qalbu li dak kollu li Alla Jehovah iwiegħed huwa daqs li kieku diġà seħħ. Iktar minn hekk, l-evidenza li ma tistax tiċħadha taʼ realtajiet li ma jidhrux, hija tant potenti, li l-fidi nfisha tintqal li hija ekwivalenti għal dik l-evidenza. Iva, il-fidi hija bbażata fuq l-evidenza. U fiż-żmien l-imgħoddi, il-mirakli kellhom irwol fl-iżvilupp tal-fidi jew fil-bini tagħha. Is-sinjali mwettqin minn Ġesù servew biex jikkonvinċu lil oħrajn li hu kien il-Messija mwiegħed. (Mattew 8:16, 17; Lhud 2:2-4) B’mod simili, għotjiet bħal dawn taʼ l-ispirtu qaddis, jew il-forza attiva, t’Alla bħalma huma l-fejqan mirakoluż u li wieħed jitkellem bl-ilsna, taw prova li l-Lhud ma kellhomx iżjed il-favur taʼ Jehovah imma li l-approvazzjoni tiegħu issa kienet qiegħda fuq il-kongregazzjoni Kristjana, stabbilita minn Ibnu, Ġesù Kristu.—1 Korintin 12:7-11.
Fost l-għotjiet mirakolużi taʼ l-ispirtu kien hemm l-abbiltà taʼ l-ipprofetizzar. Meta wħud mhux kredenti osservaw dan il-miraklu, xi wħud ġew imqanqlin biex iqimu lil Jehovah, billi ddikjaraw: “Tassew li Alla f’nofskom!” (1 Korintin 14:22-25) Madankollu, ma kinitx l-intenzjoni t’Alla Jehovah li l-mirakli jkunu karatteristiċi permanenti tal-qima Kristjana. Fi qbil maʼ dan, l-appostlu Pawlu kiteb: “Jgħibu l-profeziji, jisktu l-ilsna.” (1 Korintin 13:8) Evidentement dawn l-għotjiet waqfu mal-mewt taʼ l-appostli u taʼ dawk li rċevew għotjiet bħal dawn permezz tagħhom.
Kellhom in-nies allura jitħallew mingħajr bażi għall-fidi? Le, għaliex Pawlu qal: “[Alla] ma naqasx li jagħti xhieda fuqu nnifsu bil-ġid li jagħmlilkom, meta jagħtikom ix-xita mis-sema u l-frott fi żmienu, u hekk ixebbagħkom bl-ikel u jimlielkom qalbkom bl-hena.” (Atti 14:17) Tabilħaqq, uħud b’qalb onesta li lesti li jiftħu mħuħhom u qlubhom għall-evidenza li hawn madwarna, “[i]s-setgħa tiegħu [t’Alla Jehovah] taʼ dejjem, u d-divinità tiegħu, . . . setgħu jagħrfuh sa mill-ħolqien tad-dinja, permezz tal-ħlejjaq, u għalhekk [dawk li jiċħdu lil Alla] ma għandhom ebda skuża.”—Rumani 1:20.
Iżjed minn twemmin fl-eżistenza t’Alla huwa meħtieġ. Pawlu ħeġġeġ: “Timxux max-xejra taʼ din id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid taʼ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda taʼ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.” (Rumani 12:2) Dan jistaʼ jsir billi nistudjaw l-Iskrittura b’mod diliġenti bil-għajnuna taʼ pubblikazzjonijiet Kristjani, bħalma hija din ir-rivista. Fidi bbażata fuq għarfien eżatt tal-Kelma t’Alla, il-Bibbja, m’hijiex dgħajfa jew superfiċjali. Dawk li għarfu x’inhi r-rieda t’Alla u qegħdin iwettquha bil-fidi qegħdin jagħtu servizz sagru lil Alla.—Rumani 12:1.
Nemmnu Għalkemm Ma Narawx
L-appostlu Tumas kellu diffikultà f’li jeżerċita fidi fl-irxoxt taʼ Ġesù mill-imwiet. “Jekk ma narax f’idejh il-marka taʼ l-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka taʼ l-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx,” iddikjara Tumas. Meta iżjed tard Ġesù immaterjalizza ġisem li wera l-ġrieħi tat-tismir tiegħu maʼ zokk, Tumas wieġeb b’mod favorevoli għal dan il-miraklu. Madankollu, Ġesù qal: “Henjin dawk li ma rawx u emmnu.”—Ġwann 20:25-29.
Illum, miljuni taʼ Xhieda taʼ Jehovah qegħdin ‘jgħixu bil-fidi u mhux bil-viżjoni.’ (2 Korintin 5:7) Għalkemm ma rawx il-mirakli ddokumentati fil-Bibbja, huma jemmnu b’mod sod li dawn seħħew. Ix-Xhieda jeżerċitaw fidi f’Alla u fil-Kelma tiegħu. Bil-għajnuna taʼ l-ispirtu tiegħu, huma kapaċi jifhmu t-tagħlim tal-Bibbja u t-tema predominanti tagħha—l-ivvindikar tas-sovranità t’Alla Jehovah permezz tas-Saltna tas-sema tiegħu. (Mattew 6:9, 10; 2 Timotju 3:16, 17) B’benefiċċju kbir għalihom infushom, dawn il-Kristjani ġenwini japplikaw il-parir għaqli tal-Bibbja f’ħajjithom. (Salm 119:105; Isaija 48:17, 18) Huma jaċċettaw il-prova li ma tistax tiċħadha li l-profeziji tal-Bibbja jidentifikaw lil żmienna bħala “l-aħħar tad-dinja,” u għandhom fidi li d-dinja ġdida mwiegħda minn Alla hija qrib ħafna. (2 Timotju 3:1-5; Mattew 24:3-14; 2 Pietru 3:13) Għalihom huwa sors taʼ ferħ li jaqsmu l-għarfien dwar Alla m’oħrajn. (Proverbji 2:1-5) Huma jafu li huwa biss permezz taʼ l-istudju taʼ l-Iskrittura li dawk li qegħdin ifittxu lil Alla jistgħu verament isibuh.—Atti 17:26, 27.
Għadek tiftakru lil Albert, li ssemma fl-artiklu taʼ qabel dan? Ftit ġranet wara li għamel it-talba tiegħu għal miraklu u li ma kinitx ġiet mismugħa, żaritu waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah, mara anzjana li ħallietlu xi letteratura bbażata fuq il-Bibbja. Albert minn dak in-nhar aċċetta studju tal-Bibbja b’xejn fid-dar. Hekk kif sar iżjed familjari mal-messaġġ tal-Bibbja, id-diżappunt tiegħu inbidel f’eċċitament. Beda jirrealizza li kien sab lil Alla wara kollox.
L-Iskrittura tħeġġeġ: “Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh, sejjħulu sakemm hu fil-qrib!” (Isaija 55:6) Int tistaʼ tagħmlu dan, mhux billi tistenna xi miraklu taż-żmien modern mingħand Alla, imma billi takkwista għarfien eżatt tal-Kelma tiegħu. Din hija neċessità, għaliex il-mirakli waħedhom ma jibnux il-fidi. (w97 3/15)
[Stampa f’paġna 5]
Saħansitra l-irxoxt mirakoluż taʼ Lażżru ma qanqalx lill-għedewwa taʼ Ġesù biex jeżerċitaw fidi
[Stampi f’paġna 7]
Il-fidi hija bbażata fuq l-għarfien eżatt tal-Bibbja