Bijografija
Edukazzjoni Għal Ħajti Kollha
KIF RAKKONTATA MINN HAROLD GLUYAS
Għadni nġib quddiem għajnejja xena minn tfuliti li ilha stampata f’moħħi iktar minn 70 sena. Kont bil-qiegħda fil-kċina t’ommi, inħares lejn tikketta li kellha l-isem “Ceylon Tea.”
It-tikketta kellha wkoll stampa taʼ xi nisa qegħdin jaqtgħu l-weraq tat-te fl-għelieqi ħodor u fertili tas-Ceylon (issa Sri Lanka). Din ix-xena, tant ’il bogħod min-nixfa li konna ngħixu fiha fis-South Australia, qanqlitli l-immaġinazzjoni tiegħi. Min jaf x’pajjiż sabiħ u eċċitanti hu s-Ceylon! Fejn qatt bsart li kont se nqattaʼ 45 sena minn ħajti naqdi bħala missjunarju fuq din il-gżira mill-isbaħ?
JIEN twilidt f’April taʼ l-1922, f’dinja ferm differenti minn dik taʼ llum. Il-familja tiegħi kienet tkabbar il-qamħ f’post iżolat viċin Kimba, raħal maqtugħ għalih waħdu f’nofs il-kontinent vast Awstraljan u fin-naħa t’isfel tad-deżert il-kbir, f’parti magħrufa bħala l-buxx. Ħajjitna kienet mimlija perikli, b’battalji kontinwi man-nixfa, l-invażjonijiet mill-insetti, u s-sħana li taqtagħlek nifsek. Konna sitt itfal, u ommi kienet taħdem iebes biex tieħu ħsieb kemm tagħna kif ukoll taʼ missieri fid-daqsxejn taʼ dar li kellna fil-buxx, li ma kinitx għajr gabuba magħmula mill-pjanċi tal-landa.
Iżda għalija, ix-xagħri kien post taʼ libertà u eċċitament. Niftakar kif kont nibqaʼ ċċassat u mbellah, taʼ tifel li kont, meta kont nara gruppi taʼ gniedes b’saħħithom inaddfu x-xagħri mill-ħaxix salvaġġ li kien jitlaʼ, jew it-tempesti tat-trab kaġunati mir-riħ qawwi jiksu l-kampanja kollha. Għalhekk, l-edukazzjoni tiegħi dwar il-ħajja fil-fatt kienet bdiet ferm qabel ma bdejt nattendi l-iskola żgħira b’għalliema waħda madwar ħames kilometri ’l bogħod mid-dar.
Il-ġenituri tiegħi kienu reliġjużi, għalkemm qatt ma kienu jmorru l-knisja—l-iktar minħabba d-distanza li kellna mid-dar għar-raħal. Minkejja dan, kmieni fis-snin 30, ommi bdiet tismaʼ t-taħditiet ibbażati fuq il-Bibbja li kien jagħti l-Imħallef Rutherford u li kienu jixxandru kull ġimgħa minn stazzjon tar-radju f’Adelaide. Għalija, l-Imħallef Rutherford ma kien ħadd ħlief wieħed li jippriedka f’Adelaide, u ma tantx kont interessat. Imma ommi taʼ kull ġimgħa kienet tistenna ħerqana x-xandiriet taʼ Rutherford u kienet toqgħod attenta biex ma titlifx kelma minħabba t-textix tar-radju antik tagħna li kien jaħdem bil-batterija.
Darba waħda wara nofsinhar, f’ġurnata sħuna u kollha trab, waqaf trakk qadim quddiem id-dar tagħna u minnu niżlu żewġt irġiel lebsin pulit. Kienu Xhieda taʼ Jehovah. Ommi qagħdet tismaʼ l-messaġġ tagħhom u tathom xi ħaġa tal-flus għall-għadd ġmielu taʼ kotba li tawha, u lanqas laħqu telqu li ma qabditx taqrahom. Dawn il-kotba tant għamlu impatt qawwi fuqha li fi żmien qasir talbet lil missieri jwassalha għand il-ġirien sabiex tgħidilhom dwar dak li kienet qed titgħallem.
Il-Benefiċċju taʼ Influwenzi Pożittivi
Ftit biss wara dan, l-ambjent aħrax tax-xagħri ġagħalna nitilqu minn hemmhekk u mmorru noqogħdu fil-belt t’Adelaide, 500 kilometru ’l bogħod. Il-familja tagħna bdiet tassoċja mal-Kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah f’Adelaide u bdiet miexja ’l quddiem spiritwalment. Minħabba l-bidla li għamilna ma stajtx inkompli bl-edukazzjoni tiegħi. Spiċċajt l-iskola wara s-sebaʼ sena meta kelli biss 13-il sena. Kelli karattru passiv, ħaġa li setgħet begħditni faċilment mill-miri spiritwali li kieku ma kienx għall-għajnuna li tawni diversi aħwa mill-aħjar—pijunieri, jew ministri full-time—li ħadu interess persunali fija.
Maż-żmien, l-influwenza taʼ dawn l-aħwa żelużi kebbset fija l-ħeġġa għall-affarijiet spiritwali. Kont inħobb nagħmilha magħhom u kont nammirahom għax-xogħol iebes li kienu jagħmlu. Għalhekk, meta fil-konvenzjoni li saret f’Adelaide fl-1940 sar avviż biex jinkuraġġixxi s-servizz full-time, lanqas ridt nemmen li tajt ismi. Ma kontx għadni tgħammidt dak iż-żmien u ftit li xejn kelli esperjenza fl-għoti taʼ xiehda. Madankollu, ftit ġranet wara, ġejt mistieden biex ningħaqad maʼ grupp żgħir taʼ pijunieri f’Warrnambool, raħal fl-istat taʼ Victoria, mijiet taʼ kilometri ’l bogħod minn Adelaide.
Minkejja dan il-bidu inċert, malajr żviluppajt imħabba għall-ministeru taʼ l-għalqa, imħabba li b’ferħ nistaʼ ngħid li qatt ma battiet matul is-snin. Fil-fatt, dan kien il-mument li bidilli ħajti, u bdejt nagħmel progress spiritwali taʼ veru. Tgħallimt kemm jiswa li jkollok bħala ħbieb tal-qalb lil dawk li għandhom imħabba għall-affarijiet spiritwali. Rajt kif l-influwenza eċċellenti tagħhom tistaʼ tgħinna noħorġu l-iktar lat sabiħ tal-karattru tagħna, ikun xi jkun il-livell t’edukazzjoni tagħna, u kif dak li nitgħallmu jistaʼ jkun taʼ benefiċċju tul ħajjitna kollha.
Imsaħħaħ Permezz tal-Provi
Ma kontx ilni wisq naqdi bħala pijunier meta xxogħol tax-Xhieda taʼ Jehovah fl-Awstralja ġie projbit. Peress li ma kontx ċert xi rrid nagħmel, tlabt laħwa jiggwidawni u dawn urewni li ma kien hemm l-ebda projbizzjoni fuq li titkellem man-nies dwar il-Bibbja. Għalhekk, flimkien mal-pijunieri l-oħra, bdejt immur minn dar għal dar b’messaġġ sempliċi minn fuq il-Bibbja. Dan saħħaħni għall-provi li kienu lesti għalija.
Erbaʼ xhur wara, għalaqt 18-il sena u sejħuli biex nirrapporta għas-servizz militari. Dan tani l-opportunità biex niddefendi l-fidi tiegħi quddiem diversi uffiċjali militari u maġistrat. Dak iż-żmien, kien hemm xi 20 ħu fil-ħabs t’Adelaide minħabba l-waqfa newtrali tagħhom, u ma domtx ma ngħaqadt magħhom. Kellna nagħmlu xogħol iebes, naqtgħu l-ġebel u nsewwu t-toroq. Dan għenni niżviluppa kwalitajiet bħas-sabar u d-determinazzjoni. Bl-imġiba tajba u l-waqfa soda tagħna eventwalment irbaħna r-rispett taʼ ħafna mill-gwardjani tal-ħabs.
Meta ġejt meħlus xi xhur wara, ħadt pjaċir li stajt niekol ikla tajba mill-ġdid u rġajt bdejt ix-xogħol taʼ pijunier. Madankollu, ma kienx faċli li ssib pijunier ieħor maʼ min taħdem, u għalhekk intlabt biex immur naħdem waħdi f’żona agrikola mwarrba fis-South Australia. Jien aċċettajt u tlaqt bil-vapur lejn Yorke Peninsula. Miegħi ħadt biss l-affarijiet li kelli bżonn biex nagħti xiehda, u rota. Meta wasalt, familja li kellha interess fil-verità ħaditni f’lukanda żgħira fejn mara qalbha tajba ttrattatni daqslikieku kont binha. Matul il-ġurnata, kont insuq ir-rota f’toroq mimlijin trab u nippriedka fl-irħula żgħar imferrxin ’l hawn u ’l hinn mal-peniżola. Sabiex naħdem it-territorji mwarrbin, kultant kont ngħaddi l-lejl f’xi lukanda żgħira. B’dan il-mod, ivvjaġġajt mijiet taʼ kilometri bir-rota u kelli ħafna esperjenzi sbieħ. Qatt ma ħabbilt rasi żżejjed għax kont inkun waħdi fis-servizz, u hekk kif rajt il-mod kif Jehovah ħa ħsiebi, ersaqt eqreb lejh.
Kif Kampajt Meta Ma Ħassejtnix Kapaċi Biżżejjed
Fl-1946 irċivejt ittra li fiha ġejt mistieden biex nibda x-xogħol taʼ l-ivvjaġġar bħala qaddej taʼ l-aħwa (issa msejjaħ indokratur tas-circuit). Dan l-inkarigu kien jinvolvi li nżur numru taʼ kongregazzjonijiet fis-circuit assenjat lili. Irrid nammetti li r-responsabbiltajiet marbutin maʼ dan l-inkarigu kienu taʼ sfida. Jum wieħed smajt lil wieħed ħu jgħid, “Harold ma tantx hu kelliemi tajjeb, imma jinqalaʼ ħafna biex jippriedka.” Dan il-kumment inkuraġġieni ħafna. Kont naf tajjeb x’inhuma l-limitazzjonijiet tiegħi bħala kelliemi u organizzatur, imma kont nemmen li x-xogħol ewlieni tal-Kristjani hu x-xogħol taʼ l-ippridkar.
Fl-1947 kien hemm eċċitament kbir minħabba li kienu se jżuruna Ħutna Nathan Knorr u Milton Henschel mill-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah fi Brooklyn. Din kienet l-ewwel darba li ġie jżurna xi ħadd mill-kwartieri ġenerali wara ż-żjara taʼ Ħuna Rutherford fl-1938. F’konnessjoni maʼ din iż-żjara saret konvenzjoni kbira f’Sydney. Bħal ħafna pijunieri żgħażagħ oħra, kont interessat fit-taħriġ missjunarju li kien qed jingħata fl-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) li kienet għadha kemm infetħet f’South Lansing, New York, fl-Istati Uniti taʼ l-Amerika. Għadd minna fl-udjenza xtaqna nkunu nafu jekk biex nidħlu fl-iskola riedx ikollna ċertu livell t’edukazzjoni. Iżda Ħuna Knorr spjega li jekk konna kapaċi naqraw artiklu fit-Torri taʼ l-Għassa u niftakru l-punti prinċipali, kellna mmorru tajjeb f’Gilgħad.
Jien ħassejt li minħabba l-edukazzjoni limitata tiegħi ma kellix ċans. B’sorpriża għalija, ftit tax-xhur wara ġejt mistieden biex napplika għat-taħriġ f’Gilgħad. Imbagħad ġejt aċċettat bħala student, u b’hekk attendejt is-16-il klassi li saret fl-1950. Kienet tassew esperjenza mill-aqwa li qawwietli l-fiduċja fija nnifsi. Urietni li l-fattur ewlieni għas-suċċess ma kienx kemm wieħed kien tajjeb fl-iskola. Minflok, il-ħtiġijiet primarji kienu l-bżulija u l-ubbidjenza. L-għalliema tagħna ħeġġewna biex nagħmlu l-aħjar tagħna. Hekk kif imxejt fuq il-parir tagħhom, għamilt progress mgħaġġel u stajt insegwi tajjeb il-kors taʼ tagħlim.
Minn Kontinent Xott għal Gżira Qisha Ġawhra
Wara l-gradwazzjoni, jien u żewġ aħwa oħra mill-Awstralja, intbgħatna s-Ceylon (issa Sri Lanka). Wasalna fil-belt kapitali, Colombo, f’Settembru taʼ l-1951. Kienet ġurnata sħuna u umduża, u mill-ewwel laqgħetna taħlita taʼ xeni, ħsejjes, u rwejjaħ differenti u ġodda. Hekk kif inżilna minn fuq il-vapur, wieħed mill-missjunarji li kienu diġà qed jaqdu f’dak il-pajjiż laqagħni b’fuljett li kien qed jirreklama t-taħdita pubblika li kienet se tingħata l-Ħadd taʼ wara fil-pjazza tal-belt. B’sorpriża għalija, ismi kien fuq il-fuljett—bħala l-kelliemi! Tistaʼ timmaġina xi tferfir qabadni. Imma s-snin li kont għamilt naqdi bħal pijunier fl-Awstralja kienu għallmuni naċċetta kwalunkwe inkarigu li ningħata. Għalhekk, bl-għajnuna taʼ Jehovah, irnexxieli nagħti t-taħdita pubblika b’suċċess. Dak iż-żmien, l-aħwa l-oħra li kienu diġà joqogħdu fid-dar missjunarja f’Colombo kienu erbat irġiel mhux miżżewġin. Flimkien magħhom, aħna t-tlieta bdejna nitgħallmu l-lingwa diffiċli tas-Sinhala u nieħdu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa. Fil-biċċa l-kbira, konna naħdmu waħedna, u konna ferħanin li n-nies tal-post urewna rispett u ospitalità. In-numru taʼ l-attendenza għal-laqgħat ma damx ma beda jikber.
Hekk kif beda jgerbeb iż-żmien, bdejt naħseb bis-serjetà dwar Sybil, pijuniera attraenti li kont iltqajt magħha meta kont qed nivvjaġġa bil-vapur biex immur l-Iskola taʼ Gilgħad. Hi kienet sejra New York għall-konvenzjoni internazzjonali. Iktar tard, attendiet il-21 klassi taʼ Gilgħad u ntbagħtet Hong Kong fl-1953. Iddeċidejt li niktbilha, u bqajna niktbu lil xulxin sa l-1955 meta Sybil ngħaqdet miegħi fis-Ceylon fejn iżżewwiġna.
L-ewwel inkarigu tagħna flimkien bħala koppja missjunarja kien f’Jaffna, belt imbiegħda fit-tramuntana taʼ Sri Lanka. F’nofs is-snin 50, id-differenzi politiċi bdew joħolqu firda bejn il-komunitajiet tas-Sinhala u t-Tamil, u jifformaw il-bażi għall-ġlied bl-armi li seħħ snin wara. Kemm kien imisslek qalbek li tara x-Xhieda Sinhala u Tamil jipproteġu lil xulxin, kultant għal xhur sħaħ, matul dawk is-snin diffiċli! Dawk il-provi rfinaw u saħħew il-fidi taʼ l-aħwa.
Nippridkaw u Ngħallmu fi Sri Lanka
Sabiex naddattaw ruħna għall-komunitajiet Ħindu u Musulmani kellna bżonn il-paċenzja u l-perseveranza. Madankollu, sirna napprezzaw iż-żewġ kulturi u l-kwalitajiet ħelwin tagħhom. Peress li ma kinitx ħaġa normali li tara l-barranin jivvjaġġaw bil-karozzi tal-linja lokali, in-nies spiss kienu jiċċassaw lejna x’ħin jarawna. Sybil iddeċidiet li tirreaġixxi bi tbissima kbira. Kemm konna nifirħu meta konna naraw dawk l-uċuħ kurjużi jitbissmulna lura bil-ħlewwa!
Darba waħda waqt li konna qed nivvjaġġaw bdew iwaqqfu l-karozzi. Meta waqqfu lilna, il-gwardjan li kien għassa staqsiena minfejn konna u fejn konna sejrin. Imbagħad il-mistoqsijiet tiegħu saru iżjed persunali.
“Din il-mara min hi?”
“Il-mara tiegħi,” weġibtu.
“Kemm ilkom miżżewġin?”
“Tmien snin.”
“Għandkom tfal?”
“Le.”
“X’waħda din! Kellimtu tabib?”
Għall-ewwel din il-kurżità naturali ħasditna, imma maż-żmien bdejna nqisuha bħala mod kif in-nies tal-post kienu jesprimu l-interess persunali u ġenwin li kellhom f’ħaddieħor. Fil-fatt, din kienet waħda mill-kwalitajiet li l-iktar ġibduna lejhom. Persuna lanqas tilħaq tqattaʼ biss ftit minuti wieqfa f’post pubbliku li xi ħadd ma jmurx fuqha biex jistaqsiha b’qalb tajba jekk għandhiex bżonn xi ħaġa.
Nirrifletti dwar il-Bidliet
Matul is-snin, kellna l-pjaċir naqdu f’diversi inkarigi oħra apparti x-xogħol missjunarju tagħna fi Sri Lanka. Jien ġejt inkarigat biex naqdi fix-xogħol tas-circuit u tad-distrett u bħala membru tal-Kumitat tal-Fergħa. Sa l-1996, kont qbiżt is-70 sena. B’ferħ, stajt inħares lura lejn 45 sena taʼ servizz missjunarju fi Sri Lanka. Għall-ewwel laqgħa li attendejt f’Colombo, kien hemm madwar 20 ruħ preżenti. Dak in-numru issa telaʼ għal iktar minn 3,500! Jien u Sybil konna nqisu ħafna minn dawn l-uħud għeżież bħala l-ulied u n-neputijiet spiritwali tagħna. Minkejja dan, xorta kien għad hemm ħafna xogħol xi jsir f’dan il-pajjiż—xogħol li kien jeħtieġ l-enerġija u l-abbiltajiet taʼ dawk iżgħar minna. B’dan f’moħħna, aċċettajna l-istedina tal-Ġemgħa li Tiggverna biex nerġgħu lura l-Awstralja. It-tluq tagħna għamilha possibbli għal koppji iżgħar u kwalifikati biex imorru Sri Lanka bħala missjunarji minflokna.
Issa għalaqt 82 sena, u kemm jien u kemm Sybil ferħanin li għadna f’saħħitna biżżejjed biex inkomplu naqdu bħala pijunieri speċjali f’Adelaide fejn trabbejt. Il-ministeru tagħna jgħinna naġġustaw ruħna għaċ-ċirkustanzi u nżommu moħħna konċentrat. Għenna wkoll naġġustaw ruħna mill-ġdid għall-mod ferm differenti kif jgħixu f’dan il-pajjiż.
Jehovah kompla jieħu ħsieb il-bżonnijiet materjali tagħna kollha, u l-aħwa fil-kongregazzjoni tagħna jħobbuna u jagħtuna ħafna appoġġ. Dan l-aħħar irċivejt inkarigu ġdid. Se nibda naqdi bħala segretarju fil-kongregazzjoni tagħna. Għaldaqstant sibt li hekk kif nistinka biex naqdi lil Jehovah fedelment, it-taħriġ tiegħi jkompli sejjer. Meta nħares lura, nibqaʼ mgħaġġeb kif tifel taʼ karattru sempliċi u passiv imrobbi fil-buxx, setaʼ jirċievi edukazzjoni meraviljuża bħal din—li swiet għal ħajtu kollha.
[Stampa f’paġna 26]
Fil-ġurnata tat-tieġ tagħna, fl-1955
[Stampa f’paġna 27]
Fis-servizz taʼ l-għalqa maʼ Rajan Kadirgamar, wieħed mill-aħwa tal-post, fl-1957
[Stampa f’paġna 28]
Maʼ Sybil illum