Il-Kontradizzjonijiet taʼ Tertuljanu
‘HEMM xi xebh bejn il-Kristjan u l-filosfu? bejn wieħed li jgħawweġ il-verità, u wieħed li jsaħħaħha u jgħallimha? Liema qbil hemm bejn l-Akkademja u l-Knisja?’ Dawn il-mistoqsijiet taʼ sfida qajjimhom Tertuljanu, kittieb tat-tieni u t-tielet sekli E.K. Hu sar magħruf bħala “wieħed mill-iktar sorsi abbundanti taʼ l-istorja tal-Knisja u tad-duttrini li ġew mgħallma fi żmienu.” Kważi xejn ma qabiżlu mill-aspetti tal-ħajja reliġjuża.
Forsi Tertuljanu kien magħruf l-iktar għall-istqarrijiet paradossali, jew li jidhru kontradittorji, bħalma huma dawn: “Alla huwa speċjalment kbir, meta Hu żgħir.” “[Il-mewt taʼ l-Iben t’Alla] trid tiġi emmnuta, għax m’hijiex loġika.” “[Ġesù] ġie midfun, u qam mill-ġdid; il-fatt huwa ċert, għax huwa impossibbli.”
Hemm affarijiet oħra li huma kontradittorji dwar Tertuljanu minbarra l-istqarrijiet tiegħu. Għalkemm l-intenzjoni li kellu kienet li l-kitbiet tiegħu jiddefendu l-verità u jappoġġaw l-integrità tal-knisja u d-duttrini tagħha, hu fil-fatt għawweġ it-tagħlim veru. Il-kontribut prinċipali tiegħu lill-Kristjaneżmu rriżulta f’teorija li iktar tard xi kittieba bnew fuqha d-duttrina tat-Trinità. Biex inkunu nafu iżjed dwar kif ġara dan, ejja l-ewwel nagħtu ħarsa lejn Tertuljanu nnifsu.
“M’Hemmx Ċans li Jraqqdek”
Ftit li xejn nafu dwar il-ħajja taʼ Tertuljanu. Ħafna studjużi jaqblu li hu twieled madwar is-sena 106 E.K. f’Kartaġni, l-Afrika taʼ Fuq. Mid-dehra, kien jaf ħafna skola u kien midħla sew taʼ l-iskejjel prinċipali tal-filosofija taʼ żmienu. X’aktarx li dak li ġibdu lejn il-Kristjanità kien il-fatt kemm l-hekk imsejħa Kristjani kienu lesti li jmutu għall-fidi tagħhom. Rigward il-martirju tal-Kristjani, hu staqsa: “Għax min minn dawk li jaħseb dwar dan, ma jkunx ħerqan biex ikun jaf x’hemm iżjed? min, wara li jsir jaf, ma jħaddanx id-duttrini tagħna?”
Wara li kkonverta u sar Kristjan taʼ l-isem, Tertuljanu sar kittieb kreattiv li kellu ħabta jagħmel stqarrijiet fil-qosor u umoristiċi. “[Hu] kellu kapaċità li rari ssibha fost it-teoloġi,” josserva l-ktieb The Fathers of the Church. “M’hemmx ċans li jraqqdek.” Wieħed studjuż qal: “Tertuljanu [kien] iktar kapaċi jikteb sempliċi kliem milli jgħaqqad sentenzi u huwa ħafna iktar faċli li tifhem iċ-ċajt tiegħu milli l-argumenti. Forsi għalhekk jiġi kwotat daqshekk taʼ spiss imma fil-qosor.”
Jiddefendi l-Kristjanità
L-iktar ktieb famuż taʼ Tertuljanu hu Apology, u hu kunsidrat bħala wieħed mill-iktar difiżi letterarji effettivi taʼ l-hekk imsejħa Kristjanità. Dan inkiteb fi żmien meta l-Kristjani kienu taʼ spiss vittmi taʼ marmalji superstizzjużi. Tertuljanu beda jiddefendi lil dawn il-Kristjani u oġġezzjona dwar il-mod bla sens li kienu qed jittrattawhom. Hu qal: “[L-opponenti] jikkunsidraw lill-Kristjani bħala li huma l-kaġun taʼ kull inkwiet pubbliku u kull sfortuna tan-nies. . . . Jekk in-Nil ma tfurx sa l-għelieqi, jekk it-temp ma jinbidilx, jekk ikun hemm terremot, ġuħ, pesta—minnufih tinstemaʼ l-għajta: ‘Itfgħu lill-Kristjani f’ħalq l-iljun!’”
Għalkemm il-Kristjani taʼ spiss ġew akkużati b’nuqqas taʼ lealtà lejn l-Istat, Tertuljanu stinka biex juri li huma kienu fil-fatt l-iktar ċittadini taʼ min jafdahom fil-pajjiż. Wara li ġibed l-attenzjoni lejn id-diversi attentati li saru biex il-gvern jinġieb fix-xejn, hu fakkar lill-avversarji tiegħu li dawk li kkonfoffaw kienu fil-fatt il-pagani, mhux il-Kristjani. Tertuljanu wera biċ-ċar li meta l-Kristjani ngħataw il-mewt, kien l-Istat li sofra l-akbar telfa.
Kotba oħra taʼ Tertuljanu kellhom x’jaqsmu mal-ħajja Kristjana. Per eżempju, fil-kummentarju tiegħu On the Shows, Tertuljanu wissa kontra li wieħed ikun preżenti f’ċerti postijiet taʼ divertiment, logħob pagan, u avvenimenti teatrali. Mid-dehra, kien hemm persuni li kienu għadhom kemm ikkonvertew li ma bdew jaraw xejn ħażin f’li jiltaqgħu għall-istruzzjoni mill-Bibbja u mbagħad jattendu għal-logħob pagan. Biex jipprova jġibhom f’sensihom, Tertuljanu kiteb: ‘X’għarukaża li titlaq mill-knisja t’Alla għal dik tax-xitan—minn post qaddis għal wieħed moqżież.’ Hu qal: “Dak li tirrifjutaw bl-għemil, ma tistgħux taċċettawh bil-kliem.”
Jgħawweġ il-Verità Waqt li Jiddefendiha
Tertuljanu beda l-komponiment tiegħu bit-titlu Against Praxeas bil-kliem: “Kien b’diversi modi li x-xitan iġġieled kontra l-verità u rreżistieha. Xi drabi l-mira tiegħu kienet li jeqred il-verità billi jiddefendiha.” Ir-raġel bl-isem taʼ Praxeas f’dan il-komponiment m’huwiex magħruf sew, imma Tertuljanu sfida t-tagħlim tiegħu rigward Alla u Kristu. Hu ħaseb li Praxeas kien użat minn Satana biex jipprova jħassar bil-moħbi l-Kristjanità.
Dak iż-żmien kien hemm kwistjoni taħraq fost l-hekk imsejħa Kristjani rigward ir-relazzjoni bejn Alla u Kristu. Xi wħud fosthom, b’mod partikulari dawk taʼ sfond Grieg, sabuha diffiċli biex jaċċettaw li hemm Alla wieħed u fl-istess ħin jaċċettaw ukoll l-irwol taʼ Ġesù bħala s-Salvatur u l-Feddej. Praxeas ipprova jsolvi l-problema tagħhom billi għallem li Ġesù kien sempliċement turija differenti tal-Missier u li ma kien hemm l-ebda differenza bejn il-Missier u l-Iben. Din it-teorija, magħrufa bħala modaliżmu, tgħid li Alla rrivela lilu nnifsu “bħala l-Missier fil-Ħolqien u fl-għoti tal-Liġi, bħala l-Iben f’Ġesù Kristu, u bħala l-Ispirtu Qaddis wara li Kristu telaʼ s-sema.”
Tertuljanu wera li l-Iskrittura għamlet distinzjoni ċara bejn il-Missier u l-Iben. Wara li kkwota mill-1 Korintin 15:27, 28, hu rraġuna: “Dak li ssuġġetta (l-affarijiet kollha), u Dak li għalih ġew suġġettati—bilfors li jridu jkunu żewġ Esseri differenti.” Tertuljanu ġibed l-attenzjoni lejn il-kliem taʼ Ġesù stess: “Il-Missier hu akbar minni.” (Ġwann 14:28) Hekk kif uża siltiet mill-Iskrittura Ebrajka, bħal Salm 8:6 (8:5, NW), hu wera kif il-Bibbja tiddeskrivi l-“inferjorità” taʼ l-Iben. “B’hekk, il-Missier huwa distint mill-Iben, għax huwa akbar mill-Iben,” ikkonkluda Tertuljanu. ‘Għax Dak li nissel hu wieħed, u Dak li ġie mnissel hu ieħor; Dak, ukoll, li jibgħat hu wieħed, u Dak li huwa mibgħut hu ieħor; u Dak, għal darb’oħra, li ħalaq hu wieħed, u Dak li permezz tiegħu nħolqu l-affarijiet hu ieħor.’
Tertuljanu kien iqis lill-Iben bħala li hu taʼ inqas importanza mill-Missier. Madankollu, waqt li pprova jġib fix-xejn it-teorija tal-modaliżmu, hu mar “lil hinn mill-affarijiet li huma miktubin.” (1 Korintin 4:6, NW) Hekk kif Tertuljanu fittex b’mod żbaljat biex jagħti prova tad-divinità taʼ Ġesù permezz taʼ teorija oħra, hu vvinta l-formula “sustanza waħda fi tliet persuni.” Billi uża dan il-konċett, hu pprova juri li Alla, Ibnu, u l-ispirtu qaddis kienu tliet persuni distinti li jeżistu f’sustanza waħda divina. B’hekk, Tertuljanu kien l-ewwel wieħed li applika l-forma Latina tal-kelma “trinità” għall-Missier, l-Iben, u l-ispirtu qaddis.
Oqgħod Attent mill-Filosofija tad-Dinja
Tertuljanu kif kien kapaċi jivvinta t-teorija taʼ “sustanza waħda fi tliet persuni”? It-tweġiba tinsab f’jerġaʼ paradoss ieħor dwar il-bniedem—il-ħarsa tiegħu rigward il-filosofija. Tertuljanu sejjaħ il-filosofija “‘d-duttrini’ tal-bnedmin u ‘tad-demonji.’” Hu kkritika bil-miftuħ id-drawwa taʼ li wieħed juża l-filosofija biex jappoġġa l-veritajiet Kristjani. “Evita kull attentat biex tipproduċi Kristjanità mħassra bbażata fuq kitbiet Stojċi, Platoniċi, u djalettiċi [argumenti u diskussjonijiet biex tinsab il-verità],” qal hu. Madankollu, Tertuljanu nnifsu kien juża ħafna l-filosofija sekulari meta din kienet taqbel maʼ l-ideat tiegħu stess.—Kolossin 2:8.
Ktieb taʼ referenza jispjega li sabiex tiġi żviluppata u espressa t-teoloġija trinitarjana kien hemm bżonn taʼ konċetti Griegi. Barra minn hekk, il-ktieb The Theology of Tertullian jinnota: “[Kienet] taħlita stramba taʼ ideat u termini legalistiċi u filosofiċi. Din għenet lil Tertuljanu biex jistabbilixxi d-duttrina trinitarjana b’mod li, minkejja l-limitazzjonijiet u l-imperfezzjonijiet tagħha, ipprovdiet sett taʼ ideat li fuqhom ġiet ibbażata l-preżentazzjoni li saret iktar tard tad-duttrina fil-Konċilju taʼ Niċea.” Għaldaqstant, il-formula taʼ Tertuljanu—tliet persuni f’sustanza waħda divina—kellha rwol importanti fit-tixrid taʼ l-iżball reliġjuż mal-Kristjaneżmu kollu.
Tertuljanu akkuża lil oħrajn li qerdu l-verità waqt li kienu qed jipprovaw jiddefenduha. Madankollu, ironikament, hekk kif ħallat il-verità tal-Bibbja ispirata b’mod divin mal-filosofija tal-bniedem, hu waqaʼ fl-istess nassa. Għalhekk, ejja ngħożżu t-twissija Skritturali biex ma ‘nagħtux widen għal spirti qarrieqa u għal tagħlim tax-xjaten.’—1 Timotju 4:1.
[Stampi f’paġna 29, 30]
Tertuljanu kkritika l-filosofija imma użaha biex javanza l-ideat tiegħu stess
[Sors]
Paġni 29 u 30: © Cliché Bibliothèque nationale de France, Paris
[Stampa f’paġna 31]
Il-Kristjani veri jevitaw li jħalltu l-verità tal-Bibbja mal-filosofija tal-bniedem