Il-Qima Vera Tgħaqqad lin-Nies
GĦALKEMM ir-reliġjon b’mod ġenerali għandha t-tendenza li tifred lill-umanità, il-qima taʼ l-uniku Alla veru għandha l-qawwa li tgħaqqad lin-nies. Meta Iżrael kien il-ġens magħżul t’Alla, ħafna Ġentili sinċieri nġibdu lejn il-qima vera. Per eżempju, Rut abbandunat l-allat taʼ Mowab minfejn kienet ġejja oriġinarjament u qalet lil Nagħomi: “Niesek, niesi; Alla tiegħek, Alla tiegħi.” (Rut 1:16) Sa l-ewwel seklu E.K., għadd kbir taʼ Ġentili kienu saru adoraturi taʼ dak Alla veru. (Atti 13:48; 17:4) Iktar tard meta l-appostli taʼ Ġesù bdew jivvjaġġaw bl-aħbar tajba lejn postijiet fil-bogħod, nies sinċieri oħrajn ngħaqdu fil-qima taʼ dak Alla veru. “Dortu lejn Alla u tlaqtu l-idoli biex taqdu lil Alla ħaj u veru,” kiteb l-appostlu Pawlu. (1 Tessalonikin 1:9) Illum, għandha l-qima lil dak Alla veru din il-qawwa li tgħaqqad?
Ix-xettiċi jinsistu li mhux tajjeb li wieħed jgħid li hemm “adoraturi veri” jew “Alla veru.” Jistaʼ jkun li jħossuhom hekk għax ma jafu bl-ebda sors minfejn jistgħu jitgħallmu l-verità. Imma nies minn ambjenti differenti li jfittxu l-verità indunaw li l-qima m’hijiex kwistjoni taʼ x’jippreferu huma personalment. L-uniku wieħed li jistħoqqlu l-qima tagħna huwa l-Ħallieq taʼ kollox—Alla Jehovah. (Apokalissi 4:11) Hu dak Alla veru, u hu għandu d-dritt jiddeċiedi kif għandna nqimuh.
Biex jgħinna nifhmu x’jirrikjedi minna, Jehovah kkomunika magħna permezz tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Kważi kulħadd fid-dinja llum jistaʼ juża l-Bibbja, jew sħiħa jew partijiet minnha. Iktar minn hekk, l-Iben t’Alla qal: “Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi, . . . tagħrfu l-verità.” (Ġwann 8:31, 32) Għalhekk, wieħed jistaʼ jsir jaf il-verità. U miljuni taʼ nies taʼ qalb onesta li qabel kellhom reliġjonijiet differenti, bil-kuraġġ qed iħaddnu din il-verità u qed jingħaqdu fil-qima vera.—Mattew 28:19, 20; Apokalissi 7:9, 10.
L-Unità mad-Dinja Kollha fi Żmienna!
Profezija taʼ l-għaġeb fil-ktieb Bibliku taʼ Sofonija titkellem dwar tipi taʼ nies differenti li jinġabru flimkien. Din tgħid: “Jiena [Alla Jehovah] mbagħad lill-popli nerġaʼ nagħtihom [“lingwa pura,” NW], biex isem il-Mulej ilkoll isejjħu, jaqduh qalb waħda.” (Sofonija 3:9) Kemm hija stampa sabiħa din taʼ nies li tbiddlu u li issa qed jaqdu lil Alla f’unità!
Dan meta kellu jiġri? Sofonija 3:8 jgħid: “Stennewni, oraklu tal-Mulej, għal dakinhar li fih inqum biex nixhed; għaliex hu digriet tiegħi li jien niġbor il-ġnus, niġmaʼ s-saltniet, sabiex il-qilla tiegħi nixħet fuqhom, nixħet ix-xrar taʼ l-għadab kollu tiegħi, għax f’nar il-korla għajjura tiegħi l-art kollha għad tintemm.” Iva, fiż-żmien li Jehovah jiġmaʼ l-ġnus, imma qabel ma jixħet fuqhom ix-xrar taʼ l-għadab tiegħu, hu jagħti l-bidla għal lingwa pura lill-ġwejdin taʼ l-art. Dak iż-żmien huwa issa, għax il-ġbir tal-ġnus kollha għall-gwerra taʼ nhar il-jum il-kbir taʼ Alla li Jistaʼ Kollox f’Armageddon diġà beda.—Apokalissi 16:14, 16.
Biex jgħaqqad lin-nies tiegħu, Jehovah jagħtihom lingwa pura. Din il-lingwa ġdida tinkludi fehma eżatta tal-verità tal-Bibbja dwar Alla u l-iskopijiet tiegħu. Biex wieħed jitkellem il-lingwa pura jrid jemmen il-verità, jgħallimha lil ħaddieħor, u jgħix fi qbil mal-liġijiet u l-prinċipji t’Alla. Irid iwarrab il-politika li tifred u jqaċċat minn qalbu l-attitudnijiet egoisti li huma karatteristiċi taʼ din id-dinja, bħan-nazzjonaliżmu li tant jifred lin-nies u r-razziżmu. (Ġwann 17:14; Atti 10:34, 35) Kulmin għandu qalbu sinċiera u jħobb il-verità jistaʼ jitgħallem din il-lingwa. Aħseb ftit kif il-ħames persuni li ssemmew fl-artiklu taʼ qabel—li xi darba tant kellhom reliġjon differenti minn taʼ xulxin—issa jinsabu magħqudin fil-qima taʼ l-uniku Alla veru, Jehovah.
Magħqudin fil-Qima Vera
Meta Fidelia, dik li darba kienet Kattolika Rumana ferventi, xtrat Bibbja għat-tifla biex tużaha l-iskola, hi talbet lill-qassis tagħha jispjegalha minnha x’kien ġralhom il-ħamest itfal tagħha li kienu mitulha. “Kemm ħassejtni diżappuntata!” tgħid hi. Allura meta żaruha x-Xhieda taʼ Jehovah, hi staqsiethom l-istess mistoqsija. Wara li dawn qrawlha mill-Bibbja tagħha stess il-verità dwar xi jsir mill-mejtin, hi ntebħet li l-knisja kienet qarrqet biha. Tgħallmet li l-mejtin ma jafu xejn, u għalhekk m’humiex qed ibatu fil-Limbu jew xi mkien ieħor. (Salm 146:4; Koħèlet 9:5) Fidelia rmiet l-istatwi reliġjużi kollha li kellha, telqet il-knisja, u bdiet tistudja l-Bibbja. (1 Ġwann 5:21) Għal dawn l-aħħar għaxar snin, hi kellha l-pjaċir li tgħallem il-verità Skritturali lil ħaddieħor.
Tara, minn Katmandu, marret toqgħod f’pajjiż fejn hemm ftit tempji tal-Ħindu. Għalhekk, hi żaret il-knisja Metodista bit-tama li tissodisfa l-bżonnijiet spiritwali tagħha. Imma ma sabet l-ebda tweġiba għall-mistoqsija tagħha dwar is-sofferenzi tal-bniedem. Imbagħad marru jżuruha x-Xhieda taʼ Jehovah u offrewlha studju tal-Bibbja. Tara tgħid: “Bdejt ninduna li Alla kollu mħabba ma jistax ikun li jaħti għas-sofferenzi kollha fid-dinja . . . Tassew kont ferħana bit-tama taʼ dinja ġdida mimlija paċi u qbil.” (Apokalissi 21:3, 4) Tara neħħiet l-istatwi kollha tal-Ħindu, waqfet issegwi d-drawwiet reliġjużi taʼ pajjiżha, u sabet ferħ veru f’li tgħin biex tissodisfa l-bżonnijiet spiritwali t’oħrajn bħala Xhud taʼ Jehovah.
Panya, il-Buddist, kien wieħed li jaqra x-xorti meta x-Xhieda taʼ Jehovah kellmuh għall-ewwel darba f’Bangkok, għalhekk il-profeziji tal-Bibbja tassew kienu jinteressawh. Panya rrakkonta: “Meta tgħallimt għala s-sitwazzjoni bħalissa hija differenti minn kif kellu l-iskop il-Ħallieq fil-bidu u kif għamel arranġamenti biex ineħħi l-ħsara li saret minn dawk li jirrifjutaw lilu u s-sovranità tiegħu, kien bħallikieku tneħħa velu minn quddiem għajnejja. L-affarijiet kollha li kellhom x’jaqsmu mal-messaġġ tal-Bibbja kienu jaqblu flimkien. Sirt inħobb lil Jehovah bħala persuna; dan qanqalni biex nipprattika dak li kont naf li huwa tajjeb. Kont ħerqan biex ngħin lil oħrajn jaraw id-differenza bejn l-għerf tal-bniedem u l-għerf divin. L-għerf veru tassew biddilli ħajti.”
Maż-żmien, lil Virgil bdew jiġuh dubji kbar fuq it-twemmin reliġjuż tiegħu. Minflok ma beda jitlob lil Alla għal xi mezz biex jgħin lin-nies suwed li hu kien iqishom bħala organizzazzjoni razzista li kienet tnissel mibegħda għall-bojod, hu talab għall-verità, kienet x’kienet, kienet fejn kienet. “Meta qomt l-għada fil-għodu wara li kont tlabt bil-ħrara lil Alla,” jiftakar Virgil, “sibt rivista tat-Torri taʼ l-Għassa fid-dar. . . . Probabbli xi ħadd għaddihieli minn taħt il-bieb.” Ma damx ma beda jistudja l-Bibbja fil-fond max-Xhieda taʼ Jehovah. Jgħid ukoll: “Għall-ewwel darba f’ħajti, ħassejtni sodisfatt. . . . Bdejt inħoss raġġ taʼ tama ġewwa fija.” Virgil malajr ngħaqad maʼ dawk li joffru lin-nies l-unika tama vera kif inhi mniżżla fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja.
Charo mill-Amerika Latina kienet impressjonata meta Xhud jisimha Gladys ratha mħabbta wisq bit-tfal żgħar tagħha u bdiet tgħinha billi tiħodha sas-suq. Maż-żmien, Charo aċċettat l-offerta li għamlitilha Gladys, jiġifieri għal studju tal-Bibbja fid-dar bla ħlas. Meta Charo tgħallmet mill-Bibbja tagħha stess li n-nies tajbin mhux sejrin kollha fis-sema imma li Jehovah se jbierek ukoll lin-nies fuq l-art b’ħajja taʼ dejjem, baqgħet mistagħġba. (Salm 37:11, 29) Charo stess ilha għal dawn l-aħħar 15-il sena taqsam din it-tama m’oħrajn.
Immaġina l-art kollha miżgħuda b’nies sinċieri magħqudin fil-qima taʼ Jehovah, l-uniku Alla veru! Din m’hijiex xi fantasija. Hija wegħda minn Jehovah. Permezz tal-profeta tiegħu Sofonija, Alla ddikjara: “U nħalli f’nofsok poplu umli u mċekken. U f’isem il-Mulej ifittxu l-kenn. . . . Ma jagħmlux ħażen, ma jgħidux kliem b’ieħor, u lsien qarrieq ma jibqax iżjed f’fommhom, . . . [u] ma jbeżżagħhom ħadd.” (Sofonija 3:12, 13) Jekk din il-wegħda togħġbok, niżżel f’qalbek dak li tħeġġeġ il-Bibbja: “Fittxu l-Mulej ilkoll, intom, l-umli taʼ l-art, li tagħmlu ordnijietu; fittxu l-ġustizzja, fittxu l-umiltà: biex forsi f’jum il-korla tal-Mulej ikollkom fejn tistkennu.”—Sofonija 2:3.