Hemm Xi Ħaġa li Tistaʼ Verament Tgħaqqad lin-Nies?
HU X’INHU t-twemmin tiegħek, int probabbilment taqbel li żgur hemm uħud li jħobbu l-verità fi kważi r-reliġjonijiet kollha. Tistaʼ ssib nies fost il-Ħindu, il-Kattoliċi, il-Lhud, u oħrajn li minn qiegħ qalbhom japprezzaw dak li hu veru u huma lesti li jfittxuh. Madankollu, ir-reliġjon tidher li tifred lill-umanità. Xi wħud saħansitra jużaw ir-reliġjon biex jilħqu skopijiet mill-agħar. Jistaʼ jkun li xi darba nies sinċieri mir-reliġjonijiet kollha li għandhom imħabba għat-tajjeb u l-verità jkunu magħqudin? Jistgħu qatt jingħaqdu biex jilħqu l-istess skop?
Kemm hu inkwetanti meta naraw li r-reliġjon qed issir iktar u iktar il-kaġun taʼ frid! Ikkunsidra xi ftit minn dan l-inkwiet. Il-Ħindu jiġġieldu kontra l-Buddisti fi Sri Lanka. Il-Protestanti, il-Kattoliċi, u l-Lhud xerrdu d-demm f’ħafna ġlied differenti. “Il-Kristjani” jiġġieldu mal-Musulmani fil-Bosnia, fiċ-Ċeċnija, fl-Indoneżja, u fil-Kosovo. U f’Marzu taʼ l-2000, jumejn taʼ ġlied konness mar-reliġjon ħallew 300 Niġerjan mejjet. Tabilħaqq, il-mibegħda reliġjuża kebbset il-qilla taʼ dan il-ġlied.
Taʼ spiss nies sinċieri jitkexkxu bl-affarijiet mill-agħar li jsiru f’isem ir-reliġjon. Per eżempju, ħafna li jmorru l-knisja jitwaħħxu bil-fatt li xi qassisin li abbużaw sesswalment mit-tfal ġew tollerati uffiċjalment minn ċerti knejjes. Oħrajn iħossuhom jistħu ħafna bil-frid li hemm fost ħafna setet hekk imsejħin Kristjani fuq ċerti kwistjonijiet bħalma huma l-omosesswalità u l-abort. Jidher ċar li r-reliġjon m’għaqqditx lill-bnedmin. Madankollu, hemm uħud minn ħafna reliġjonijiet li ġenwinament iħobbu l-verità, bħalma juru l-esperjenzi li ġejjin.
Kienu Jixxennqu għall-Verità
Fidelia, mara sinċiera u devota, kienet tattendi l-Knisja Kattolika taʼ San Franġisk f’La Paz, il-Bolivja. Hi kienet tinżel għarkobbtejha quddiem ix-xbieha tal-Madonna, tixtri l-aqwa xemaʼ li setgħet, u tixgħelha quddiem il-kurċifiss. Kull ġimgħa, kienet tagħti ħafna ikel lill-qassis biex jitqassam lill-foqra. Madankollu, ħamsa mit-trabi taʼ Fidelia mietu qabel ma setgħu jiġu mgħammdin. Meta l-qassis qalilha li kollha kienu qed ibatu fid-dlam tal-Limbu, Fidelia staqsiet bejnha u bejn ruħha, ‘Kif jistaʼ jkun dan, jekk Alla mimli ħniena?’
Tabiba fil-mediċina jisimha Tara trabbiet bħala Ħindu f’Katmandu, in-Nepal. Billi kienet tosserva d-drawwiet antiki ferm taʼ l-antenati tagħha, hi kienet tqim lill-allat tagħha fit-tempji Ħindu u kellha l-istatwi d-dar. Imma Tara kienet tħossha mħawda b’ċerti mistoqsijiet bħal: Għala hawn daqstant tbatija? In-nies għala jmutu? Ftit li xejn sabet tweġibiet sodisfaċenti fir-reliġjon tagħha.
Panya, mill-banda l-oħra, trabba bħala Buddist f’dar ħdejn kanal f’Bangkok, it-Tajlandja. Hu ġie mgħallem li t-tbatija tiġi minħabba l-affarijiet ħżiena li wieħed ikun għamel fil-ħajjiet li għex qabel u li biex jeħles minnha jkun irid jeħles mix-xewqat kollha tiegħu. Bħal Buddisti sinċieri oħrajn, hu ġie mgħallem li jrid jirrispetta ferm l-għerf tal-patrijiet tal-libsa safra li kienu jiġu d-dar tiegħu kull fil-għodu maʼ sbiħ ix-xemx għall-karità. Hu kien jagħmel il-meditazzjoni u jġemmaʼ statwi taʼ Budda għax kien jemmen li dawn kienu se jipproteġuh. Wara li kellu inċident serju li ħallieh paralizzat minn qaddu ’l isfel, Panya żar il-monasterji Buddisti, għax bis-sinċerità kollha kien jittama li jitfejjaq b’mod mirakoluż. Imma hu la fieq u lanqas ma sab tidwil spiritwali. Minflok, introduċewh għall-ispiritiżmu u beda jinvolvi ruħu fih.
Virgil twieled fl-Istati Uniti u ngħaqad mal-Musulmani Suwed meta kien il-kulleġġ. Hu b’mod żeluż qassam il-letteratura tagħhom, li kienet tgħallem li l-bniedem abjad huwa x-Xitan. Huma ħasbu, li kien għalhekk li l-bojod għamlu tant kattiveriji kontra s-suwed. Għalkemm, Virgil kien jemmen dan b’mod sinċier, kien imħawwad b’diversi mistoqsijiet: Kif jistaʼ jkun li l-bojod kollha huma ħżiena? U għala tant mill-ippridkar madwar id-dinja għandu x’jaqsam mal-flus?
Għalkemm Charo trabbiet fl-Amerika t’Isfel, li fil-biċċa l-kbira hija Kattolika, din kienet Protestanta sinċiera. Kienet ferħana li ma kinitx tieħu sehem fl-idolatrija taʼ madwarha. Charo kienet tieħu pjaċir tmur il-knisja kull nhar taʼ Ħadd għas-servizz kollu emozzjoni, fejn kienet tgħajjat “Hallelujah!” u kienet tieħu sehem fil-kant u ż-żfin reliġjuż li kienu jsiru wara. Charo kienet temmen bis-sinċerità kollha li kienet ġiet salvata u li kienet twieldet mill-ġdid. Kienet tħallas l-għexur mill-paga tagħha lill-knisja, u meta l-evanġelista favorit tagħha fuq it-televixin kien jitlob il-kontribuzzjonijiet, kienet tibgħatlu l-flus għat-tfal fl-Afrika. Madankollu, meta staqsiet lill-kappillan tagħha għala Alla taʼ mħabba jitturmenta l-erwieħ fl-infern, hi indunat li ma kellu l-ebda tweġiba sodisfaċenti. Iktar tard, hi skopriet ukoll li l-kontribuzzjonijiet tagħha ma ntużawx biex jgħinu lit-tfal taʼ l-Afrika.
Għalkemm dawn il-ħames individwi trabbew f’ambjenti differenti, kellhom xi ħaġa komuni bejniethom. Huma ħabbew il-verità u fittxew b’mod sinċier tweġibiet veri għall-mistoqsijiet tagħhom. Imma setgħu huma verament jingħaqdu f’qima vera? L-artiklu li jmiss se jwieġeb din il-mistoqsija.
[Sors tal-Istampa f’paġna 3]
G.P.O., Jerusalem
[Stampa f’paġna 4]
Jistaʼ jkun li nies li jiġu minn ambjenti differenti verament jingħaqdu flimkien?