Oriġene—It-Tagħlim Tiegħu Kif Effettwa lill-Knisja?
“L-akbar għalliem tal-Knisja wara l-Appostli.” Hekk qal Ġirolmu, li ttraduċa l-Bibbja Vulgata bil-Latin, biex ifaħħar lil Oriġene, li kien teologu tat-tielet seklu. Imma mhux kulħadd wera din l-istess stima lejn Oriġene. Xi wħud ħarsu lejh bħala għerq mill-agħar li minnu nibtu l-ereżiji. Fi kliem kittieb tas-seklu 17, dawk li kkritikaw lil Oriġene qalu: “Id-duttrina tiegħu b’mod ġenerali hija assurda u tagħmel il-ħsara, velenu qattiel bħal taʼ Serpent, li hu rremetta għal ġod-dinja.” Fil-fatt, madwar tliet sekli wara mewtu, Oriġene ġie dikjarat formalment bħala eretiku.
ORIĠENE għala ġibed lejh kemm ammirazzjoni u kemm mibegħda? X’influwenza kellu fuq l-iżvilupp tad-duttrina tal-knisja?
Żeluż għall-Knisja
Oriġene twieled madwar is-sena 185 E.K. fil-belt Eġizzjana taʼ Lixandra. Hu rċieva edukazzjoni sħiħa f’dik li hi letteratura Griega, imma missieru, Leonide, ġagħlu jagħmel l-istess sforz biex jistudja l-Iskrittura. Meta Oriġene kellu 17-il sena, l-imperatur Ruman ħareġ digriet li bih ordna li jekk xi ħadd ibiddel ir-reliġjon tiegħu jkun qed iwettaq att kriminali. Missier Oriġene ġie mixħut il-ħabs għaliex kien sar Kristjan. Mimli żelu taż-żgħożija, Oriġene kien determinat li jingħaqad maʼ missieru fil-ħabs u jmut martri miegħu. Meta rat dan, omm Oriġene ħbietlu ħwejġu biex ma tħallihx joħroġ mid-dar. Permezz taʼ ittra, Oriġene talab bil-ħrara lil missieru: “Oqgħod attent li ma tbiddilx il-ħsieb minħabba fina.” Leonide baqaʼ sod u ġie maqtul, u b’hekk ħalla lill-familja lampa stampa. Imma Oriġene kien diġà avanza biżżejjed fl-istudji tiegħu biex ikun jistaʼ jmantni lil ommu u lis-sitt ħutu iżgħar minnu billi jgħallem il-letteratura Griega.
L-intenzjoni taʼ l-imperatur kienet li ma jħallix il-Kristjanità tinxtered. Ladarba d-digriet tiegħu ma kienx immirat biss lejn l-istudenti imma wkoll lejn l-għalliema, il-Kristjani kollha li kienu għalliema reliġjużi ħarbu minn Lixandra. Meta dawk li ma kinux Kristjani fittxew l-istruzzjoni Skritturali u daru għall-għajnuna għand iż-żagħżugħ Oriġene, hu ħaddan dan ix-xogħol bħala inkarigu mingħand Alla. Ħafna mill-istudenti tiegħu sofrew il-martirju, xi wħud saħansitra qabel ma lestew l-istudji tagħhom. B’riskju kbir għalih innifsu, Oriġene inkuraġġixxa lill-istudenti tiegħu quddiem kulħadd, kemm jekk kienu quddiem xi mħallef, fil-ħabs, jew waslu biex jingħataw il-mewt. Ewsebju, kittieb taʼ l-istorja fir-rabaʼ seklu, jirrapporta li meta Oriġene kien jarahom sejrin għall-mewt, “bi qlubija kbira, hu kien isellmilhom waqt li jbushom.”
Oriġene ġab fuqu l-għadab taʼ ħafna li ma kinux Kristjani. Dawn żammewh responsabbli għall-konverżjoni u l-mewt taʼ ħbiebhom. Spiss kien jeħlisha b’xagħra milli jiġi attakkat minn xi folla nies irrabjata u jinqatel b’mod vjolenti. Għalkemm ġie mġiegħel jaħrab minn post għal ieħor biex jiskansa minn dawk li kienu qegħdin jiġru warajh, Oriġene ma battiex fit-tagħlim tiegħu. Din il-qlubija u d-dedikazzjoni impressjonaw lil Demetriju, l-isqof taʼ Lixandra. Għaldaqstant, meta Oriġene kellu biss 18-il sena, Demetriju ħatru bħala kap taʼ l-iskola għall-istruzzjoni reliġjuża f’Lixandra.
Maż-żmien, Oriġene sar studjuż magħruf u kittieb kbir. Kien hemm min qal li kiteb 6,000 ktieb, għalkemm din x’aktarx li hi esaġerazzjoni. Hu baqaʼ l-iktar famuż għall-Hexapla, edizzjoni enormi taʼ l-Iskrittura Ebrajka b’50 volum. Oriġene qasam il-Hexapla f’sitt kolonni paralleli li poġġa fihom: (1) it-test Ebrajk u Aramajk, (2) rappreżentazzjoni taʼ dan l-istess test b’karattri Griegi, (3) il-verżjoni Griega taʼ Akwila, (4) il-verżjoni Griega taʼ Simmaku, (5) is-Settanta Griega, li tagħha Oriġene għamel reviżjoni biex tikkorrispondi iktar bl-eżatt mat-test Ebrajk, u (6) il-verżjoni Griega taʼ Teodozjonu. “Billi għaqqad it-testi b’dan il-mod,” kiteb l-istudjuż Bibliku John Hort, “Oriġene ttama li jitfaʼ dawl fuq it-tifsira taʼ ħafna siltiet li lil qarrej Grieg kienu jew iħawduh jew jiżvijawh jekk quddiemu jkollu biss is-Settanta.”
“Iktar Milli Hemm Miktub”
Minkejja dan, il-klima reliġjuża mħawda tat-tielet seklu effettwat profondament il-mod kif Oriġene kien jgħallem l-Iskrittura. Għalkemm il-Kristjaneżmu kien għadu fil-bidu, kien diġà tniġġes bi twemmin mhux skritturali, u l-knejjes tiegħu mxerrdin ’l hawn u ’l hinn kienu qegħdin jgħallmu varjetà taʼ duttrini.
Oriġene aċċetta xi ftit minn dawn id-duttrini mhux skritturali, u qal li kienu t-tagħlim taʼ l-appostli. Imma ħass li setaʼ jagħti l-opinjoni tiegħu dwar mistoqsijiet oħrajn. Ħafna mill-istudenti tiegħu kienu qed jitqabdu maʼ kwistjonijiet filosofiċi taʼ dak iż-żmien. Fi sforz biex jgħinhom, Oriġene studja bir-reqqa d-diversi skejjel taʼ filosofija li kienu qegħdin jifformaw l-imħuħ taʼ l-istudenti żgħażagħ tiegħu. Hu pprova jwieġeb b’mod sodisfaċenti l-mistoqsijiet filosofiċi taʼ l-istudenti tiegħu.
Biex jipprova jirrikonċilja l-Bibbja mal-filosofija, Oriġene strieħ ħafna fuq il-metodu simboliku biex jinterpreta l-Iskrittura. Hu assuma li l-Iskrittura dejjem kellha tifsira spiritwali imma ma kellhiex neċessarjament tifsira letterali. Bħalma nnota wieħed studjuż, permezz taʼ dan, Oriġene kellu “l-mezz li japplika għall-Bibbja dawk l-ideat kollha li ma kinux bibliċi imma li kienu jaqblu mas-sistema teoloġika tiegħu stess, waqt li stqarr (u bla dubju immaġina sinċerament lilu nnifsu) li kien interpretu leali u partikolarment entużjasta tal-ħsieb tal-Bibbja.”
Ittra miktuba minn Oriġene lil wieħed mill-istudenti tiegħu tipprovdi dehen fuq kif kien jaħsibha. Oriġene wera li l-Iżraelin għamlu għodod mid-deheb Eġizzjan għat-tempju taʼ Jehovah. F’dan hu sab appoġġ simboliku ħalli juża l-filosofija Griega meta jgħallem il-Kristjanità. Hu kiteb: “Kemm kienu utli għal ulied Iżrael l-affarijiet li ġabu mill-Eġittu, affarijiet li l-Eġizzjani ma kinux użawhom kif suppost, imma li l-Ebrej, gwidati mill-għerf t’Alla, użawhom għas-servizz t’Alla.” B’hekk, Oriġene inkuraġġixxa lill-istudent tiegħu biex “jislet mill-filosofija tal-Griegi dak li setaʼ jservi bħala kors taʼ studju jew tħejjija għall-Kristjanità.”
Minħabba dan il-metodu bla rażan taʼ kif tiġi interpretata l-Bibbja, kien diffiċli li wieħed jagħżel bejn id-duttrina Kristjana u l-filosofija Griega. Per eżempju, fil-ktieb tiegħu intitolat On First Principles, Oriġene ddeskriva lil Ġesù bħala ‘l-Iben uniġenitu, li kien imwieled, imma ma kellux bidu.’ U żied: ‘It-tnissil tiegħu hu etern u għal dejjem. Ma kienx billi rċieva n-nifs tal-ħajja li hu jintgħamel Iben, b’xi att minn barra, imma bin-natura t’Alla stess.’
Din l-idea Oriġene ma sabhiex fil-Bibbja, għax l-Iskrittura tgħallem li l-Iben uniġenitu taʼ Jehovah hu l-“kbir fost il-ħlejjaq kollha” u “minnu l-bidu tal-Ħolqien taʼ Alla.” (Kolossin 1:15; Apokalissi 3:14) Skond Awgustu Neander, kittieb reliġjuż taʼ l-istorja, Oriġene wasal għall-idea taʼ “tnissil etern” permezz taʼ l-“edukazzjoni filosofika [tiegħu] fl-iskola Platonika.” B’hekk, Oriġene kiser dan il-prinċipju Skritturali bażiku: “Mhux iktar milli hemm miktub.”—1 Korintin 4:6.
Kundannat Bħala Eretiku
Matul l-ewwel snin tiegħu bħala għalliem, Sinodu f’Lixandra ordna li Oriġene ma jibqax jaqdi bħala qassis. Dan x’aktarx li ġara għaliex l-Isqof Demetriju kien qed jgħir għall-fama taʼ Oriġene li kienet qed tikber kontinwament. Oriġene mar joqgħod fil-Palestina, fejn l-ammirazzjoni lejh bħala difensur taʼ fama tad-duttrina Kristjana baqgħet bla limitu. Hemmhekk hu kompla bħala qassis. Fil-fatt, meta tfaċċaw xi “ereżiji” fil-Lvant, is-servizzi tiegħu kienu mfittxijin biex jikkonvinċu lill-isqfijiet li kienu qegħdin jiżbaljaw ħalli jirritornaw lejn id-duttrina stabbilita. B’mod speċjali wara mewtu fis-sena 254 E.K., isem Oriġene beda jiġi mżeblaħ serjament. Għala?
Wara li l-Kristjanità taʼ l-isem kienet saret reliġjon prominenti, dak li l-knisja aċċettat bħala tagħlim stabbilit sar iktar definit b’mod preċiż. Għaldaqstant, ġenerazzjonijiet taʼ teoloġi li ġew wara m’aċċettawx ħafna mill-ideat filosofiċi taʼ Oriġene li kienu bbażati wisq fuq l-opinjonijiet tiegħu u kultant żbaljati. Għalhekk, it-tagħlim tiegħu kebbes kontroversji ħorox ġewwa l-knisja. Fi sforz biex tirranġa dawn id-differenzi u tippreserva l-unità tagħha, il-knisja akkużat formalment lil Oriġene li kien eretiku.
Oriġene ma kienx waħdu fl-iżball. Attwalment, il-Bibbja kienet bassret li kien se jkun hemm ħafna li jitilqu mit-tagħlim safi taʼ Kristu. Din l-apostasija bdiet tiffjorixxi lejn tmiem l-ewwel seklu, wara li kienu mietu l-appostli taʼ Ġesù. (2 Tessalonikin 2:6, 7) Maż-żmien, ċerti wħud li kienu jgħidu li huma Kristjani ddikjaraw lilhom infushom bħala “stabbiliti,” filwaqt li pproklamaw li l-oħrajn kollha kienu “eretiċi.” Imma fir-realtà, il-Kristjaneżmu tbiegħed bil-kbir mill-Kristjanità vera.
“L-Għerf Falz”
Minkejja li Oriġene ħareġ b’ħafna opinjonijiet persunali, ix-xogħlijiet tiegħu fihom elementi taʼ benefiċċju. Per eżempju, fil-Hexapla nsibu l-isem t’Alla fil-forma Ebrajka u oriġinali tiegħu b’erbaʼ ittri, imsejħa t-Tetragrammaton. Dan jipprovdi evidenza importanti li l-Kristjani bikrin kienu jafuh u kienu jużawh l-isem persunali t’Alla—Jehovah. Minkejja dan, patrijarka tal-knisja li għex fil-ħames seklu u li kien jismu Teofilu, darba wissa: “Ix-xogħlijiet taʼ Oriġene huma bħal mergħa b’kull tip taʼ fjura. Jekk hemmhekk insib xi fjura sabiħa, naqtagħha; imma jekk nara xi ħaġa li għalija tidher li xxewwek nevitaha daqslikieku kienet niggieża.”
Peress li Oriġene ħallat it-tagħlim Bibliku mal-filosofija Griega, it-teoloġija tiegħu saret miżgħuda bl-iżbalji, u l-konsegwenzi kienu diżastrużi għall-Kristjaneżmu. Per eżempju, għalkemm il-biċċa l-kbira mill-opinjonijiet bla bażi taʼ Oriġene ġew iktar tard miċħudin, il-ħarsa tiegħu lejn it-“tnissil etern” taʼ Kristu għenet biex jitpoġġa l-pedament għad-duttrina mhix Biblika tat-Trinità. Il-ktieb The Church of the First Three Centuries josserva: “Il-preferenza għall-filosofija [introdotta minn Oriġene] kellha tibqaʼ teżisti għal perijodi twal taʼ żmien.” B’liema riżultat? “Is-sempliċità tar-reliġjon Kristjana ġiet korrotta, u għadd bla tarf taʼ żbalji daħlu bħal għargħar ġol-Knisja.”
Min-naħa tiegħu, Oriġene setaʼ ta kas it-twissija taʼ l-appostlu Pawlu, u b’hekk ma jikkontribwixxix għal din l-apostasija. Kieku għamel dan kien ‘jaħrab il-kliem profan u fieragħ u l-kontradizzjonijiet taʼ l-għerf falz.’ Minflok, billi bbaża ħafna mit-tagħlim tiegħu fuq dan “l-għerf,” Oriġene ‘tbiegħed mill-fidi.’—1 Timotju 6:20, 21; Kolossin 2:8.
[Stampa f’paġna 31]
Il-“Hexapla” taʼ Oriġene turi li l-isem t’Alla ntuża fl-Iskrittura Griega Kristjana
[Sors]
Pubblikat bil-permess tas-Syndics of Cambridge University Library, T-S 12.182
[Sors tal-Istampa f’paġna 29]
Culver Pictures