“Veru Li Alla Jikkundanna lin-Nies biex Jinħarqu fl-Infern?”
“Qed tistudjaw it-teoloġija?”
Din il-mistoqsija ġiet għal għarrieda għal Joel u Carl. Iż-żewġ ġuvintur, li jaqdu bħala volontieri fil-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah fi Brooklyn, New York, kienu qed jagħtu titwila f’ħanut tal-kotba fil-qrib. Filwaqt li Joel kien qed jeżamina xi konkordanzi tal-Bibbja, Carl beda jirrakkontalu esperjenza li kellu fil-ministeru. Peress li semaʼ xi ftit minn dak li kienu qed jgħidu, wieħed raġel li kien bil-wieqfa ħdejhom iddeċieda li jkellimhom.
Madankollu, ir-raġel ried jistaqsihom xi ħaġa li kienet tinteressah ferm iktar minn jekk iż-żewġ ġuvintur kinux qed jistudjaw it-teoloġija. Hu spjegalhom: “Jiena Lhudi, u xi wħud minn sħabi li huma Kristjani qaluli li se ninħaraq fl-infern minħabba li l-Lhud ċaħdu lil Ġesù. Dan iħawwadni ħafna. Kastig bħal dan mingħand Alla taʼ mħabba ma jidhirx li hu ġust. Veru li Alla jikkundanna lin-nies biex jinħarqu fl-infern?”
Joel u Carl qalu lil dan ir-raġel sinċier li huma jistudjaw il-Bibbja bis-serjetà. Huma wrewh mill-Iskrittura li l-mejtin m’huma konxji taʼ xejn, u li dawn sempliċement jinsabu reqdin fil-mewt waqt li qegħdin jistennew l-irxoxt. Għaldaqstant, la jsofru xi turment u lanqas ibatu f’xi nar taʼ l-infern. (Salm 146:3, 4; Koħèlet 9:5, 10; Danjel 12:13; Ġwann 11:11-14, 23-26) Wara konversazzjoni taʼ 45 minuta, ir-raġel ta l-indirizz tiegħu lil Joel u ’l Carl u staqsa għal iktar tagħrif fuq is-suġġett.
Kieku l-infern kien post taʼ turment bin-nar, kien xi ħadd qatt se jitlob li jmur fih? Madankollu, il-patrijarka Ġob, meta xtaq jaħrab mill-istat imwiegħer tiegħu, talab hekk: “M’hux li kont taħbini f’Art l-Imwiet [“fl-infern,” Douay Version] fejn nistkenn sa ma tibred il-korla tiegħek u tiffissali żmien li tiftakar fija.” (Ġob 14:13) B’mod ċar, Ġob ma kienx jemmen li l-infern huwa post taʼ turment. Mhux talli hekk, talli hu fittex il-kenn hemmhekk. Il-mewt hija stat taʼ ineżistenza, u l-infern tal-Bibbja huwa l-qabar komuni tal-bnedmin.
Jekk tixtieq tkun taf iktar dwar x’jiġrilna meta mmutu u x’tama hemm għal wara l-mewt, inti mistieden mill-qalb biex twieġeb għall-offerta li ġejja.