Il-Ħarba Taʼ L-Ugonotti Lejn Il-Libertà
“Bl-ordni Tar-re U R-reġina, . . . Aħna B’dan Niddikjaraw, Li L-protestanti Franċiżi Kollha Li Se Jfittxu R-refuġju Tagħhom fi, U Jittrasferixxu Ruħhom Għal Ġo Din Is-saltna Tagħna, Mhux Biss Se Jkollhom Il-protezzjoni Rjali Tagħna . . . Imma Aħna Se Nagħmlu Ħilitna B’kull Mod U Manjiera Raġunevoli Sabiex Nappoġġawhom, Ngħinuhom U Nassistuhom . . . Biex Il-ħajja U L-eżistenza Tagħhom F’dan Ir-renju Jkunu Taʼ Serħan U Bla Tbatija Għalihom.”
HEKK tgħid id-dikjarazzjoni taʼ l-1689 taʼ Guliermu u Marija, ir-re u r-reġina taʼ l-Ingilterra. Imma l-Protestanti Franċiżi, jew Ugonotti, bħalma saru magħrufin, għala kien jeħtiġilhom ifittxu refuġju u protezzjoni barra minn Franza? Il-ħarba tagħhom minn Franza xi 300 sena ilu għala għandha tinteressana llum?
L-Ewropa tas-seklu sittax kienet mifnija bi gwerer u kontroversji li jinvolvu r-reliġjon. Franza, bil-Gwerer tar-Reliġjon tagħha (1562-1598) bejn il-Kattoliċi u l-Protestanti, ma ħelsithiex minn dan l-inkwiet. Madankollu, fl-1598 ir-Re Franċiż Neriku IV ffirma editt taʼ tolleranza, l-Editt taʼ Nantes, li ta ftit libertà reliġjuża lill-Ugonotti Protestanti. Dan ir-rikonoxximent legali taʼ żewġ reliġjonijiet kien uniku fl-Ewropa. Għal xi żmien, dan ġab fi tmiem it-taqlib reliġjuż li kien ħalla l-marka tiegħu fuq Franza tas-seklu sittax għal iktar minn 30 sena.
Għalkemm l-intenzjoni kienet li l-Editt taʼ Nantes ikun “perpetwu u irrevokabbli,” fl-1685 dan ġie rrevokat mill-Editt taʼ Fontainebleau. Il-filosfu Franċiż Voltaire iktar tard iddeskriva din ir-revokazzjoni bħala “waħda mit-traġedji l-kbar taʼ Franza.” F’qasir żmien, din qanqlet lil madwar 200,000 Ugonott biex jaħarbu lejn pajjiżi oħrajn. Il-konsegwenzi tagħha, madankollu, ħadu iktar fit-tul. Imma dak l-editt preċedenti favur it-tolleranza reliġjuża għala ġie rrevokat?
Oppost sa mill-Bidu
Avolja l-Editt taʼ Nantes kien ilu japplika uffiċjalment għal kważi 90 sena, waħda storjografa tgħid li dan diġà kien “qed imut meta ġie assassinat fl-1685.” Tabilħaqq, l-editt ma kienx ġie mibni fuq sisien sodi. Sa mill-bidu, dan ikkontribwixxa għal dik li ġiet deskritta bħala “gwerra bierda” bejn il-kleru Kattoliku u dik li huma sejħulha l-“R.P.R.” (L-hekk imsejħa Reliġjon Irriformata) Minn meta nħareġ fl-1598 sa bejn wieħed u ieħor l-1630, l-oppożizzjoni lejn l-Editt taʼ Nantes kienet tiċċentra fuq id-dibattiti pubbliċi bejn il-Protestanti u l-Kattoliċi u fuq il-pubblikazzjoni taʼ xogħlijiet letterarji denominazzjonali. Madankollu, l-intolleranza kellha ħafna aspetti.
Wara li ggwerra kontra l-Protestanti mill-1621 sa l-1629, il-gvern Franċiż ipprova jisforzahom isiru Kattoliċi permezz taʼ serje taʼ miżuri repressivi. Dan l-issikkar ġie intensifikat taħt Lwiġi XIV, ir-“Re tax-Xemx.” Il-politika tiegħu li juża l-persekuzzjoni wasslet biex jiġi rrevokat l-Editt taʼ Nantes.
Iż-Żjieda fir-Restrizzjonijiet
Bħala parti miż-żjieda fir-restrizzjonijiet, id-drittijiet ċivili tal-Protestanti tneħħew bil-ftit il-ftit. Bejn l-1657 u l-1685, ittieħdu madwar 300 deċiżjoni uffiċjali kontra l-Ugonotti, li f’ħafna każi kienu ġew issuġġeriti mill-kleru. Dawn id-deċiżjonijiet attakkawlhom kull aspett taʼ ħajjithom. Per eżempju, numru vast taʼ professjonijiet, bħal dawk li jinvolvu l-mediċina, il-liġi, u saħansitra l-professjoni taʼ qâbla, ġew ipprojbiti għall-Ugonotti. Inkwantu għall-professjoni taʼ qâbla, waħda storjografa rraġunat: “Kif setaʼ xi ħadd jafda ħajtu f’idejn waħda eretika li l-mira tagħha kienet li teqred l-ordni eżistenti?”
Iċ-ċintorin taʼ l-oppressjoni ġie ssikkat iktar fl-1677. Jekk xi Ugonott kien jinqabad jipprova jikkonverti lil xi Kattoliku, kellu jeħel multa taʼ elf lira Franċiża. Il-fondi taʼ l-istat li kienu jinġabru minn taxxi esaġerati ġew użati biex jinfluwenzaw lill-Ugonotti ħalli jikkonvertu. Fl-1675 il-kleru Kattoliku ta 4.5 miljun lira Franċiża lir-Re Lwiġi XIV, u qallu: “Issa trid tkompli turi l-gratitudni tiegħek sa l-aħħar billi tuża l-awtorità li għandek biex l-ereżija teqridha kompletament.” Din l-istrateġija li “jinxtraw” l-ikkonvertiti rriżultat f’madwar 10,000 konverżjoni għall-Kattoliċiżmu fi żmien tliet snin.
Fl-1663 il-konverżjoni għall-Protestantiżmu saret illegali. Kien hemm ukoll restrizzjonijiet f’konnessjoni maʼ fejn setgħu jgħixu l-Ugonotti. Eżempju wieħed tal-miżuri estremi hu li t-tfal li jagħlqu sebaʼ snin, setgħu jsiru Kattoliċi kontra x-xewqa tal-ġenituri tagħhom. Il-ġenituri Protestanti kienu obbligati jħallsu għall-edukazzjoni taʼ wliedhom li kienet tingħata mill-Ġiżwiti jew minn għalliema Kattoliċi oħrajn.
Arma oħra biex trażżan lill-Ugonotti kienet il-Compagnie du Saint-Sacrement (Kumpanija tas-Sagrament Imqaddes) li kienet topera b’mod sigriet. Din kienet organizzazzjoni Kattolika li skond l-istorjografa Janine Garrisson, kienet tifforma “sistema vasta u kkonnettjata” li kienet tkopri lil Franza kollha. Billi kienet tippenetra l-ogħla oqsma tas-soċjetà, la kienet nieqsa mill-finanzi u lanqas mill-informazzjoni dwar l-għadu. Garrisson tispjega li t-tattiċi taʼ din is-sistema kienu ħafna: “Il-Compagnie kienet tuża kull mezz, minn pressjoni sa metodi taʼ tfixkil, u minn manipulazzjoni sa denunzja, biex iddgħajjef il-komunità Protestanta.” Minkejja dan, il-biċċa l-kbira mill-Ugonotti baqgħu Franza matul dan il-perijodu taʼ persekuzzjoni. L-istorjografa Garrisson tosserva: “Huwa diffiċli li tifhem għala l-ammont taʼ Protestanti li bdew jitilqu mis-Saltna ma kompliex jikber hekk kif l-ostilità lejhom kompliet tiżdied gradwalment.” Madankollu, ħarba lejn il-libertà eventwalment saret ħtieġa.
Kollox Reġaʼ għal li Kien
It-Trattat taʼ Paċi taʼ Nymegen (1678) u t-Tregwa taʼ Ratisbon (1684) ħelsu lir-Re Lwiġi XIV minn gwerra esterna. Fuq in-naħa l-oħra tal-Kanal, fl-Ingilterra, kien wieħed Kattoliku li laħaq re fi Frar taʼ l-1685. Lwiġi XIV setaʼ jieħu vantaġġ minn din is-sitwazzjoni ġdida. Ftit tas-snin qabel, il-kleru Kattoliku fi Franza kien ħareġ l-Erbaʼ Artikli Gallikani, li poġġew restrizzjonijiet fuq il-poter tal-Papa. Papa Innoċent XI imbagħad “beda jqis lill-Knisja Franċiża kważi bħala xiżmatika.” Minħabba f’dan, billi jirrevoka l-Editt taʼ Nantes, Lwiġi XIV setaʼ jtejjeb ir-reputazzjoni mtebbaʼ li kellu u jerġaʼ jsaħħaħ ir-relazzjonijiet normali mal-Papa.
Il-politika tar-re dwar il-Protestanti saret verament ovvja. B’mod evidenti, bis-sewwa (bil-persważjoni u l-leġislazzjoni) ma kinux semgħu. Mill-banda l-oħra, l-użu tad-dragunnatia kien metodu li rnexxa. Għalhekk fl-1685, Lwiġi XIV iffirma l-Editt taʼ Fontainebleau, u b’hekk irrevoka l-Editt taʼ Nantes. Il-persekuzzjoni vjolenti assoċjata maʼ din ir-revokazzjoni ġabet lill-Ugonotti f’pożizzjoni jerġaʼ agħar minn dik taʼ qabel l-Editt taʼ Nantes. Issa x’kienu se jagħmlu?
Jistaħbew, Jiġġieldu, jew Jaħarbu?
Xi Ugonotti għażlu li jipprattikaw il-qima tagħhom fis-sigriet. Billi l-postijiet fejn kienu jiltaqgħu sfaw meqrudin u l-qima tagħhom fil-pubbliku ġiet ipprojbita, huma rrikorrew għall-‘Knisja tad-Deżert,’ jew il-qima taħt l-art. Dan għamluh minkejja li nies li kienu jagħmlu laqgħat bħal dawn kienu jissograw li jiġu ssentenzjati għall-mewt, skond liġi li kienet għaddiet f’Lulju taʼ l-1686. Xi Ugonotti ċaħdu l-fidi tagħhom b’ħalfa, billi ħasbu li iktar ’il quddiem kien se jkun possibbli li jerġgħu jikkonvertu. Dawn l-ikkonvertiti pprattikaw Kattoliċiżmu superfiċjali li kien se jiġi kkopjat minn ġenerazzjonijiet tal-futur.
Il-gvern ipprova jirrinforza l-konverżjonijiet. Biex jiksbu impjieg, dawk ikkonvertiti ġodda kellhom juru ċertifikat li jagħti prova li saru Kattoliċi u dan kellu jkun iffirmat mill-kappillan, li kien jara li kienu jattendu l-knisja. Jekk it-tfal ma kinux jiġu mgħammdin u mrobbijin bħala Kattoliċi, il-ġenituri setgħu jitilfu l-kustodja tat-tfal tagħhom. L-iskejjel kellhom jippromwovu l-edukazzjoni Kattolika. Saru sforzi biex jiġu prodotti xogħlijiet reliġjużi favur il-Kattoliċiżmu għan-“Nies tal-Ktieb [il-Bibbja],” bħalma kienu msejħin il-Protestanti. Il-gvern stampa iktar minn miljun ktieb u bagħathom fi nħawi fejn kien hemm għadd kbir taʼ nies li kkonvertew. Il-miżuri tant kienu estremi li jekk xi ħadd marid kien jirrifjuta l-aħħar sagramenti u wara jirkupra, kien jiġi kkundannat għal għomru jew il-ħabs jew fuq ix-xwieni. U meta iktar tard kien imut, ġismu kien sempliċement jintrema ġo miżbla, u ġidu kollu kien jiġi kkonfiskat.
Xi wħud mill-Ugonotti rrikorrew għar-reżistenza bl-użu taʼ l-armi. Fir-reġjun taʼ Cévennes, li kien magħruf għall-fervur reliġjuż tiegħu, l-Ugonotti militanti msejħin Kamiżardi rvellaw fl-1702. Bi tweġiba għall-ambuskati u l-attakki bil-lejl min-naħa tal-Kamiżardi, it-truppi tal-gvern kienu jaħarqu l-irħula. Għalkemm l-attakki taʼ kultant mill-Ugonotti komplew għal xi żmien, sa l-1710 l-qawwa li kellha l-armata tar-Re Lwiġi kienet ġabithom fix-xejn lill-Kamiżardi.
Mod ieħor kif wieġbu l-Ugonotti kien billi ħarbu minn Franza. Din l-emigrazzjoni ġiet imsejħa dijaspora fil-veru sens tal-kelma. Il-biċċa l-kbira mill-Ugonotti kienu spiċċaw b’idhom f’idhom meta telqu minħabba li l-istat kien ikkonfiska dak kollu li kienu jippossiedu, u parti minn dan il-ġid mar għand il-Knisja Kattolika. Għalhekk, ma kinitx ħaġa faċli li taħrab. Il-gvern Franċiż irreaġixxa fil-pront għal dak li kien qed jiġri, billi għamel l-għassa mar-rotot li minnhom setgħu joħorġu mill-pajjiż, u ordna li jsiru tfittxijiet fuq il-bastimenti. Il-pirati kienu jaħtfu l-bastimenti li jħallu Franza, għax min kien jaqbad lil dawk li jkunu ħarbu kien jingħata rigal. L-Ugonotti li kienu jinqabdu jaħarbu kienu jiffaċċjaw kastigi ħorox. Biex tkompli tgħaxxaqha, xi spiji li kienu jaħdmu fost il-komunitajiet kienu jipprovaw jitkixxfu l-ismijiet taʼ dawk li kienu jkunu qed jippjanaw biex jaħarbu, u r-rotta li jkunu se jieħdu. L-ittri interċettati, il-falsifikazzjonijiet, u l-qerq saru affarijiet taʼ kuljum.
Refuġju tant Apprezzat
Il-ħarba taʼ l-Ugonotti minn Franza u l-merħba li ngħataw fil-pajjiżi li ospitawhom kienet magħrufa bħala r-Refuġju. L-Ugonotti ħarbu lejn l-Olanda, l-Isvizzera, il-Ġermanja, u l-Ingilterra. Iktar tard xi wħud marru lejn l-Iskandinavja, l-Amerka, l-Irlanda, l-Indji tal-Punent, l-Afrika t’Isfel, u r-Russja.
Għadd taʼ pajjiżi Ewropej għaddew editti li kienu jinkuraġġixxu lill-Ugonotti biex jimmigraw. Fost l-inċentivi li ġew offruti kien hemm naturalizzazzjoni mingħajr ħlas, eżenzjoni mit-taxxi, u sħubija b’xejn f’għaqdiet taʼ ħaddiema taʼ l-istess sengħa. Skond l-istorjografa Elisabeth Labrousse, l-Ugonotti fil-biċċa l-kbira kienu “rġiel żgħażagħ . . . sudditi mħeġġin għax-xogħol u enerġetiċi, li kienu taʼ valur morali eċċezzjonali.” B’hekk Franza, fil-quċċata tal-qawwa tagħha, tilfet ħaddiema mħarrġin f’għadd taʼ snajjaʼ. Iva, “il-ġid, il-fortuni u t-tekniki” li kellhom, ħaduhom magħhom lejn pajjiżi oħrajn. Fatturi reliġjużi u politiċi wkoll kellhom sehem f’li l-Ugonotti jiġu offruti refuġju. Imma x’kienu l-konsegwenzi fit-tul taʼ din l-emigrazzjoni?
Ir-revokazzjoni taʼ l-Editt taʼ Nantes u l-persekuzzjoni li din ġabet magħha pprovokaw reazzjoni internazzjonali negattiva. Guliermu taʼ Orange kien kapaċi japprofitta ruħu mill-fatt li kulħadd kien kontra Franza biex hu jsir ħakkiem taʼ l-Olanda. Bil-għajnuna taʼ uffiċjali Ugonotti, hu sar ukoll re tal-Gran Britannja, billi ħa post Ġakbu II, li kien Kattoliku. L-istorjografu Philippe Joutard jispjega li “l-politika li biha Lwiġi XIV kien jimxi mal-Protestanti kienet waħda mill-kaġuni prinċipali tat-tneħħija taʼ Ġakbu II [u] tal-formazzjoni tal-lega taʼ Augsburg. . . . [Dawn] il-ġrajjiet huma indikazzjoni li l-folja kienet inqalbet fl-istorja taʼ l-Ewropa, u dan wassal biex l-eġemonija Ingliża tieħu post l-eġemonija Franċiża.”
L-Ugonotti kellhom rwol kulturali importanti fl-Ewropa. Huma wżaw il-libertà ġdida li kisbu biex jipproduċu letteratura li għenet biex jiġu fformati l-filosofija tat-Tidwil u ideat taʼ tolleranza. Per eżempju, wieħed Protestant Franċiż ittraduċa x-xogħlijiet tal-filosfu Ingliż John Locke, u b’hekk kompliet tixtered l-idea tad-drittijiet naturali. Kittieba Protestanti oħrajn enfasizzaw l-importanza tal-libertà tal-kuxjenza. Żviluppat l-idea li l-ubbidjenza lejn il-ħakkiema hija relattiva u tistaʼ tiġi injorata jekk huma jiksru l-kuntratt li kien jeżisti bejnhom u bejn in-nies. B’hekk, bħalma jispjega l-istorjografu Charles Read, ir-revokazzjoni taʼ l-Editt taʼ Nantes kienet “wieħed mill-fatturi ovvji li kkontribwew għar-Rivoluzzjoni Franċiża.”
Ħaduha t-Tagħlima?
Meta qies il-konsegwenzi kontraproduċenti tal-persekuzzjoni u t-telfa taʼ tant nies siewja li sofra l-istat, il-Marquis de Vauban, kunsillier militari tar-Re Lwiġi XIV, ħeġġeġ lir-re biex iġedded l-Editt taʼ Nantes, billi stqarr: “Il-konverżjoni tal-qlub tappartjeni lil Alla biss.” Mela l-Istat Franċiż għala ma ħadhiex it-tagħlima li kellu jieħu u reġġaʼ lura d-deċiżjoni tiegħu? Ċertament, fattur wieħed li kkontribwixxa għal dan kien li r-re beżaʼ li dan kien se jdgħajjef lill-istat. Barra minn hekk, iktar kien jaqbillu jmur għal għajn in-nies u jħeġġeġ il-qawma mill-ġdid tal-Kattoliċiżmu u l-intolleranza reliġjuża taʼ Franza tas-seklu sbatax.
Il-ġrajjiet taʼ żmien ir-revokazzjoni qanqlu lil xi wħud biex jistaqsu, “Is-soċjetà kemm tiflaħ tippermetti u tittollera pluraliżmu?” Tabilħaqq, bħalma osservaw l-istorjografi, wieħed ma jistax jikkunsidra l-istorja taʼ l-Ugonotti mingħajr ma jaħseb dwar “il-mekkaniżmi tal-poter u l-perversjonijiet tagħhom.” Fis-soċjetajiet tal-lum, li dejjem qegħdin isiru iktar multirazzjali u komposti minn reliġjonijiet differenti, il-ħarba taʼ l-Ugonotti lejn il-libertà hija tfakkira punġenti taʼ dak li jiġri meta l-politika ispirata mill-knisja tieħu preminenza fuq l-aħjar interessi tal-poplu.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-kaxxa f’paġna 28.
[Kaxxa f’paġna 28]
Id-Dragunnati
Konverżjoni bit-Terrur
Xi wħud qiesu lid-draguni bħala “missjunarji eċċellenti.” Madankollu, fost l-Ugonotti, dawn qanqlu l-paniku, u f’xi każi rħula sħaħ kienu jikkonvertu għall-Kattoliċiżmu malli kienu jisimgħu bil-wasla tagħhom. Imma min kienu dawn id-draguni?
Id-draguni kienu suldati armati sa snienhom li kienu jalloġġaw fid-djar taʼ l-Ugonotti bl-iskop li jintimidaw lill-inkwilini. L-użu tad-draguni b’dan il-mod kien magħruf bħala d-dragunnati. Biex jiżdied il-piż impoġġi fuq dawn il-familji, in-numru taʼ suldati li kienu jintbagħtu f’dar kien sproporzjonat meta mqabbel mar-riżorsi tal-familja. Id-draguni kellhom l-awtorità li jittrattaw brutalment lill-familji, iġagħluhom ibatu minn nuqqas taʼ rqad, u jeqirdu l-affarijiet li kienu jippossiedu. Jekk l-inkwilini kienu jiċħdu b’ħalfa l-fidi Protestanta, id-draguni kienu jitilqu minn hemm.
Id-dragunnati kienu jintużaw biex jinkisbu l-konverżjonijiet fl-1681 fi Poitou, fil-Punent taʼ Franza, post li fih kienu joqogħdu ħafna Ugonotti. F’temp taʼ ftit xhur, ikkonvertew minn 30,000 sa 35,000 ruħ. L-istess mezz ġie wżat fl-1685 f’territorji oħrajn fejn kienu jgħixu l-Ugonotti. Fi ftit xhur, irnexxielhom jiksbu minn 300,000 sa 400,000 ċaħda b’ħalfa. Skond l-istorjografu Jean Quéniart, is-suċċess tad-dragunnati “għamel lir-Revokazzjoni [taʼ l-Editt tolleranti taʼ Nantes] xi ħaġa inevitabbli, għaliex issa din kienet tidher possibbli.”
[Sors]
© Cliché Bibliothèque Nationale de France, Paris
[Stampa f’paġna 25]
Din id-dikjarazzjoni taʼ l-1689 offriet refuġju lill-Protestanti Franċiżi li kienu qed ifittxu serħan mill-oppressjoni reliġjuża
[Sors]
Bil-permess taʼ The Huguenot Library, Huguenot Society of Great Britain and Ireland, London
[Stampa f’paġna 26]
Ir-Revokazzjoni taʼ l-Editt taʼ Nantes, 1685 (Din hija l-ewwel paġna tar-revokazzjoni)
[Sors]
Documents conservés au Centre Historique des Archives nationales à Paris
[Stampa f’paġna 26]
Ħafna tempji Protestanti sfaw meqrudin
[Sors]
© Cliché Bibliothèque Nationale de France, Paris