Il-Paċi taʼ Westphalia-Żmien taʼ Bidla Kruċjali fl-Ewropa
“TASSEW hija ġrajja rari li daqstant kapijiet Ewropej taʼ l-Istat jinġabru flimkien bħalma nġabru hawnhekk illum.” Roman Herzog, li qabel kien president tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għamel din l-istqarrija f’Ottubru taʼ l-1998. Meta għamel dan il-kumment, fl-udjenza kien hemm erbaʼ rejiet, erbaʼ reġini, żewġ prinċpijiet, granduka, u diversi presidenti. Il-ġrajja msemmija, sponsorjata mill-Kunsill taʼ l-Ewropa, kienet waħda importanti ferm fil-50 sena taʼ storja taʼ l-istat modern tal-Ġermanja. X’kienet l-okkażjoni?
Ottubru taʼ l-1998 kien it-350 anniversarju tat-Trattat taʼ Paċi taʼ Westphalia. Ħafna drabi, il-ftehim taʼ paċi huwa ż-żmien meta jittieħdu deċiżjonijiet importanti li jeffettwaw il-futur taʼ l-istorja, u f’dan l-aspett it-Trattat taʼ Westphalia kien speċjali. L-iffirmar taʼ dan il-ftehim fl-1648 temm il-Gwerra taʼ Tletin Sena u ta bidu għal Ewropa moderna bħala kontinent taʼ stati sovrani.
Ordni Stabbilit Jieħu Daqqa taʼ Ħarta
Matul il-Medju Evu, l-iktar istituzzjonijiet potenti fl-Ewropa kienu l-Knisja Kattolika Rumana u l-Imperu Ruman Qaddis. L-imperu kien magħmul minn mijiet taʼ stati b’daqs differenti u kien ikopri medda t’art fejn illum insibu l-Awstrija, il-Ġermanja, l-Isvizzera, partijiet taʼ l-Italja, il-lvant taʼ Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi, u r-Repubblika Ċeka. Ladarba l-istati Ġermaniżi kienu jifformaw il-parti kbira minnu, l-imperu sar magħruf bħala l-Imperu Ruman Qaddis tan-Nazzjon Ġermaniż. Kull stat kien jitmexxa minn prinċep imma xorta kien jibqaʼ jaqaʼ taħt dan l-imperu. L-imperatur innifsu kien Kattoliku Ruman mill-familja Habsburg taʼ l-Awstrija. Għaldaqstant, ladarba kienu l-papa u l-imperatur li kellhom il-poter, l-Ewropa kienet bla dubju tinsab f’idejn Kattoliċi Rumani.
Madankollu, fis-sekli 16 u 17, l-ordni stabbilit ħa daqqa taʼ ħarta. L-Ewropa kollha kienet xebgħet bl-imġiba eċċessiva tal-Knisja Kattolika Rumana. Riformaturi reliġjużi bħal Martin Luteru u John Calvin bdew jitkellmu dwar ritorn għall-valuri Bibliċi. Luteru u Calvin sabu appoġġ kbir, u minn dan il-moviment twaqqfu r-reliġjonijiet Riformati u Protestanti. Ir-Riforma qasmet l-imperu fi tliet reliġjonijiet—dik Kattolika, Luterana, u Kalvinista.
Il-Kattoliċi ma kinux jafdawhom lill-Protestanti, u l-Protestanti kienu jiddisprezzawhom lill-Kattoliċi rivali tagħhom. Din l-atmosfera wasslet biex jiġu fformati l-Unjoni Protestanta u l-Lega Kattolika fil-bidu tas-seklu 17. Xi prinċpijiet taʼ l-imperu ngħaqdu maʼ l-Unjoni u oħrajn mal-Lega. Fl-Ewropa—u b’mod partikulari fl-imperu—kien hemm atmosfera qawwija taʼ nuqqas taʼ fiduċja, u maʼ l-inqas xrara taʼ provokazzjoni kienet se tfaqqaʼ gwerra. Sa fl-aħħar hekk ġara, u minn xrara waħda beda konflitt li dam għaddej tul it-30 sena taʼ wara.
Xrara Qattiela Tqabbad l-Ewropa Kollha
Il-mexxejja Protestanti pprovaw jinfluwenzaw lill-familja Kattolika Habsburg biex tippermetti iktar libertà tal-qima. Imma l-bidliet li xtaqu ma ġewx mingħajr reżistenza, tant li fl-1617-18, żewġ knejjes Luterani fil-Boemja (ir-Repubblika Ċeka) ġew imġagħlin jagħlqu. Xi nobbli Protestanti ħaduha b’offiża, u daħlu rrabjati f’palazz fi Praga, ħatfu tliet uffiċjali Kattoliċi, u tefgħuhom mit-tieqa għal isfel. Din l-azzjoni kienet ix-xrara li tat in-nar lill-Ewropa.
Għalkemm huma suppost li kienu segwaċi tal-Prinċep tas-Sliem, Ġesù Kristu, dawn il-membri taʼ reliġjonijiet opposti issa kienu qed jiġġieldu kontra xulxin. (Isaija 9:5 [9:6, NW]) Fil-Battalja tal-Muntanja l-Bajda, il-Lega għelbet lill-Unjoni, u din sfaxxat. Nobbli Protestanti ngħataw il-mewt fis-suq taʼ Praga. Fil-Boemja kollha, il-proprjetà taʼ dawk il-Protestanti li ma kinux jiċħdu twemminhom kienet tiġi konfiskata u tinqasam bejn il-Kattoliċi. Il-ktieb 1648—Krieg und Frieden in Europa (1648—Il-Gwerra u l-Paċi fl-Ewropa) jiddeskrivi din il-konfiska bħala “waħda mill-akbar bidliet fil-pussess taʼ proprjetà li qatt kien hawn fl-Ewropa ċentrali.”
Dak li beda bħala konflitt reliġjuż fil-Boemja kiber u sar taqbida internazzjonali għall-poter. Matul it-30 sena taʼ wara, f’din it-taqbida daħlu d-Danimarka, Franza, l-Isvezja, l-Olanda, u Spanja. Mexxejja Kattoliċi u Protestanti, spiss motivati mir-regħba u l-kilba għall-poter, issaraw biex jiksbu supremazija politika u gwadann kummerċjali. Il-Gwerra taʼ Tletin Sena nqasmet fi stadji; kull stadju ngħata l-isem taʼ l-għedewwa prinċipali taʼ l-imperatur. Diversi xogħlijiet taʼ referenza jsemmu erbaʼ stadji minn dawn: il-Gwerra Boema u Palatina, il-Gwerra Daniża u tas-Sassonja t’Isfel, il-Gwerra Svediża, u l-Gwerra Franċiża u Svediża. Il-biċċa l-kbira mill-ġlied sar fuq territorju taʼ l-imperu.
L-armi li kienu jintużaw dakinhar kienu jinkludu pistoli, azzarini, u kanuni taʼ diversi għamla u użu. L-Isvezja kienet tforni l-maġġuranza taʼ l-armi. Il-Kattoliċi u l-Protestanti kienu qed jitqabdu kontra xulxin. Is-suldati Kattoliċi kienu jmorru għall-gwerra jgħajtu “Santa Marija” u s-suldati Protestanti jgħajtu “Alla magħna.” It-truppi daħlu bil-forza fi stati Ġermaniżi, ħadu kulma sabu fi triqithom u ttrattaw lill-għedewwa u lin-nies pajżana bħall-annimali. Il-gwerra spiċċat f’barbariżmu sħiħ. X’kuntrast kien dan mal-profezija tal-Bibbja: “Il-ġnus ma jisiltux ix-xwabel għal xulxin, u ma jitħarrġux aktar għall-gwerra”!—Mikea 4:3.
Ġenerazzjoni sħiħa taʼ Ġermaniżi trabbiet f’ambjent taʼ gwerra, u n-nies kienu xebgħu u xxennqu għall-paċi. Mid-dehra, il-paċi kienet tkun possibbli kieku ma kienx għall-mexxejja li kellhom interessi politiċi differenti. Ir-reliġjon ma baqgħetx iktar ir-raġuni ewlenija taʼ din il-gwerra u minflokha daħal l-element politiku. Ironikament, bniedem li inkuraġġixxa din il-bidla kien uffiċjal għoli tal-Knisja Kattolika.
Il-Kardinal Richelieu Jieħu x-Xettru f’Idejh
It-titlu uffiċjali taʼ Armand-Jean du Plessis kien Kardinal de Richelieu. Hu kien ukoll il-prim ministru taʼ Franza mill-1624 sa l-1642. Il-mira taʼ Richelieu kienet li jagħmel lil Franza l-iktar potenza qawwija fl-Ewropa. Biex iwettaq l-iskop tiegħu, hu pprova jnaqqas bil-mod il-mod il-poter tal-membri tal-familja Habsburg li kienu Kattoliċi bħalu. Dan kif għamlu? Billi ffinanzja l-armati Protestanti taʼ l-istati Ġermaniżi, id-Danimarka, l-Olanda, u l-Isvezja, li lkoll kemm huma kienu qed jiġġieldu kontra l-familja Habsburg.
Fl-1635, Richelieu bagħat għall-ewwel darba lit-truppi Franċiżi għall-gwerra. Il-ktieb vivat pax—Es lebe der Friede! (Viva l-Paċi!) jispjega li fl-aħħar stadju tagħha, “il-Gwerra taʼ Tletin Sena ma baqgħetx iktar konflitt bejn partijiet reliġjużi. . . . Il-gwerra saret taqbida għas-supremazija politika fl-Ewropa.” Il-konflitt reliġjuż li beda bejn Kattoliċi u Protestanti spiċċa b’Kattoliċi jiġġieldu spalla maʼ spalla maʼ Protestanti kontra Kattoliċi oħra. Il-Lega Kattolika, li diġà kienet bdiet tiddgħajjef sa mill-1630, spiċċat fix-xejn fl-1635.
Konferenza tal-Paċi f’Westphalia
L-Ewropa kienet tinsab f’ħerba minħabba s-serq, qtil, stupri, u mard. Maż-żmien, ix-xewqa għall-paċi bdiet tiżdied, iktar u iktar meta n-nies bdew jirrealizzaw li din kienet gwerra li ħadd ma setaʼ jirbaħha. Il-ktieb vivat pax—Es lebe der Friede! jgħid li ‘lejn tmiem is-snin tletin tas-seklu 17, il-prinċpijiet responsabbli fl-aħħar irrikonoxxew li l-qawwa militari ma kinitx se tgħinhom iktar biex jilħqu l-iskop tagħhom.’ Imma jekk kulħadd xtaq il-paċi, kif kien se jirnexxilhom iġibuha?
L-Imperatur Ferdinandu III taʼ l-Imperu Ruman Qaddis, ir-Re Lwiġi XIII taʼ Franza, u r-Reġina Kristina taʼ l-Isvezja qablu li kellha tinżamm konferenza sabiex dawk kollha involuti fil-gwerra jiltaqgħu u jinnegozjaw għall-paċi. Għat-taħditiet intgħażlu żewġ postijiet—il-bliet taʼ Osnabrück u Münster fil-provinċja Ġermaniża taʼ Westphalia. Dawn intgħażlu għax kienu nofs triq bejn il-kapitali taʼ l-Isvezja u Franza. Fl-1643, madwar 150 delegazzjoni—xi wħud minnhom b’timijiet kbar taʼ konsulenti—waslu fiż-żewġt ibliet, bir-rappreżentanti Kattoliċi li nġabru f’Münster u d-delegati Protestanti li nġabru f’Osnabrück.
L-ewwel, ġie stabbilit metodu taʼ proċedura biex jiġu deċiżi affarijiet bħat-titlu u l-grad tad-delegati, kif u fejn kellhom ipoġġu bil-qiegħda, u kif kellhom isiru l-proċeduri. Imbagħad bdew it-taħditiet għall-paċi, billi kull delegazzjoni kienet tgħaddi l-proposti tagħha lil delegazzjoni oħra permezz taʼ medjaturi. Wara kważi ħames snin—waqt li l-gwerra kompliet għaddejja—intlaħaq ftehim għall-paċi. It-Trattat taʼ Westphalia kien jikkonsisti f’iktar minn dokument wieħed. Ftehim minnhom ġie ffirmat bejn l-Imperatur Ferdinandu III u l-Isvezja, u ieħor f’Münster bejn l-imperatur u Franza.
Malli xterdet l-aħbar tat-trattat, in-nies bdew jiċċelebraw. Il-gwerra li bdiet permezz taʼ xrara qattiela spiċċat b’logħob tan-nar letterali. Is-sema f’diversi bliet xegħel bil-murtali. Kien hemm qniepen idoqqu, kanuni jisparaw b’turija taʼ qbil mat-trattat, u nies ikantaw fit-toroq. Setgħet issa l-Ewropa tistenna paċi dejjiema?
Hija l-Paċi Dejjiema Possibbli?
It-Trattat taʼ Westphalia rrikonoxxa l-prinċipju tas-sovranità. Dan kien ifisser li kull naħa fit-trattat kienet taqbel li tirrispetta d-drittijiet territorjali tal-partijiet l-oħra kollha u li ma kellhiex tindaħal fi kwistjonijiet interni. B’hekk twieldet Ewropa moderna bħala kontinent taʼ stati sovrani. Xi wħud minn dawn l-istati ggwadannjaw mit-trattat iktar minn stati oħrajn.
Franza saret potenza kbira, u l-Olanda u l-Isvizzera kisbu l-indipendenza. It-trattat kellu l-iżvantaġġi tiegħu għall-istati Ġermaniżi li kienu kważi nqerdu kollha bil-gwerra. Sa ċertu punt, id-destin tal-Ġermanja ġie deċiż minn nazzjonijiet oħrajn. The New Encyclopædia Britannica tirrapporta: “Il-qligħ u t-telf tal-prinċpijiet Ġermaniżi kienu determinati minn dak li kien jaqblilhom il-potenzi prinċipali: Franza, l-Isvezja, u l-Awstrija.” Minflok ma nġabru flimkien u ngħaqdu f’nazzjon wieħed, l-istati Ġermaniżi baqgħu mifrudin bħalma kienu qabel. Barra minn hekk, xi partijiet mill-Ġermanja waqgħu f’idejn mexxejja barranin, l-istess bħalma ġara lil partijiet mix-xmajjar prinċipali tal-Ġermanja—ir-Renu, l-Elbe, u l-Oder.
Ir-reliġjonijiet Kattoliċi, Luterani, u Kalvinisti ġew rikonoxxuti bħala li huma kollha ndaqs. Mhux kulħadd ħa pjaċir b’dan. Papa Innoċenz X ħadha qatta bla ħabel kontra t-trattat, u ddikjarah null u invalidu. Minkejja dan, il-fruntieri reliġjużi li ġew stabbiliti baqgħu kważi l-istess għal tliet sekli sħaħ. Għalkemm ma kienx għadu wasal il-waqt li kull individwu jkollu l-libertà li jagħżel ir-reliġjon li jixtieq hu, din kienet għamlet pass ieħor ’il quddiem.
It-trattat temm il-Gwerra taʼ Tletin Sena, u magħha spiċċat ħafna mill-mibegħda li kien hemm. Din kienet l-aħħar gwerra reliġjuża kbira fl-Ewropa. Il-gwerer ma waqfux, imma minflok ma bdew isiru minħabba r-reliġjon issa bdew isiru minħabba l-politika jew il-kummerċ. Dan ma jfissirx li r-reliġjon tilfet kull influwenza li kellha fil-gwerer Ewropej. Fl-Ewwel u t-Tieni Gwerra Dinjija, is-suldati Ġermaniżi kellhom din il-frażi familjari minquxa fuq il-bokkla taċ-ċinturin: “Alla Magħna.” Matul dawk il-konflitti orribbli, il-Kattoliċi u l-Protestanti għal darb’oħra ġġieldu spalla maʼ spalla kontra l-Kattoliċi u l-Protestanti tan-naħa taʼ l-għadu.
B’mod ċar, it-Trattat taʼ Westphalia ma ġabx paċi dejjiema. Madankollu, il-bnedmin ubbidjenti dalwaqt se jgawdu paċi bħal din. Alla Jehovah se jġib paċi dejjiema lill-bnedmin permezz tas-Saltna Messjanika taʼ Ibnu, Ġesù Kristu. Taħt dan il-gvern, ir-reliġjon vera u unika se tgħaqqad, u mhux tifred. Ħadd ma se jmur għall-gwerra, la għal raġuni reliġjuża u lanqas għal xi raġuni oħra. X’serħan se jkun hemm meta s-Saltna se tmexxi l-art kollha u ‘s-sliem ikun bla qjies’!—Isaija 9:5, 6 (9:6,7, NW).
[Kumment f’paġna 21]
Il-konflitt li beda bejn Kattoliċi u Protestanti spiċċa b’Kattoliċi jiġġieldu spalla maʼ spalla maʼ Protestanti kontra Kattoliċi oħra
[Kumment f’paġna 22]
Is-suldati marru għall-gwerra jgħajtu jew “Santa Marija” jew “Alla magħna”
[Stampa f’paġna 21]
Il-Kardinal Richelieu
[Stampa f’paġna 23]
Pittura tas-seklu 16 li turi l-ġlieda bejn Luteru, Calvin, u l-papa
[Sors tal-Istampa f’paġna 20]
Mill-ktieb Spamers Illustrierte Weltgeschichte VI
[Sors tal-Istampas f’paġna 23]
Mexxejja reliġjużi jiġġieldu: Mill-ktieb Wider die Pfaffenherrschaft; mappa: The Complete Encyclopedia of Illustration/J. G. Heck