LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 7/15 pp. 4-6
  • Liema Futur Tixtieq Għal Uliedek?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Liema Futur Tixtieq Għal Uliedek?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Meta l-​Ġenituri Jimpurtahom Verament
  • Għinhom Jagħżlu Xogħol Addattat
  • Kif Tistaʼ Tissodisfa l-​Bżonnijiet Emozzjonali Tagħhom?
  • Modi kif Tilħaq il-​Bżonnijiet Spiritwali Tagħhom
  • Meta t-​Tfal Kollha se Jkunu Protetti
  • It-Tfal Huma “Wirt Mingħand Ġeħova”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
  • Ġenituri—Għinu lit-Tfal Tagħkom Iħobbu lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Ħarreġ lit-Tfal Tiegħek mill-Infanzja
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Ġenituri—Ħarrġu lil Uliedkom bl-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 7/15 pp. 4-6

Liema Futur Tixtieq Għal Uliedek?

TQIS int lil uliedek bħala li huma wirt taʼ valur kbir? (Salm 127:3) Jew tħoss it-​trobbija tagħhom bħala piż finanzjarju mingħajr ebda garanzija taʼ suċċess? Iktar milli ġġib il-​qligħ, it-​trobbija tat-​tfal tiswa l-​flus sakemm dawn ikunu jistgħu jmantnu lilhom infushom. L-​istess bħalma wieħed irid jippjana tajjeb biex jimmaniġġa xi fortuna li jkun wiret, daqstant għandhom xogħol il-​ġenituri li jridu jkunu taʼ suċċess.

Ġenituri li jimpurtahom jixtiequ jagħtu lil uliedhom bidu tajjeb fil-​ħajja. Għalkemm f’din id-​dinja jistgħu jiġru affarijiet ħżiena u taʼ niket, il-​ġenituri jistgħu jagħmlu ħafna biex jipproteġu lil uliedhom. Ikkunsidra l-​każ taʼ Werner u Eva, li ssemmew fl-​artiklu taʼ qabel.a

Meta l-​Ġenituri Jimpurtahom Verament

Werner jirrapporta li minflok ma ħallew kollox għal riħu, il-​ġenituri tiegħu wrew interess ġenwin f’dak li kien qiegħed jiġri fl-​iskola. “Apprezzajt ħafna s-​suġġerimenti prattiċi li tawni, u ħassejt li kien jimpurtahom minni u kienu qegħdin jappoġġjawni. Bħala ġenituri, kienu stretti mhux ħażin, imma kont naf li kienu l-​ħbieb veri tiegħi.” U meta Eva tant kienet inkwetat fuq ix-​xogħol tagħha taʼ l-​iskola li saret dipressa u kellha l-​problemi biex torqod, il-​ġenituri tagħha, Francisco u Inez, qattgħu ħin konsiderevoli magħha wkoll, jitkellmu magħha u jgħinuha biex terġaʼ ssib il-​bilanċ mentali u spiritwali.

Francisco u Inez kif ipprovaw jipproteġu lil uliedhom u jħejjuhom għall-​ħajja adulta? Tajjeb, minn mindu t-​tfal kienu daqsxejn taʼ tarbija, dawn il-​ġenituri kollhom imħabba kienu dejjem jinvolvuhom fl-​attivitajiet tagħhom taʼ kuljum. Minflok ma joħorġu biss mal-​ħbieb adulti tagħhom, Inez u Francisco kienu jieħdu t-​tfal magħhom kulfejn imorru. Bħala ġenituri kollhom imħabba, huma taw ukoll gwida xierqa lil binhom u lil binthom. Tgħid Inez: “Għallimniehom jieħdu ħsieb id-​dar, ikunu ekonomiċi, u jieħdu ħsieb ħwejjiġhom. U għenna kemm lit-​tifel u kemm lit-​tifla biex jagħżlu professjoni u biex jibbilanċjaw ir-​responsabbiltajiet tagħhom maʼ l-​interessi spiritwali.”

Kemm huwa vitali li ssir taf lil uliedek u tipprovdilhom gwida bħala ġenitur! Ejjew neżaminaw tliet aspetti fejn int tistaʼ tagħmel dan: (1) Għin lil uliedek jagħżlu tip taʼ xogħol sekulari addattat; (2) ħejjihom biex ikampaw mat-​tensjoni emozzjonali fl-​iskola u fuq il-​post tax-​xogħol; (3) urihom kif jissodisfaw il-​bżonnijiet spiritwali tagħhom.

Għinhom Jagħżlu Xogħol Addattat

Peress li x-​xogħol sekulari taʼ individwu ma jeffettwax biss il-​qagħda finanzjarja tiegħu imma jiħodlu wkoll ħafna mill-​ħin tiegħu, aspett xieraq tax-​xogħol tal-​ġenituri jinkludi li jiġu kkunsidrati l-​interessi u l-​abbiltajiet taʼ kull tifel u tifla. Peress li l-​ebda individwu kuxjenzjuż ma jixtieq ikun taʼ piż għal ħaddieħor, il-​ġenituri għandhom jaħsbu serjament dwar kif uliedhom jistgħu jiġu mħejjijin biex imantnu lilhom infushom u lil familja. It-​tifel jew it-​tifla tiegħek se jkollhom bżonn jitgħallmu xi sengħa sabiex jaqilgħu għajxien diċenti? Bħala ġenitur li jimpurtak verament, agħmel sforzi kontinwi biex tgħin lit-​tfal tiegħek jiżviluppaw kwalitajiet bħalma huma x-​xewqa li jaħdmu bi bżulija, ir-​rieda li jitgħallmu, u l-​abbiltà li jingwalawha m’oħrajn.

Ikkunsidra lil Nicole. Hi tgħid: “Il-​ġenituri tiegħi daħħluni naħdem magħhom fin-​negozju li kellhom tat-​tindif. Huma ssuġġerew li noħroġ persentaġġ mill-​paga tiegħi biex jitħallsu l-​ispejjeż tad-​dar tagħna u nżomm il-​bqija għalija biex nonfoqhom jew inġemmagħhom. Dan tani sens akbar taʼ responsabbiltà u kien verament utli għalija iktar ma kbirt.”

Il-Kelma t’Alla, il-​Bibbja, ma tispeċifikax x’tip taʼ xogħol sekulari wieħed għandu jagħżel. Imma din tipprovdi linji taʼ gwida taʼ min joqgħod fuqhom. Per eżempju, l-​appostlu Pawlu qal: “Jekk xi ħadd ma jridx jaħdem, dan anqas ma għandu jiekol.” Fl-​ittra tiegħu lill-​Kristjani f’Tessalonika, qal ukoll: “Aħna smajna li hemm xi wħud fostkom li qegħdin jitgħażżnu; m’humiex jaħdmu, imma qed jinħlew fix-​xejn. Lil dawn in-​nies nordnawlhom u nwissuhom, f’isem il-​Mulej Ġesù Kristu, biex jaħdmu sewwa u għajxienhom jaqilgħuh.”—2 Tessalonikin 3:10-12.

Madankollu, li wieħed isib xogħol u jaqlaʼ l-​flus m’huwiex kollox fil-​ħajja. Maż-​żmien, dawk li huma ambizzjużi żżejjed x’aktarx li ma jibqgħux kuntenti u forsi jindunaw li qed ‘jiġru wara r-​riħ.’ (Koħèlet 1:14) Minflok ma joqogħdu jħeġġu lil uliedhom biex isusu wara l-​popolarità u l-​prosperità, il-​ġenituri jagħmlu tajjeb jekk jgħinuhom jaraw l-​għerf li fih il-​kliem ispirat b’mod divin taʼ l-​appostlu Ġwanni: “Tħobbux id-​dinja u anqas dak li hemm fiha. Jekk xi ħadd iħobb id-​dinja, l-​imħabba tal-​Missier ma tgħammarx fih. Kull ma fiha d-​dinja, jiġifieri l-​ġibda tal-​ġisem u l-​ġibda taʼ l-​għajnejn u l-​kburija tal-​ħajja, dan m’huwiex ġej mill-​Missier imma mid-​dinja. U d-​dinja bil-​ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-​rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġwann 2:15-17.

Kif Tistaʼ Tissodisfa l-​Bżonnijiet Emozzjonali Tagħhom?

Bħala ġenitur, għala ma tkunx bħal dak li jħarreġ lill-​atleti? Hu ma jiffokax biss fuq li jiżviluppa fl-​atleti li jkollu taħt idejh il-​kapaċità fiżika li jiġru b’iktar ħeffa jew li jaqbżu iktar fit-​tul. X’aktarx, hu jipprova jgħinhom ukoll biex jegħlbu kwalunkwe attitudni negattiva, u b’hekk isaħħaħ il-​qawwa emozzjonali tagħhom. Fil-​każ tiegħek, kif tistaʼ tinkuraġġixxi, tibni, u timmotiva lit-​tfal tiegħek?

Ikkunsidra lil Rogério, żagħżugħ taʼ 13-il sena. Minbarra t-​taqlib li ħass ġewwa fih bħala riżultat taʼ bidliet f’ġismu, ġarrab ukoll tensjoni emozzjonali minħabba disgwid bejn il-​ġenituri u nuqqas t’attenzjoni min-​naħa tagħhom. X’jistaʼ jsir għal żgħażagħ bħalu? Għalkemm huwa impossibbli li tipproteġi lil uliedek mill-​ansjetajiet u mill-​influwenzi ħżiena kollha, qatt tabbanduna l-​irwol tiegħek bħala ġenitur. Mingħajr ma tkun protettiv iżżejjed, iddixxiplina lil uliedek bil-​fehma, waqt li żżomm dejjem f’moħħok li kull tifel u tifla huma uniċi. Billi turi l-​qalb tajba u l-​imħabba, tistaʼ tagħmel ħafna biex żagħżugħ iħossu protett. Dan se jżommu lura wkoll milli jikber mingħajr il-​fiduċja u r-​rispett tiegħu nnifsu.

Kienu kemm kienu taʼ suċċess il-​ġenituri tiegħek f’li jissodisfaw il-​bżonnijiet emozzjonali tiegħek, tliet affarijiet jistgħu jgħinuk ikollok suċċess f’li tkun ġenitur verament t’għajnuna: (1) Evita li tkun tant aljenat bid-​diffikultajiet tiegħek stess li tispiċċa tinjora l-​problemi taʼ wliedek li mingħalik ikunu żgħar; (2) stinka biex ikollok komunikazzjoni pjaċevoli u sinjifikanti magħhom kuljum; (3) ippromwovi attitudni pożittiva rigward kif issolvi l-​problemi u tittratta man-​nies.

Meta tħares lura għal meta kienet żagħżugħa, Birgit tgħid: “Kelli nitgħallem li ma tistax tbiddel lin-​nies biex isiru kif tixtieqhom int. Ommi rraġunat miegħi illi kieku kelli nara xi ħaġa f’oħrajn li ma kinitx togħġobni, dak li stajt nagħmel kien li nevita li nsir bħalhom. Hi qaltli wkoll li l-​aħjar żmien biex inbiddel il-​modi tiegħi huwa waqt li nkun għadni żgħira.”

Madankollu, uliedek jeħtieġu iktar minn impjieg u stabbiltà emozzjonali. Staqsi lilek innifsek, ‘Inħares jien lejn ix-​xogħol taʼ ġenitur bħala responsabbiltà mogħtija minn Alla?’ Jekk iva, int għandek tieħu ħsieb il-​bżonnijiet spiritwali tat-​tfal tiegħek.

Modi kif Tilħaq il-​Bżonnijiet Spiritwali Tagħhom

Fil-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù Kristu qal: “Henjin il-​foqra fl-​ispirtu [“dawk konxji tal-​bżonn spiritwali,” New World Translation], għax tagħhom hija s-​Saltna tas-​Smewwiet.” (Mattew 5:3) X’inhu involut f’li jiġu ssodisfati l-​bżonnijiet spiritwali? It-​tfal jibbenefikaw bil-​kbir meta l-​ġenituri jagħtu eżempju tajjeb f’li juru fidi f’Alla Jehovah. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Mingħajr il-​fidi ma jistax ikun li wieħed jogħġob lil Alla. Għax kull min jersaq lejn Alla jeħtieġlu jemmen li Alla jeżisti u li hu jagħti l-​ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.” (Lhud 11:6) Madankollu, sabiex il-​fidi jkollha sinjifikat veru, jinħtieġ it-​talb. (Rumani 12:12) Jekk int tirrikonoxxi l-​bżonn spiritwali tiegħek innifsek, se tfittex il-​gwida divina, bħalma għamel missier it-​tifel li kien sar l-​Imħallef taʼ fama, Sansun taʼ Iżrael. (Mħallfin 13:8) Mhux biss se titlob imma wkoll se ddur għall-​Kelma ispirata t’Alla, il-​Bibbja, għall-​għajnuna.—2 Timotju 3:16, 17.b

Minkejja x-​xogħol iebes kollu involut f’li tingħata gwida taʼ min joqgħod fuqha, appoġġ emozzjonali, u għajnuna spiritwali, ix-​xogħol taʼ ġenitur jistaʼ jkun premjanti. Missier taʼ tnejn fil-​Brażil jikkummenta: “Lanqas biss nistaʼ nimmaġinani mingħajr it-​tfal. Hemm tant affarijiet tajbin li nistgħu naqsmu magħhom.” F’li tispjega għala t-​tfal sejrin tajjeb, l-​omm iżżid: “Aħna dejjem flimkien, u nipprovaw nagħmlu l-​affarijiet b’sens festiv u ferrieħi. U, l-​iktar importanti, aħna dejjem nitolbu għat-​tfal.”

Priscilla tiftakar l-​imħabba u l-​paċenzja li wrew magħha l-​ġenituri tagħha kulmeta kien ikollha xi problema. “Huma kienu l-​ħbieb veri tiegħi u għenuni f’kollox,” tgħid hi. “Meta kont żgħira, tassew kont inħossni li qiegħda niġi ttrattata bħala ‘wirt il-​Mulej.’” (Salm 127:3) Bħal ħafna ġenituri oħrajn, għala ma tippjanax ħin maʼ wliedek sabiex tkunu tistgħu taqraw flimkien il-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet Kristjani? Li tikkunsidraw rakkonti u prinċipji Bibliċi f’atmosfera pożittiva jistaʼ jgħin lil uliedek biex ikunu fiduċjużi u jkollhom tama vera għall-​futur.

Meta t-​Tfal Kollha se Jkunu Protetti

Għalkemm għal ħafna tfal il-​futur illum jidher iswed, il-​Kelma t’Alla tiggarantixxi li l-​art dalwaqt se tkun dar protetta għall-​umanità. Immaġina ż-​żmien fid-​dinja l-​ġdida mwiegħda minn Alla meta l-​ġenituri m’humiex se jkollhom għalfejn jinkwetaw dwar is-​sigurtà taʼ wliedhom! (2 Pietru 3:13) Ipprova ġib quddiem għajnejk it-​twettiq grandjuż taʼ din il-​profezija: “Il-​lupu jibda jgħix mal-​ħaruf, il-​leopard mal-​gidi, u jirgħu flimkien l-​għoġol u ferħ l-​iljun, daqsxejn taʼ tfajjel isuqhom.” (Isaija 11:6) Anki llum, is-​sigurezza spiritwali deskritta f’dan il-​kliem għandha twettiq figurattiv fost dawk li jaqdu lil Jehovah. Fost dawn l-​uħud, int se tħoss l-​indokrar kollu mħabba t’Alla. Jekk turi mħabba lejn Alla, tistaʼ tibqaʼ ċert li hu jifhem is-​sentimenti tiegħek bħala ġenitur u se jgħinek tkampa maʼ l-​ansjetajiet u l-​provi li tistaʼ tiltaqaʼ magħhom. Studja l-​Kelma tiegħu u poġġi t-​tama tiegħek f’Saltnatu.

Għin lil uliedek biex jiksbu ħajja eterna billi tagħtihom eżempju mill-​aħjar. Jekk tagħmel lil Alla Jehovah l-​kenn tiegħek, il-​futur tiegħek u dak taʼ wliedek jistaʼ jisboq l-​istennijiet kollha tagħkom. Jistaʼ jkollkom l-​istess fiduċja li kellu s-​salmista meta kanta: “Qiegħed fil-​Mulej l-​għaxqa tiegħek, u jagħtik dak li tixtieq qalbek.”—Salm 37:4.

[Noti taʼ taħt]

a F’dan l-​artiklu l-​ismijiet ġew mibdulin.

b Ara kapitli 5 sa 7 fil-​ktieb Is-​Sigriet taʼ l-​Hena fil-​Familja, ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja