Kif Tistaʼ Tipproteġi lil Uliedek?
WARA xi snin li kien ilu jattendi l-iskola fejn kien joqgħod, Wernera beda studji avanzati flimkien maʼ madwar 3,000 żagħżugħ ieħor f’São Paulo, il-Brażil. Għall-ewwel darba, hu osserva lil studenti sħabu jbigħu u jużaw id-drogi. Peress li kien magħmul żgħir, dan malajr sar vittma taʼ riti degradanti u perikolużi li kienu jagħmlu studenti akbar fl-età meta xi ħadd kien jingħaqad magħhom.
Oħt Werner, Eva, ukoll kellha l-problemi. Billi riedet tagħmel ħilitha kollha, din tant studjat intensament li spiċċat eżawrita u moħħha konfuż. Bħal adolexxenti oħrajn, Werner u Eva kellhom bżonn protezzjoni kemm fiżika kif ukoll emozzjonali. X’tip t’għajnuna jeħtieġu wliedek? Kif tistaʼ tħejjihom għall-ħajja adulta? Tabilħaqq, liema futur tixtieq għal uliedek?
Jeħtieġu Iktar minn Susteniment
Aħseb għal mument dwar l-isfida li jiffaċċjaw il-ġenituri llum biex jipproteġu lil uliedhom. Peress li l-kwalità tal-ħajja tal-familja qabdet in-niżla u żdied il-faqar, f’ħafna pajjiżi l-għadd taʼ tfal li jgħixu fit-toroq qiegħed jiżdied. Li tfal żgħar jintbagħtu jaħdmu huwa riżultat tan-nuqqas li jiġu protetti mill-esplojtazzjoni. L-abbuż tad-drogi wkoll jeqred ħafna żgħażagħ. Per eżempju, meta ċertu żagħżugħ Brażiljan qabad il-vizzju tad-drogi, il-paċi għebet minn ġewwa daru. Minbarra t-tensjoni emozzjonali li ġarrbu l-ġenituri tiegħu, dawn kellhom jitħabtu biex iħallsu l-kontijiet taʼ binhom ħalli jirkupra, fil-waqt li t-traffikanti tad-droga li ma jafux x’inhi ħniena marru wara biebhom jitolbu ħlashom.
Minkejja l-pressjonijiet tal-ħajja, madankollu, ħafna ġenituri jkomplu jitħabtu biex jipprovdu għal uliedhom mhux biss ikel, ħwejjeġ, u saqaf fuq rashom imma wkoll protezzjoni mill-vjolenza, mill-abbuż tad-drogi, u minn problemi oħrajn. Din hija xi ħaġa nobbli, imma hija biżżejjed? Xi ngħidu għal protezzjoni emozzjonali u spiritwali? Ħafna jirrealizzaw li biex ix-xogħol tal-ġenituri jkun taʼ suċċess, dan jinkludi li jittrattaw sfidi li jinvolvu l-għażla tal-ħbieb u r-rikreazzjoni taʼ wliedhom. Madankollu, kif jistgħu l-ġenituri jevitaw li jkunu jew protettivi żżejjed jew permissivi żżejjed? Int mistieden tikkunsidra t-tweġibiet misjubin fl-artiklu li jmiss.
[Nota taʼ taħt]
a F’dan l-artiklu l-ismijiet ġew mibdulin.