LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 3/1 pp. 26-29
  • Irġiel “b’Sentimenti Bħal Tagħna”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Irġiel “b’Sentimenti Bħal Tagħna”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Mosè Minn Kunfidenti Żżejjed Sar Ġwejjed
  • Elija Kellu Sentimenti bħal Tagħna fi Żmien taʼ Dixxiplina
  • Ġeremija Wera Kuraġġ Minkejja Skuraġġiment
  • Ġesù Kellu Sentimenti bħal Tagħna
  • Il-​Fiduċja taʼ Jehovah
  • Se Tkun Int Leali Bħal Elija?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Kiseb il-Faraġ Mingħand Alla Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Kiseb il-Faraġ Mingħand Alla Tiegħu
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • Għandek Int Fidi Bħal t’Elija?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 3/1 pp. 26-29

Irġiel “b’Sentimenti Bħal Tagħna”

KIEN sultan u profeta imma wkoll missier li jħobb. Wieħed minn uliedu kiber u sar fieragħ u kburi. F’attentat b’determinazzjoni biex jaħtaf it-​tron taħt idejh, dan l-​iben qajjem gwerra ċivili, bit-​tir li joqtol lil missieru. Imma fil-​battalja li segwiet, kien l-​iben li ġie maqtul. Meta l-​missier sar jaf bil-​mewt taʼ ibnu, mar ġo kamra fuq il-​bejt waħdu u beka: “Ibni Absalom! Ibni! Ibni Absalom! M’hux li mitt jien minflokok. Absalom ibni! Ibni!” (2 Samwel 19:1 [2 Samwel 18:33, NW]) Il-​missier kien is-​Sultan David. Bħal profeti oħrajn taʼ Jehovah, kien “raġel b’sentimenti bħal tagħna.”—Ġakbu 5:17, NW.

Fi żminijiet Bibliċi l-​irġiel u n-​nisa li tkellmu f’isem Jehovah kienu minn kull qasam tal-​ħajja u kienu nies ordinarji. Bħalna, huma kellhom problemi u batew minħabba l-​imperfezzjonijiet. Min kienu xi wħud minn dawn il-​profeti, u s-​sentimenti tagħhom kif kienu bħal tagħna?

Mosè Minn Kunfidenti Żżejjed Sar Ġwejjed

Mosè kien profeta prominenti taʼ qabel l-​era Kristjana. Saħansitra taʼ 40 sena, madankollu, kien għadu mhux lest li jaqdi bħala l-​kelliemi t’Alla. Għala? Waqt li ħutu kienu mgħakksin mill-​Fargħun taʼ l-​Eġittu, Mosè trabba fid-​dar taʼ Fargħun u kien “qawwi fi kliemu u għemilu.” Ir-​rakkont jgħidilna: “Mosè ħaseb li ħutu fehmu li Alla kien se jeħlishom permezz tiegħu.” Billi kien kunfidenti żżejjed, aġixxa b’mod aggressiv biex jiddefendi rsir Lhudi, u qatel Eġizzjan.—Atti 7:22-25; Eżodu 2:11-14.

Issa Mosè ġie mġiegħel jaħrab, u qattaʼ l-​erbgħin sena taʼ wara bħala ragħaj ’il bogħod f’Midjan. (Eżodu 2:15) Fit-​tmiem taʼ dak iż-​żmien, Mosè, issa taʼ 80 sena, ġie maħtur bħala profeta minn Jehovah. Imma Mosè ma baqax kunfidenti żżejjed. Tant ħassu mhux ikkwalifikat li ddubita dwar l-​inkarigu li Jehovah tah bħala profeta, billi uża espressjonijiet bħal, “Min jien biex immur quddiem il-​Fargħun”? u, “Jiena xi ngħidilhom?” (Eżodu 3:11, 13) Billi Jehovah bl-​imħabba kollha assigurah u għenu, Mosè mar biex iwettaq l-​inkarigu tiegħu b’suċċess kbir.

Ġieli int, bħal Mosè, minħabba li kont kunfidenti żżejjed wasalt biex tagħmel jew tgħid affarijiet li ma kinux għaqlin? Jekk inhu hekk, aċċetta iżjed taħriġ bl-​umiltà. Jew ġieli ħassejtek mhux ikkwalifikat f’li twettaq ċerti responsabbiltajiet Kristjani? Minflok ma tevitahom, aċċetta l-​għajnuna offruta minn Jehovah u mill-​organizzazzjoni tiegħu. Dak il-​Wieħed li għen lil Mosè jistaʼ jgħin lilek ukoll.

Elija Kellu Sentimenti bħal Tagħna fi Żmien taʼ Dixxiplina

“Elija kien raġel b’sentimenti bħal tagħna, u madankollu fit-​talb hu talab biex ma tinżilx xita; u ma niżlitx xita fuq l-​art għal tliet snin u sitt xhur.” (Ġakbu 5:17, NW) It-​talba taʼ Elija kienet fi qbil mar-​rieda taʼ Jehovah biex jiddixxiplina ġens li kien tbiegħed Minnu. Madankollu, Elija kien jaf li n-​nixfa li kien qed jitlob għaliha kienet se ġġib sofferenza għall-​bnedmin. Iżrael kien pajjiż kważi kollu agrikolu; in-​nida u x-​xita kienu l-​għajxien tan-​nies. Nixfa kontinwa kienet se ġġib niket kbir ferm. Il-​ħxejjex kienu se jidbielu; il-​prodotti ma kinux se jirnexxu. L-​annimali domestiċi li kienu jintużaw għax-​xogħol u għall-​ikel kienu se jmutu, u xi familji kienu se jiġu mheddin bil-​għaks. Min kien se jsofri l-​iżjed? In-​nies komuni. Iktar tard armla qalet lil Elija li kien għad baqgħalha biss daqs qabda dqiq u ftit żejt. Kienet ċerta li hi u binha kienu se jmutu bil-​ġuħ. (1 Slaten 17:12) Biex Elija setaʼ jitlob b’dak il-​mod, bilfors li kellu fidi soda li Jehovah kien se jieħu ħsieb il-​qaddejja Tiegħu​—sinjuri jew fqar—​li m’abbandunawx il-​qima vera. Bħalma juri r-​rakkont, Elija ma kienx iddiżappuntat.—1 Slaten 17:13-16; 18:3-5.

Tliet snin wara, meta Jehovah indika li dalwaqt kien se jġib ix-​xita, ix-​xewqa sinċiera taʼ Elija li jara n-​nixfa tispiċċa, tidher mit-​talb intens u ripetut tiegħu waqt li “nxteħet fl-​art, u qiegħed wiċċu bejn irkubbtejh.” (1 Slaten 18:42) Ripetutament, wissa lill-​qaddej tiegħu: “Itlaʼ, u ħares lejn in-​naħa tal-​baħar” għal xi indikazzjoni li Jehovah semaʼ t-​talb tiegħu. (1 Slaten 18:43) X’ferħ żgur li ħass meta fl-​aħħar, bi tweġiba għat-​talb tiegħu, “is-​sema radd ix-​xita u l-​art għamlet il-​frott”!—Ġakbu 5:18.

Jekk int ġenitur jew anzjan fil-​kongregazzjoni Kristjana, għandu mnejn trid tissielet maʼ sentimenti profondi waqt li tamministra l-​korrezzjoni. Madankollu, emozzjonijiet umani bħal dawn għandhom bżonn ikunu mmoderati bil-​konvinzjoni li kultant id-​dixxiplina hija neċessarja u li meta tiġi amministrata bl-​imħabba, din ‘trodd il-​frott taʼ ħajja mimlija bis-​sliem u l-​ġustizzja.’ (Lhud 12:11) Ir-​riżultati taʼ li tobdi l-​liġijiet taʼ Jehovah huma dejjem taʼ min jixtieqhom. Bħal Elija, aħna nitolbu minn qalbna biex dawn jitwettqu.

Ġeremija Wera Kuraġġ Minkejja Skuraġġiment

Mill-​kittieba kollha tal-​Bibbja, Ġeremija forsi kien dak li kiteb l-​iktar dwar is-​sentimenti persunali tiegħu. Bħala żagħżugħ, hu żamm lura milli jaċċetta l-​inkarigu tiegħu. (Ġeremija 1:6) Minkejja dan kompla jiddikjara l-​kelma t’Alla b’kuraġġ kbir, u dan ġablu biss oppożizzjoni ħarxa mill-​Iżraeliti sħabu​—ibda mis-​sultan san-​nies komuni. Dik l-​oppożizzjoni xi drabi ġagħlitu jirrabja u jibki. (Ġeremija 9:2 [Ġeremija 9:3, NW]; Ġeremija 18:20-23; Ġeremija 20:7-18) F’okkażjonijiet differenti ħabtu għalih, sawtuh, poġġewh fil-​qjud, tefgħuh il-​ħabs, heddewh bil-​mewt, u ħallewh imut ġot-​tajn fil-​qiegħ taʼ ġiebja vojta. Xi drabi saħansitra l-​messaġġ taʼ Jehovah kien iweġġgħu, bħalma ġie muri bi kliemu stess: “Ajma l-​ġewwieni, il-​ġewwieni tiegħi! Ajma l-​għeruq taʼ qalbi!”—Ġeremija 4:19.

Xorta waħda, kien iħobbha l-​kelma taʼ Jehovah, u qal: “Kelmtek saritli l-​ferħ u l-​hena taʼ qalbi.” (Ġeremija 15:16) Fl-​istess ħin, il-​frustrazzjoni wasslitu biex jgħajjat lil Jehovah: “Se ssir int għalija bħal nixxiegħa qarrieqa,” bħal ilma taʼ xmara li malajr jinxef. (Ġeremija 15:18) Minkejja dan, Jehovah fehem is-​sentimenti taʼ konflitt tiegħu u baqaʼ jappoġġjah biex b’hekk ikun jistaʼ jwettaq l-​inkarigu tiegħu.—Ġeremija 15:20; ara wkoll 20:7-9.

Ġieli, bħal Ġeremija, tiffaċċja frustrazzjoni jew oppożizzjoni waqt li twettaq il-​ministeru tiegħek? Fittex lil Jehovah. Ibqaʼ segwi d-​direzzjoni tiegħu, u Jehovah se jbierek l-​isforzi tiegħek ukoll.

Ġesù Kellu Sentimenti bħal Tagħna

L-​aqwa profeta taż-​żminijiet kollha kien l-​Iben t’Alla stess, Ġesù Kristu. Għalkemm kien bniedem perfett, hu ma żammx l-​emozzjonijiet tiegħu moħbijin. Taʼ spiss naqraw dwar is-​sentimenti ġewwinija tiegħu, li bilfors kienu evidenti f’wiċċu u fir-​reazzjoni tiegħu lejn ħaddieħor. Ġesù kien taʼ spiss “[i]mqanqal mill-​ħniena,” u uża l-​istess espressjoni meta kien jiddeskrivi karattri fit-​tixbihat tiegħu.—Mark 1:41; 6:34; Luqa 10:33.

Hu bilfors li għolla leħnu meta keċċa lill-​bejjiegħa u l-​annimali mit-​tempju meta qal: “Warrbu dawn minn hawn”! (Ġwann 2:14-16) Is-​suġġeriment taʼ Pietru, “Kun qalbek tajba miegħek innifsek, Mulej,” ġab it-​tweġiba qawwija, “Għaddi warajja, Satana!”—Mattew 16:22, 23, NW.

Ġesù kellu affezzjoni speċjali għal ċerti wħud speċjalment dawk li kienu ħbieb tal-​qalb. L-​appostlu Ġwanni ġie deskritt bħala d-​“dixxiplu li kien iħobb Ġesù.” (Ġwann 21:7, 20) U naqraw: “Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lazzru.”—Ġwann 11:5.

Ġesù setaʼ wkoll iħossu mweġġaʼ. Billi ħass għat-​traġedja tal-​mewt taʼ Lazzru, “Ġesù beka.” (Ġwann 11:32-36) Waqt li rrivela l-​uġigħ taʼ qalb ikkaġunat mit-​traditur tiegħu Ġuda l-​Iskarjota, Ġesù kkwota espressjoni li tniggeż mis-​Salmi: “Min kiel il-​ħobż miegħi, tani bis-​sieq.”—Ġwann 13:18; Salm 41:10 [Salm 41:9, NW].

Saħansitra waqt li kien qed iġarrab uġigħ agonizzanti fuq iz-​zokk, Ġesù wera kemm kien qed iħoss profondament. Hu bil-​ħlewwa fada ’l ommu f’idejn id-​“dixxiplu li kien iħobb.” (Ġwann 19:26, 27) Meta ra evidenza taʼ ndiema f’wieħed mill-​kriminali mdendel maʼ zokk maġenbu, Ġesù b’mogħdrija qallu: “Tkun fil-​Ġenna miegħi.” (Luqa 23:43) Nistgħu nħossu l-​emozzjoni spontanja fil-​karba tiegħu: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (Mattew 27:46) U l-​kliem li lissen waqt li kien qed imut juri biċ-​ċar imħabba u fiduċja mill-​qalb: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi.”—Luqa 23:46.

X’assiguranza jagħtina dan kollu! “Għax aħna ma għandniex qassis il-​kbir li ma jistax jagħder id-​dgħufija tagħna, imma għandna wieħed [Ġesù] li kien imġarrab bħalna f’kollox, minbarra d-​dnub.”—Lhud 4:15.

Il-​Fiduċja taʼ Jehovah

Jehovah qatt ma ddispjaċieh dwar l-​għażla tiegħu taʼ kelliema. Kien jaf dwar il-​lealtà tagħhom lejh, u bil-​mogħdrija għalaq għajnejh għad-​dgħjufijiet taʼ dawk li kienu imperfetti. Madankollu, kien jistenna li huma jwettqu l-​inkarigu tagħhom. Bil-​għajnuna tiegħu huma kienu kapaċi jagħmlu dan.

Ejjew bil-​paċenzja nuru fiduċja f’ħutna rġiel u nisa leali. Bħalna, huma dejjem se jkunu imperfetti f’din is-​sistema t’affarijiet. Xorta waħda, qatt m’għandna niġġudikaw lil ħutna bħala li ma jixirqilhomx l-​imħabba u l-​attenzjoni tagħna. Pawlu kiteb: “Aħna li aħna sħaħ fil-​fidi għandna ngħinu lid-​dgħajfa jerfgħu l-​piż tagħhom u mhux infittxu nogħġbu lilna nfusna.”—Rumani 15:1; Kolossin 3:13, 14.

Il-profeti taʼ Jehovah esperjenzaw l-​emozzjonijiet kollha li nesperjenzaw aħna. Minkejja dan, huma fdaw f’Jehovah, u Jehovah sostniehom. Iktar minn hekk, Jehovah tahom raġunijiet biex jifirħu​—kuxjenza tajba, esperjenzar tal-​favur tiegħu, imseħbin leali li sostnewhom, u l-​assiguranza taʼ futur hieni. (Lhud 12:1-3) Ejjew ukoll b’fiduċja sħiħa nżommu qrib taʼ Jehovah hekk kif nimitaw il-​fidi tal-​profeti tal-​qedem, irġiel “b’sentimenti bħal tagħna.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja