Għożż Il-Ħajja Vera
HIJA DIN il-ħajja kulma hemm? Billi tinkuraġġina biex ‘niksbu qabda soda fuq il-ħajja vera,’ il-Bibbja tindika li hemm iktar. (1 Timotew 6:17-19) Jekk il-ħajja preżenti tagħna m’hijiex il-ħajja vera, liema waħda hija?
Il-kuntest taʼ l-iskrittura taʼ qabel juri li hija l-“ħajja taʼ dejjem” li fuqha persuna li tibżaʼ minn Alla għandha tikseb qabda soda. (1 Timotew 6:12) Għall-maġġoranza minna, dan ifisser ħajja taʼ dejjem fuq l-art. Adam, l-ewwel bniedem, kellu l-prospett li jgħix għal dejjem fuq art magħmula ġenna. (Ġenesi 1:26, 27) Kellu jmut biss jekk jiekol mis-“siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin.” (Ġenesi 2:17) Imma minħabba li Adam u martu, Eva, b’mod diżubbidjenti kielu minn dik is-siġra, Alla ppronunzja s-sentenza tal-mewt. ‘Fil-jum li kielu minnha,’ mietu f’għajnejn Alla u bdew in-niżla tagħhom lejn il-mewt fiżika. Il-ħajja tagħhom ma kenitx iktar tal-kwalità li kienu gawdew għall-ewwel.
Il-Mogħdija Għall-“Ħajja Vera”
Sabiex jagħmel “il-ħajja vera” possibbli, Alla Jehovah għamel arranġament biex isalva lill-umanità. Biex jgħinna nifhmu dan l-arranġament, ejjew nimmaġinaw fabbrika żgħira. Il-magni kollha taʼ ġo fiha huma difettużi u jikkaġunaw l-inkwiet għal dawk li jħaddmuhom għaliex l-ewwel ħaddiem snin ilu injora l-manwal taʼ l-istruzzjonijiet u ħassar il-magni kollha. Dawk li llum iħaddmuhom jistgħu biss jagħmlu l-aħjar tagħhom biex jaħdmu b’dak li għandhom. Il-propjetarju tal-fabbrika jrid jibni mill-ġdid il-magni biex jgħin lill-ħaddiema tiegħu, u qiegħed iwarrab il-fondi neċessarji għal dak l-iskop.
L-ewwel ‘ħaddiem fuq il-magna,’ Adam, ma kienx jgħożż il-ħajja li ngħatatlu. Għalhekk, għadda għal fuq in-nisel tiegħu ħajja imperfetta, simili għal magna li taħdem ħażin. (Rumani 5:12) Bħall-ħaddiema tal-fabbrika li ġew wara, u li ma setgħux jirranġaw is-sitwazzjoni, in-nisel t’Adam ma kinux kapaċi jiksbu l-ħajja vera għalihom infushom. (Salm 49:7) Biex jikkorreġi din is-sitwazzjoni li kienet tidher bla tama, Jehovah bagħat lill-Iben uniġenitu tiegħu fuq l-art biex jixtri lura l-ħajja taʼ dejjem għall-umanità. (Luqa 1:35; 1 Pietru 1:18, 19) Billi miet mewta taʼ sagrifiċċju għan-nom taʼ l-umanità, l-Iben uniġenitu t’Alla, Ġesù Kristu, ipprovda l-fondi—il-ħajja li tikkorrispondi maʼ dik li tilef Adam. (Mattew 20:28; 1 Pietru 2:22) B’dan is-sagrifiċċju prezzjuż, Jehovah issa għandu l-bażi biex jipprovdi l-ħajja vera.
Għall-umanità ubbidjenti, is-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù se jfisser il-ħajja eterna fuq art magħmula ġenna. (Salm 37:29) Din it-tama hija estiża lil dawk kollha li jsalvaw mill-“gwerra tal-jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox,” li hija rriferuta bħala Ħar-Magedon. (Rivelazzjoni 16:14-16) Din se teħles mill-ħażen kollu taʼ fuq l-art. (Salm 37:9-11) Dawk fil-memorja t’Alla li jmutu qabel dak iż-żmien se jiġu rxoxtati għall-Ġenna rrestawrata fuq l-art u se jkollhom il-prospett li jgawdu l-ħajja vera li hemm merfugħa għal dawk kollha li jobdu lil Alla.—Ġwann 5:28, 29.
Bżonn Li Ngħożżu L-Ħajja Preżenti Tagħna
Dan ma jfissirx li nistgħu b’mod xieraq nuru li ma nikkalkulawx il-qdusija tal-ħajja preżenti tagħna. Sejjer il-propjetarju tal-fabbrika jaħli l-ħin u l-flus biex jibni mill-ġdid magna għal ħaddiem li ma jiħux ħsiebha? Minflok, m’huwiex dak li jħaddem se jafda l-magna mibnija mill-ġdid lil persuna li għamlet l-aħjar tagħha biex tmantni l-waħda qadima?
Il-ħajja hija għotja prezzjuża mingħand Jehovah. Bħala s-sors benevolenti taʼ dik l-għotja, jridna ngħożżuha. (Salm 36:9; Ġakbu 1:17) Billi tkellem dwar it-tħassib taʼ Jehovah għan-nies fuq l-art, Ġesù qal: “Saħansitra x-xagħar kollu taʼ rjuskom huwa magħdud.” (Luqa 12:7) Jehovah ikkmanda lill-Iżraeliti biex ma joqtlux, li naturalment kien jinkludi li ma joqtlux lilhom infushom. (Eżodu 20:13) Dan jgħinna nevitaw li nqisu s-suwiċidju bħala għażla.
Billi jafu l-interess b’imħabba taʼ Jehovah fil-ġid tagħna, nies li jibżgħu minn Alla japplikaw prinċipji Bibliċi għall-prattiċi tal-lum. Per eżempju, minħabba li l-Kristjani veri huma mitlubin biex ‘inaddfu lilhom infushom minn kull tniġġis tal-laħam u taʼ l-ispirtu, billi jipperfezzjonaw il-qdusija fil-biżaʼ t’Alla,’ huma jistmerru t-tabakk u drogi vizzjużi li jbiddlu l-moħħ.—2 Korintin 7:1.
L-interess t’Alla fil-ħajja umana jidher iktar fil-parir tiegħu biex inżommu “qalb kalma” u biex nevitaw kondotta immorali. (Proverbji 14:30; Galatin 5:19-21) Billi nżommu maʼ dawn il-livelli għoljin, niġu protetti minn affarijiet bħal korla u mardiet trażmessi sesswalment li huma taʼ detriment.
It-tħassib taʼ Jehovah għall-ħajjiet tan-nies tiegħu huwa evidenti fit-twissija biex iżommu lura milli jieklu żżejjed u jixorbu żżejjed. (Dewteronomju 21:18-21; Proverbji 23:20, 21) Il-Kristjani huma mwissijin li persuni rgħiba u sakranazzi m’humiex se jirtu s-Saltna t’Alla, jiġifieri, qatt m’huma se jesperjenzaw il-ħajja vera. (1 Korintin 6:9, 10; 1 Pietru 4:3) Billi jinkuraġġixxi l-moderazzjoni, Jehovah jgħallimna biex nibbenefikaw lilna nfusna.—Isaija 48:17.
Meta nżommu mal-livelli t’Alla, nuru li aħna ngħożżu l-ħajja preżenti tagħna. M’għandniex xi ngħidu, saħansitra iktar sinjifikanti hija l-ħajja vera. Ladarba hija għal dejjem, il-veri Kristjani jagħtu iktar importanza lilha milli lill-ħajja preżenti tagħhom. Meta Ġesù Kristu ssagrifika ħajtu, hu ssuġġetta lilu nnifsu għar-rieda taʼ Jehovah. L-ubbidjenza lejn Missieru kienet tfisser ferm iktar għalih mill-ħajja tiegħu hawn fuq l-art. Il-korsa taʼ Ġesù rriżultat fl-irxoxt tiegħu u f’li hu jirċievi ħajja immortali fis-sema. (Rumani 6:9) Il-mewt tiegħu tfisser ukoll ħajja taʼ dejjem għall-umanità ubbidjenti li jeżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju bħala rahan tiegħu.—Ebrej 5:8, 9; 12:2.
Liġi Vitali Fuq Id-Demm
Wieħed jistaʼ jifhem li s-segwaċi taʼ Ġesù jirriflettu l-mod taʼ ħsieb tiegħu. Huma jfittxu li jogħġbu lil Alla fl-affarijiet kollha, saħansitra bħalma għamel Kristu. Minn banda, dan jispjega għala jirrifjutaw it-trasfużjonijiet tad-demm, li xi tobba jsejħulhom bħala li jsalvaw il-ħajja. Ejjew naraw kif persuna turi li tgħożż il-ħajja vera billi tirrifjuta t-trasfużjonijiet tad-demm.
Bħal Ġesù Kristu, il-Kristjani veri jixtiequ li jkunu ħajjin f’għajnejn Alla, u dak jirrikjedi ubbidjenza kompleta Lejh. Il-Kelma t’Alla tikkmanda lis-segwaċi taʼ Kristu: ‘Ibqgħu astjenu minn affarijiet issagrifikati lil idoli u minn demm u minn affarijiet imgħallqin u minn fornikazzjoni.’ (Atti 15:28, 29) Din il-liġi dwar id-demm għala kienet inkluża fost il-kmandi li jorbtu lill-Kristjani?
Il-Liġi mogħtija lill-Iżraeliti rrikjediet astinenza mid-demm. (Levitiku 17:13, 14) Il-Kristjani m’humiex taħt il-Liġi Mosajka. Imma jirrealizzaw li l-kmand biex ma jittikilx demm ġie qabel il-Liġi; kien ingħata iktar kmieni lil Noè wara d-Dilluvju. (Ġenesi 9:3, 4; Kolossin 2:13, 14) Dan il-kmand applika għan-nisel kollu taʼ Noè, li tiegħu l-ġnus kollha taʼ l-art huma dixxendenti. (Ġenesi 10:32) Iktar minn hekk, il-Liġi Mosajka tgħinna naraw ir-raġuni għall-insistenza t’Alla fuq il-qdusija tad-demm. Wara li pprojbixxa lill-Iżraeliti li jikkonsmaw id-demm taʼ kwalunkwe xorta, Alla qal: “Ir-ruħ tal-laħam hija fid-demm, u jien stess poġġejtu fuq l-artal għalikom biex tagħmlu tpattija għal erwieħkom, għaliex huwa d-demm li jagħmel tpattija permezz tar-ruħ fih.” (Levitiku 17:11) Id-demm kien irriservat minn Alla għall-użu taʼ sagrifiċċju fuq l-artal. Il-Liġi tiegħu dwar il-qdusija tad-demm tirrivela l-awtorità tiegħu fuq il-ħajja kollha fuq l-art. (Eżekjel 18:4; Rivelazzjoni 4:11) Billi naraw ħajjitna kif jaraha Jehovah, nirrealizzaw li ma tappartjenix lilna imma hija biss fdata lilna minn Alla.
Bħalma dak li jħaddem il-magna fit-tixbieha tagħna kien responsabbli għall-magna, aħna fdati bil-ħajja preżenti tagħna. X’kont tagħmel li kieku l-magna tiegħek kien jinħtiġilha t-tiswija u mekkanik issuġġerixxa li jsewwiha billi juża partijiet li kienu speċifikament ipprojbiti fil-manwal taʼ min iħaddimha? Ma kontx int tikkonsulta mekkaniks oħrajn biex tara jekk il-magna tistax tiġi msewwija fi qbil maʼ l-istruzzjonijiet tal-manwal? Il-ħajja umana hija bil-wisq iktar importanti u komplessa minn magna. Fil-Kelma mnebbħa tiegħu, il-manwal li jżomm il-bnedmin ħajjin, Dak li Għamilna jipprojbixxi l-użu tad-demm biex isostni l-ħajja. (Dewteronomju 32:46, 47; Filippin 2:16) M’huwiex raġonevoli li wieħed iżomm mal-ħtiġijiet taʼ dak il-manwal?
Tassew, pazjenti Kristjani li jitolbu li l-każ tagħhom jiġi ttrattat bla demm m’humiex qegħdin jirrifjutaw il-kura medika kollha. Huma sempliċement qegħdin jitolbu għal kura li se turi rispett għall-ħajja tagħhom—kemm preżenti kif ukoll futura. Tobba li b’kuraġġ jirrispettaw il-waqfa meħuda minn Kristjani jixhdu favur il-benefiċċji talli jikkurawhom f’armonija mar-rikjesta tagħhom. “Il-laqgħa tiegħi max-Xhieda taʼ Jehovah wasslitni għal sett ġdid taʼ valuri,” jgħid wieħed kirurgu li kien jamministra d-demm b’mod estensiv. Issa jipprova jikkura saħansitra lil dawk li m’humiex Xhieda mingħajr demm.
Ngħożżu L-Ħajja Vera
X’kien is-sett ġdid taʼ valuri li dan il-kirurgu sab waqt li kkura lix-Xhieda taʼ Jehovah? Issa hu jirrealizza illi li tikkura pazjent jinvolvi mhux sempliċement il-parti tal-ġisem li hija effettwata mill-marda imma l-persuna kollha. M’għandux pazjent, jew pazjenta, jitħalla jitlob l-aqwa kura għall-ġid fiżiku, spiritwali, u emozzjonali tiegħu?
Għal Kumiko li għandha 15-il sena, trasfużjoni tad-demm biex tikkura l-lewkemja qattiela tagħha kienet l-agħar għażla li setgħet issir. Li tipprova ttawwal ħajjitha b’dan il-mezz għal ftit ġimgħat, xhur, jew saħansitra snin ma kienx valla pena għal dak li kellu jiswielha għall-futur. Billi ddedikat ħajjitha tal-preżent lil Alla Jehovah bħala waħda mix-Xhieda tiegħu, irrispettat il-qdusija tal-ħajja u tad-demm. Għalkemm missierha u qraba oħrajn opponew bil-qawwa l-waqfa tagħha, Kumiko baqgħet soda. It-tabib tagħha darba staqsieha: “Jekk Alla tiegħek jaħfer in-nuqqasijiet, m’huwiex hu se jaħfirlek saħansitra jekk taċċetta trasfużjoni tad-demm?” Kumiko rrifjutat li tagħmel kompromess u b’hekk tirrifjuta t-twemmin tagħha bbażat fuq il-Bibbja. ‘Billi żammet qabda soda mal-kelma tal-ħajja,’ hi żammet il-waqfa tagħha. (Filippin 2:16) Bħalma qalet nannitha li ma kenitx taʼ l-istess twemmin, “Kumiko ma kenitx se tabbanduna l-fidi tagħha.” F’qasir żmien l-attitudni taʼ missierha u nannitha kif ukoll dik tat-tobba li kienet taħthom inbidlet.
Il-fidi soda taʼ Kumiko f’Alla Jehovah, li jistaʼ jirxoxtaha mill-mewt, qanqlet lil ħafna qlub. Waqt li kienet għadha ħajja, talbet bil-ħniena lil missierha: “Saħansitra jekk immut, se niġi rxoxtata fil-Ġenna. Imma jekk int tinqered f’Ħar–Magedon, m’inix se narak. Mela jekk jogħġbok studja l-Bibbja.” Missierha sempliċement baqaʼ jgħid: “Meta tfiq, hekk nagħmel.” Imma meta Kumiko mietet minħabba l-marda kiefra tagħha, missierha poġġa fit-tebut tagħha nota li qalet: “Narak fil-Ġenna, Kumiko.” Wara l-funeral, kellem lil dawk li attendew għall-funeral u qal: “Jien wegħidt lil Kumiko li kont se naraha fil-Ġenna. Għalkemm għadni ma nistax nemmen dan minħabba li ma studjajtx biżżejjed, jien iddeterminat li neżaminah. Jekk jogħġobkom għinuni.” Oħrajn fil-familja tagħha wkoll bdew jistudjaw il-Bibbja.
Kumiko kellha rispett veru għall-ħajja u riedet tgħix. Hi apprezzat dak kollu li t-tobba għamlu biex isalvaw il-ħajja preżenti tagħha. Billi qablet maʼ l-istruzzjonijiet fil-manwal tal-Ħallieq, madankollu, tat prova li hi kienet tgħożż il-ħajja vera. Għal miljuni, dik se tkun ħajja bla tmiem fuq art magħmula ġenna. Se tkun int fosthom? (w95 1/15)
[Stampa f’paġna 6]
[Stampa f’paġna 7]